Żjara fi Stamperija Rimarkevoli
IR-RIVISTA li qed taqra forsi mhijiex l-ewwel ħarġa taʼ dan il-ġurnal li rajt int. Forsi x-Xhieda taʼ Ġeħova ġew għandek u offrewlek It-Torri tal-Għassa u Stenbaħ! biex jgħinuk tifhem il-Bibbja aħjar. Jew forsi rajt lix-Xhieda joffru letteratura Biblika bħal din fit-toroq jew f’xi post pubbliku. Fil-fatt, iċ-ċirkulazzjoni taʼ dan il-ġurnal kull xahar tisboq il-35 miljun, u b’hekk din ir-rivista hi bil-wisq l-iktar waħda pubblikata tat-tip tagħha fid-dinja.
Iżda, qatt qgħadt taħseb fejn u kif tiġi prodotta din il-letteratura kollha? Biex inwieġbu, ejja nagħtu titwila lejn waħda biss mill-ħafna stamperiji li jużaw ix-Xhieda taʼ Ġeħova f’diversi artijiet—dik li hemm f’Wallkill, New York, l-Istati Uniti. Ħafna mill-qarrejja tagħna madwar id-dinja ma jistgħux jivvjaġġaw faċilment biex iżuru l-istamperija li jħaddmu x-Xhieda taʼ Ġeħova fl-Istati Uniti, u għalhekk dan il-vjaġġ permezz tal-kliem u l-istampi jistaʼ jkun l-aħjar ħaġa li tistaʼ tagħmel.
M’għandniex xi ngħidu, l-istampar jibda bil-kelma miktuba. Id-Dipartiment tal-Grafika jirċievi materjal li jrid jiġi stampat permezz taʼ files elettroniċi mingħand id-Dipartiment tal-Kitba fi Brooklyn, New York. Dawn il-files jintużaw biex isiru l-pjanċi għall-istampar. F’Wallkill, kull xahar xi 1,400 romblu taʼ karti jaslu fl-istamperija, li kuljum tuża minn 70 sa 90 tunnellata metrika taʼ karti. Ir-rombli—li xi ftit minnhom jiżnu iktar minn 1,362 kilogramm—jiġu mitmugħin f’ħames preses offset bir-romblu, li jkunu ġew iffittjati bil-pjanċi għall-istampar. Il-karta tiġi stampata, maqtugħa, u mitwija f’faxxikli taʼ 32 paġna. Ir-rivista li qed taqra int hi faxxiklu wieħed. Xi ngħidu għall-kotba? Fil-legatorija, il-faxxikli jiġu marbutin flimkien biex jipproduċu l-kotba. Waħda miż-żewġ linji tal-illegar tistaʼ tipproduċi 50,000 ktieb b’qoxra iebsa jew 75,000 ktieb b’qoxra ratba f’ġurnata waħda. Il-linja tal-illegar l-oħra tistaʼ tipproduċi kuljum madwar 100,000 ktieb b’qoxra ratba.
Matul l-2008, din l-istamperija pproduċiet iktar minn 28,000,000 ktieb, li ’l fuq minn 2.6 miljuni minnhom huma Bibbji. Fl-istess perijodu ġew prodotti 243,317,564 rivista. L-istamperija żżomm din il-letteratura Biblika maħżuna b’xi 380 lingwa. Ladarba tkun intgħamlet il-letteratura, x’jiġri mbagħad?
L-istamperija tirċievi rikjesti mit-12,754 kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova fl-Istati Uniti kontinentali u 1,369 fil-Karibew u fil-Ħawajj. Id-Dipartiment li Jibgħat
il-Letteratura jippakkja din il-letteratura rikjesta kollha u jirranġa t-trasport lejn l-indirizzi xierqa. Kull sena, xi 14-il miljun kilogramm taʼ letteratura jintbagħtu lejn kongregazzjonijiet fl-Istati Uniti.L-iktar parti importanti minn din l-istamperija ma tinvolvix magni, imma nies. Iktar minn 300 ruħ jaħdmu fid-dipartimenti tal-istamperija—il-Grafika, l-Iskedi, l-Istampar, il-Legatorija, u d-Dipartiment li Jibgħat il-Letteratura. Il-ħaddiema—kollha kemm huma volontieri bla salarju—għandhom minn 19 sa 92 sena.
Huma interessati tassew fin-nies—l-individwi li jirċievu din il-letteratura bil-ħerqa u li jiġu mgħallmin, inkuraġġiti, u gwidati mill-prinċipji Bibliċi diskussi fiha. Aħna nittamaw li int fost dawn il-qarrejja u li l-letteratura stampata hawnhekk, jew f’waħda mill-istamperiji tagħna f’pajjiż ieħor, tgħinek tkompli tieħu l-għarfien dwar Alla Ġeħova u Ġesù Kristu, li jfisser il-ħajja taʼ dejjem.—Ġwanni 17:3.
[Stampi f’paġna 16]
[Stampa sħiħa f’paġna 17]