Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Fatturi Essenzjali għall-​Hena fil-​Familja

Nippreparaw l-Adoloxxenti Biex Isiru Adulti

Nippreparaw l-Adoloxxenti Biex Isiru Adulti

“Qabel kont nieħu gost nitkellem mas-​subien tiegħi. Huma kienu joqogħdu attenti għal dak li kelli x’ngħidilhom, u kienu jwieġbu mill-​ewwel. Imma issa li saru adoloxxenti, niġġieldu dwar kollox. Saħansitra ma jiħdux gost bir-​rutina spiritwali tagħna. ‘Bilfors irridu nitkellmu dwar il-​Bibbja?’ jistaqsu huma. Qabel ma s-​subien tiegħi bdew jiżviluppaw, qatt ma immaġinajt li dan setaʼ jiġri lill-​familja tiegħi —anki meta kont narah jiġri lil oħrajn.”—Reggie. a

QIEGĦED int trabbi adoloxxenti? Jekk iva, int qed tixhed għal waħda mill-​iktar fażijiet affaxxinanti taʼ l-​iżvilupp taʼ wliedek. Tistaʼ tkun ukoll waħda mill-​iktar fażijiet taʼ niket. Jinstemgħu familjari x-​xeni li ġejjin?

  • Meta ibnek kien iżgħar, kien bħal dgħajsa marbuta maʼ moll—miegħek. Issa bħala adoloxxenti, hu qed iġebbed il-​ħabel, ħerqan biex isalpa, u int għandek l-​impressjoni li m’intix mistieden fuq id-​dgħajsa.

  • Meta bintek kienet għadha żgħira, hi kienet tgħidlek kollox. Issa bħala adoloxxenti, ifformat ‘klabb soċjali’ maʼ sħabha, u int tħoss li ma ngħatajtx permess biex tingħaqad mal-​klabb.

Jekk qed jiġri xi ħaġa simili f’darek, taqbadx u tikkonkludi li wliedek qed isiru ribelli li ma jistgħux jinbidlu. Imma allura, x’inhu jiġri? Biex inwieġbu din il-​mistoqsija, ejja nikkunsidraw l-​irwol vitali li għandha l-​adoloxxenza fl-​iżvilupp taʼ wliedek.

L-​Adoloxxenza —Żmien Importanti fl-​Iżvilupp

Mit-​twelid ’il quddiem, il-​ħajja tat-​tfal tkun mimlija b’affarijiet li jagħmluhom għall-​ewwel darba—l-​ewwel passi, l-​ewwel kelma, l-​ewwel jum taʼ l-​iskola, biex insemmu ftit minnhom. Il-​ġenituri jifirħu meta wliedhom jagħmlu progress f’xi ħaġa importanti fl-​iżvilupp. Dak li jwettqu juri li wliedhom qed jikbru.

L-adoloxxenza hija wkoll żmien importanti fl-​iżvilupp—għalkemm xi ġenituri ma tantx jifirħu meta tasal. Nistgħu nifhmu għala jibżgħu. Wara kollox, liema omm jew missier jieħu pjaċir jara tfal ubbidjenti jinbidlu f’adoloxxenti li jbatu bin-​nervi? Xorta waħda, l-​adoloxxenza hija fażi vitali taʼ l-​iżvilupp. B’liema mod?

Il-Bibbja tgħid li maż-​żmien “raġel iħalli lil missieru u lil ommu.” (Ġenesi 2:24) Il-​funzjoni prinċipali taʼ l-​adoloxxenza hi li tgħin biex tipprepara lil uliedek għal dak il-​jum sabiħ imma taʼ niket. F’dak iż-​żmien, uliedek għandhom ikunu jistgħu jgħidu bħalma qal l-​appostlu Pawlu: “Meta kont tifel ċkejken, kont nitkellem taʼ tifel, naħseb taʼ tifel, nirraġuna taʼ tifel; imma issa li sirt raġel, neħħejt il-​karatteristiki taʼ tifel ċkejken.”—1 Korintin 13:11.

Dan hu dak li jagħmlu wliedek matul l-​adoloxxenza—iħallu warajhom id-​drawwiet tat-​tfulija u jitgħallmu jsiru adulti żgħar responsabbli li huma indipendenti u maturi biżżejjed biex jitilqu mid-​dar. Fil-​fatt, xogħol wieħed taʼ referenza jiddeskrivi r-​realtà qarsa taʼ l-​adoloxxenza bħala ż-​żmien meta l-​adoloxxenti jippreparaw biex jitilqu l-​ġenituri.

Huwa minnu li bħalissa l-​ħsieb li t-​tfal “ċkejknin” tiegħek se jsiru indipendenti jistaʼ jagħmlek ħosbien. Għandek mnejn tistaqsi:

  • “Jekk ibni m’huwiex responsabbli biżżejjed biex iżomm kamartu nadifa, kif se jirnexxilu jieħu ħsieb il-​post tiegħu?”

  • “Jekk binti ma tistax tafdaha biex iżżomm mal-​ħin li għandha tiġi d-​dar, kif se jirnexxilha tibqaʼ fix-​xogħol li jkollha?”

Jekk tissara maʼ dan it-​tip taʼ tħassib, ftakar dan: L-​indipendenza m’hijiex bieb li wliedek sempliċement jgħaddu minnu; hija triq li jivvjaġġaw minnha, u jdumu snin sħaħ biex jispiċċaw il-​vjaġġ. Għalissa, int taf minn dak li tosserva li “l-​bluha hi marbuta maʼ qalb taʼ tifel”—jew tifla.—Proverbji 22:15.

Madankollu, bi gwida xierqa, uliedek x’aktarx li joħorġu mill-​adoloxxenza bħala adulti żgħażagħ responsabbli “bis-​sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.”—Ebrej 5:14.

Affarijiet Fundamentali għas-​Suċċess

Biex tħejji lill-​adoloxxenti tiegħek isir adult, għandek bżonn tgħinu jiżviluppa “l-​qawwa tar-​raġuni” tiegħu ħalli jkun jistaʼ jieħu deċiżjonijiet għaqlin waħdu. b (Rumani 12:1, 2) Il-​prinċipji Bibliċi li ġejjin se jgħinuk tagħmel dan.

Filippin 4:5: “Ħa jkun jaf kulħadd kemm intom raġunevoli.” L-​adoloxxenti tiegħek jitolbok xi ħaġa, forsi biex idum ftit iżjed ma jidħol id-​dar fil-​għaxija. Int tirrifjuta mill-​ewwel. L-​adoloxxenti tiegħek jilmenta, “Qed tittrattani qisni tifel żgħir!” Qabel ma twieġbu, “Fil-​fatt, qed taġixxi taʼ tifel żgħir,” ikkunsidra dan li ġej: L-​adoloxxenti għandhom it-​tendenza li jitolbu iktar libertà milli jifilħu għaliha, imma l-​ġenituri għandhom mnejn jagħtuhom inqas libertà milli jistgħu jagħtuhom. Jistaʼ jkun li kultant tistaʼ tagħtih ftit iktar libertà mis-​soltu? Għallinqas, għala ma taħsibx ftit dwar kif l-​adoloxxenti tiegħek iħares lejn l-​affarijiet?

IPPROVA DAN: Ikteb aspett jew tnejn li fihom tistaʼ tagħti ftit iktar libertà lill-​adoloxxenti tiegħek. Spjegalu li qed tagħtih din il-​libertà fuq bażi taʼ prova. Jekk ikun responsabbli, maż-​żmien ikun jistaʼ jingħata iktar libertà. Jekk le, il-​libertà li tingħatalu titnaqqas.—Mattew 25:21.

Kolossin 3:21: “Intom missirijiet, iddejquhomx lil uliedkom, sabiex ma jaqtgħux qalbhom.” Xi ġenituri jipprovaw jikkontrollaw lill-​adoloxxenti tagħhom il-​ħin kollu. Jagħmlu minn kollox biex jikkontrollawlu ħajtu, kulma jkun jonqoshom hu li jsakkruh id-​dar. Huma jagħżlulu l-​ħbieb u jissemmgħulu t-​telefonati tiegħu. Imma dawn it-​tekniki jistgħu jaħdmu bil-​kontra. Jekk tikkontrollawh b’dan il-​mod tistgħu sempliċement iġġegħluh ikun irid jaħrab; jekk il-​ħin kollu tikkritikaw lil sħabu jistgħu biss jibdew jogħġbuh iktar; jekk tissemmgħulu tistgħu tisforzawh ifittex modi kif jikkomunika maʼ sħabu minn wara daharkom. Iktar ma tipprovaw tikkontrollawh, inqas tistgħu tispiċċaw ikollkom kontroll fuqu. Fil-​fatt, jekk l-​adoloxxenti tagħkom qatt ma jitgħallem jieħu deċiżjonijiet għalih innifsu meta jkun għadu d-​dar, kif se jkun jaf jiħodhom meta jitlaq?

IPPROVA DAN: Meta terġaʼ tkellem lill-​adoloxxenti tiegħek dwar xi kwistjoni, għinu jirraġuna dwar kif l-​għażliet tiegħu jirriflettu fuqu. Per eżempju, minflok ma tikkritika lil sħabu, għidlu: “Xi ngħidu jekk [l-isem tal-​ħabib] jiġi arrestat talli jkun kiser il-​liġi? X’dell se jitfaʼ fuqek?” Għin lill-​adoloxxenti tiegħek jara kif l-​għażliet tiegħu jistgħu jew itejbu r-​reputazzjoni tiegħu jew iħassruhielu.—Proverbji 11:17, 22; 20:11.

Efesin 6:4: “U intom, missirijiet, iddejqux lil uliedkom, imma ibqgħu rabbuhom fid-​dixxiplina u l-​gwida mentali taʼ Ġeħova.” It-​terminu “gwida mentali” jirreferi għal iktar milli sempliċement tgħidlu l-​fatti. Dan ifisser li tappella għas-​sens morali tat-​tifel b’tali mod li jiġu influwenzati l-​azzjonijiet tiegħu. Dan hu speċjalment kruċjali meta t-​tifel tiegħek isir adoloxxenti. Missier li jismu Andre jgħid li “iktar ma jikbru wliedek, iktar ikollok bżonn taġġusta l-​mod kif tkellimhom u iktar trid tirraġuna magħhom.”—2 Timotju 3:14.

IPPROVA DAN: Meta tqum kwistjoni, ipprovaw ibdlu l-​irwoli tagħkom. Staqsi lill-​adoloxxenti tiegħek liema parir kieku jagħtik li kieku int kont it-​tifel tiegħu. Għidlu jagħmel riċerka u jagħtik raġunijiet biex jappoġġa—jew imur kontra—il-​ħsibijiet tiegħu. Erġaʼ ddiskuti l-​kwistjoni fi żmien ġimgħa.

Galatin 6:7: “Dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad.” Tifel jistaʼ jiġi mgħallem permezz taʼ kastig—forsi billi tibagħtu f’kamartu jew billi ċċaħħdu minn attività li jħobb jagħmel. M’adoloxxenti jkun aħjar li tikkunsidra l-​konsegwenzi.—Proverbji 6:27.

IPPROVA DAN: Issalvahx billi tħallaslu d-​dejn li jidħol fih jew billi tiġġustifikah maʼ l-​għalliema tiegħu talli ma jgħaddix minn xi test. Ħallih ibati l-​konsegwenzi, u t-​tagħlima ddum f’moħħu.

Bħala ġenitur, x’aktarx li int tixtieq li l-​adoloxxenza tkun bħal runway li t-​tifel tiegħek jistaʼ jiġri fiha u jaqbad il-​pass malajr mingħajr ebda problema u jtir fir-​rotta tal-​ħajja bħala adult. Imma t-​tluq rari jkun daqshekk faċli. Xorta waħda, l-​adoloxxenza taʼ ibnek tagħtik opportunità mill-​isbaħ biex ‘tħarreġ tifel skond it-​triq xierqa għalih.’ (Proverbji 22:6) Il-​prinċipji Bibliċi huma bażi soda li fuqha tistaʼ tibni l-​hena tal-​familja.

a L-isem ġie mibdul.

b Waqt li se nirreferu għat-​tfal fil-​maskil, il-​prinċipji li se jiġu diskussi japplikaw għaż-​żewġ sessi.

STAQSI LILEK INNIFSEK . . .

Sakemm jiġu biex jitilqu mid-​dar, se jkunu l-​adoloxxenti tiegħi kapaċi jagħmlu dan li ġej?

  • iżommu rutina spiritwali regulari

  • jagħmlu għażliet u jieħdu deċiżjonijiet tajbin

  • jikkomunikaw m’oħrajn b’mod effettiv

  • jieħdu ħsieb is-​saħħa persunali tagħhom

  • jieħdu ħsieb sew tal-​finanzi persunali

  • inaddfu u jieħdu ħsieb dar jew appartament

  • ikunu motivati biex jagħmlu l-​affarijiet minn jeddhom