Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Grat Minkejja t-Traġedji—Kif il-Bibbja Għenitni Nkampa

Grat Minkejja t-Traġedji—Kif il-Bibbja Għenitni Nkampa

Kif rakkontata minn Enrique Caravaca Acosta

Kien il-​15 t’April, 1971. Kont sejjer inżur lil familti fir-​razzett tal-​familja tagħna. Peress li kont ili ’l bogħod mid-​dar għal xi żmien, kont qed inħares ħafna ’l quddiem biex nara lil kulħadd. Ma kontx naf jekk kinux se jkunu kollha d-​dar u lil min se nara l-​ewwel. Malli wasalt, twaħħaxt meta sibt erbgħa min-​nies—inkluż lil ommi—maqtulin!

TANT kont ixxokkjat li bilkemm stajt nitkellem. X’kien ġara? X’kelli nagħmel? Ma kien hemm ħadd hemmhekk, u ħassejtni mħawwad u bla għajnuna. Qabel ma nkompli bl-​istorja, ħalli ngħidlek xi ftit dwar l-​isfond tiegħi. Imbagħad tifhem aħjar kif ħassejtni dwar din it-​traġedja u traġedji oħrajn f’ħajti.

Sibna l-​Verità

Jien twilidt fi Quirimán, qrib Nicoya, Kosta Rika. Fl-​1953, meta kelli 37 sena, kont ngħix mal-​ġenituri tiegħi fir-​razzett tal-​familja tagħna. Għalkemm trabbejna bħala Kattoliċi, ma konniex kuntenti b’ċerti duttrini u kellna ħafna mistoqsijiet mhux imweġbin.

Għodwa waħda, raġel jismu Anatolio Alfaro ġie d-​dar tagħna u inkuraġġiena nistudjaw il-​Bibbja. Hu qasam magħna ħafna skritturi u tagħlim Bibliku. Jien, missieri, ommi, wieħed minn ħuti, oħti, u ħabiba tagħha li kienet qed toqgħod magħna, ilkoll qgħadna bilqiegħda u smajna. Id-​diskussjoni damet il-​jum kollu u anki sa tard billejl. Kellna ħafna mistoqsijiet.

Anatolio qagħad għandna l-​lejl kollu u qattaʼ l-​għada magħna. Tgħidx kemm ħadna pjaċir b’dak li smajna u konna saħansitra iktar eċċitati meta l-​mistoqsijiet tagħna twieġbu direttament mill-​Bibbja. Din id-​diskussjoni kellha effett profond fuqna. Qgħadna naħsbu dwar dak li tgħallimna, u konna nafu li konna sibna l-​verità. Anatolio ħallielna xi rivisti u kotba bbażati fuq il-​Bibbja. Kull filgħaxija konna naqraw u nistudjaw dawn il-​pubblikazzjonijiet flimkien bħala familja. Dan kien tassew taʼ sfida, għax ma kellniex dawl elettriku. Qabel ma konna npoġġu bilqiegħda biex nistudjaw, kull wieħed u waħda minna kien jieħu xkora kbira ħafna tal-​patata biex jgħatti saqajh u riġlejh ħalli jipproteġihom min-​nemus.

Sitt xhur wara, ħames membri mill-​familja tiegħi, inkluż jien u l-​ġenituri tiegħi, tgħammidna. B’eċċitament, aħna bdejna mmorru minn dar għal dar naqsmu m’oħrajn dak li konna tgħallimna. Ivvjaġġajna bil-​mixi madwar sagħtejn u kultant irkibna ż-​żwiemel lejn belt jisimha Carrillo biex hemmhekk niltaqgħu maʼ grupp taʼ Xhieda taʼ Ġeħova. Anatolio baqaʼ jiġi d-​dar tagħna biex jistudja l-​Bibbja magħna. Imbagħad saru arranġamenti biex tinżamm laqgħa fid-​dar tagħna li għaliha attendew xi tmienja min-​nies. Eventwalment ilkoll tgħammdu. Dan il-​grupp malajr kiber għal kongregazzjoni żgħira taʼ xi 20 ruħ.

Nagħmel ix-​Xogħol t’Alla Full-Time

Maż-​żmien, l-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Kosta Rika stieden lil dawk li setgħu biex jibdew ix-​xogħol tal-​evanġelizzar full-time. Fl-​1957 aċċettajt din l-​istedina u dħalt fil-​ministeru full-time. Ix-​xogħol kien eċċitanti, biex ngħid biss ftit. Spiss imxejt waħdi għal sigħat sħaħ biex immur għand in-​nies fi nħawi rurali. Kultant in-​nies ma kinux jilqgħuni. Niftakar minn tal-​inqas tliet darbiet li ġejt mhedded minn irġiel bi skieken wesgħin u tqal f’idejhom, li riedu jkunu jafu min jien u x’kont qed nagħmel.

Għall-ħabta tal-​1950, il-​biċċa l-​kbira mit-​toroq kienu biss mogħdijiet fix-​xagħri, u kien diffiċli ferm biex immorru għand in-​nies. Sabiex naslu f’ċerti nħawi kellna mmorru rekbin fuq iż-​żwiemel. Għaddejna minn ġox-​xmajjar u kultant qattajna l-​iljieli reqdin taħt il-​kwiekeb. Il-​ħajja kienet miżerabbli minħabba l-​viżibilju taʼ nemus li kien hemm. Kellna wkoll noqogħdu attenti mis-​sriep u l-​kukkudrilli. Matul dan kollu, jien ħadt pjaċir ferm ngħin lin-​nies jitgħallmu dwar Alla Ġeħova. Meta wasalt id-​dar ħassejtni hieni u kuntent għaliex stajt naqsam il-​verità tal-​Bibbja m’oħrajn. Hekk kif għamilt ix-​xogħol tiegħi u studjajt il-​Bibbja kuljum, imħabbti għal Alla Ġeħova kompliet tikber u ħassejtni ferm eqreb lejh.

Maż-żmien ngħatawli iktar privileġġi. Għal iktar minn għaxar snin, jien qdejt bħala indokratur li jivvjaġġa, inżur u nsaħħaħ lill-​kongregazzjonijiet, waħda differenti kull ġimgħa, fi nħawi partikulari. Għalkemm minħabba problemi taʼ saħħa kelli bżonn nitlaq dan il-​privileġġ taʼ servizz, komplejt ingawdi l-​ministeru u naqdi lil Alla full-time.

Tolqotni Traġedja

Imbagħad, meta kont f’Nicoya fl-​1971, irritornajt biex inżur il-​familja tiegħi. Hekk kif kont dieħel id-​dar tagħna sibt lil ommi, li kellha 80 sena, mixħuta mal-​art. Kienu sparawlha u ferewha b’daqqiet taʼ sikkina. Meta tbaxxejt biex inżommha kienet għadha qed tieħu n-​nifs. Mumenti wara, hi mietet f’dirgħajja. Ħarist madwari, u fl-​art fil-​kċina kien hemm il-​koka, li kellha tmien xhur tqala. Hi wkoll kienet mejta. U bħallikieku dan ma kienx biżżejjed, jien sibt ukoll membru tal-​kongregazzjoni lokali stenduta fil-​kuritur, u t-​tifel tal-​koka kien stendut fil-​kamra tal-​banju. Kollha kienu ġew feruti b’daqqiet taʼ sikkina u sparawlhom. Min setaʼ għamel ħaġa orribbli bħal din, u għala?

Meta ħriġt barra sibt lil missieri. Kienu sparawlu f’rasu imma kien għadu ħaj! Għaġġilt biex immur id-​dar taʼ ħija, li kienet xi 15-il minuta ’l bogħod, u sirt naf li mara oħra u binha kienu ġew maqtulin ukoll. Kemm ħassejtni xxokkjat meta sirt naf li l-​qattiel kien in-​neputi tiegħi taʼ 17-il sena, li ma kienx wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova u li kien marid mentalment! Hu kien ħarab mill-​post. B’hekk, bdiet l-​akbar kaċċa għal bniedem kriminali fl-​istorja taʼ Kosta Rika.

L-istorja ssemmiet fl-​aħbarijiet nazzjonali. Wara sebat ijiem, il-​pulizija sabet lill-​qattiel, li kien armat b’sikkina kbira ħafna u b’pistola taʼ kalibru .22 li xi ħadd kien biegħlu minkejja li kien jaf li kien marid mentalment u emozzjonalment. Lin-​neputi tiegħi sparawlu u qatluh hekk kif ipprovaw jaqbduh.

Matul il-​kaċċa għall-​bniedem kriminali, ħafna tawni l-​parir li naħrab mill-​post li ma jmurx in-​neputi tiegħi jiġi lura biex jagħmilli l-​ħsara. Jien tlabt dwar dan għaliex ħassejt li kelli bżonn noqgħod mal-​membri tal-​familja tiegħi li kienu għadhom ħajjin u maʼ dawk fil-​kongregazzjoni. Għalhekk, bqajt hemmhekk.

Milqut Minn Traġedja Wara l-​Oħra

B’sogħba, missieri miet wara sena. Is-​sena taʼ wara, oħti, qaddejja leali t’Alla Ġeħova, inqatlet f’inċident separat u mhux relatat mal-​oħrajn. Għal darb’oħra, qrabati kollha kienu xxokkjati għax tilfu membru ieħor tal-​familja. Ma nistax niddeskrivi bil-​kliem is-​sentimenti taʼ telfien u swied il-​qalb li esperjenzajna aħna u l-​ħbieb tagħna. Matul din il-​burraxka striħajt ħafna fuq Ġeħova u kontinwament tlabtu bil-​qalb biex jagħtini s-​saħħa.

Fl-1985 attendejt skola taʼ taħriġ għall-​anzjani Kristjani li damet sejra tlett ijiem fil-​belt kapitali, San José. Meta spiċċat l-​iskola ħassejtni mibni spiritwalment. Kmieni t-​Tnejn filgħodu tlaqt biex naqbad ix-​xarabank u mmur id-​dar. Hekk kif kont miexi lejn il-​venda tal-​karozzi tal-​linja attakkawni nies taʼ qattagħni li fgawni u serquni. Dan kollu tant ġara bl-​għaġla li ma stajtx naralhom wiċċhom. B’li għamluli ma stajtx nikkomunika kif is-​soltu jikkomunikaw in-​nies taʼ Kosta Rika. Hawnhekk fil-​provinċja taʼ Guanacaste, l-​irġiel iwerżqu jew jgħajtu meta jiltaqgħu u jsellmu lil xulxin jew biex sempliċement kulħadd ikun jaf li huma preżenti. Jien kont tajjeb biex ngħajjat, imma wara l-​attakk, ma stajtx ngħajjat iktar.

Fl-1979 iżżewwiġt lil Celia, Xhud minn kongregazzjoni fil-​qrib. Celia kienet tħobbha l-​Bibbja. Kuljum konna naqraw u nistudjaw il-​Bibbja flimkien. B’sogħba, hi mietet bil-​kanċer f’Lulju 2001. Kultant inħossni waħdi, imma t-​tama tal-​irxoxt issaħħaħni.—Ġwanni 5:28, 29.

Ferħan Minkejja l-​Provi

Għalkemm forsi esperjenzajt iktar ġrajjiet traġiċi f’ħajti milli esperjenzaw ħafna nies, jien inħares lejn dawn il-​provi bħala opportunitajiet biex nagħti prova tal-​fidi u l-​lealtà tiegħi quddiem Ġeħova. (Ġakbu 1:13) Bħala għajnuna biex inżomm ħarsa bilanċjata lejn l-​esperjenzi tiegħi, jien nibqaʼ nfakkar lili nnifsi li “ż-​żmien u l-​ġrajjiet mhux mistennijin” jiġu fuqna lkoll. (Ekkleżjasti 9:11) Niftakar ukoll li dawn huma “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom,” għax in-​nies huma feroċi, vjolenti, u mingħajr rażan. (2 Timotju 3:1-5) Inżomm f’moħħi wkoll l-​eżempju taʼ Ġob. Minkejja s-​sofferenza kollha tiegħu—tilef il-​familja, is-​saħħa, u l-​għajxien tiegħu—Ġob qal b’mod sod: “Ħa jkompli jkun imbierek isem Ġeħova.” U Ġeħova ppremja b’mod għani lil Ġob għall-​integrità tiegħu. (Ġob 1:13-22; 42:12-15) Dawn il-​ħsibijiet kollha mill-​Bibbja jgħinuni nibqaʼ ferħan minkejja l-​ħafna provi tiegħi.

Ġeħova dejjem għenni biex inkompli npoġġih l-​ewwel f’ħajti. Il-​qari tal-​Bibbja kuljum hu sors taʼ faraġ kbir u tani s-​saħħa biex nissaporti. Billi ndur lejn Ġeħova bit-​talb nistaʼ ngawdi “l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.” (Filippin 4:6, 7) Dan iġibli l-​paċi tal-​moħħ. L-​attendenza għal-​laqgħat Kristjani u l-​parteċipazzjoni fihom isaħħuli l-​fidi wkoll.—Ebrej 10:24, 25.

Għalkemm avanzat fl-​età, jien grat lejn Ġeħova li għad għandi s-​saħħa biex naħdem maʼ sħabi l-​Kristjani, nistudja l-​Bibbja m’oħrajn, u nieħu sehem fil-​ministeru. Il-​qadi tiegħi lil oħrajn b’dawn il-​modi jagħtini l-​qawwa biex inkampa mad-​disprament. Minn qiegħ qalbi, jien grat verament lejn Ġeħova minkejja l-​ħafna traġedji li kelli f’ħajti. a

[Nota taʼ taħt]

a Sentejn wara li ta r-​rakkont t’hawn fuq, Enrique Caravaca Acosta miet fl-​età taʼ 90 sena.

[Kumment f’paġna 20]

Il-​qari tal-​Bibbja kuljum hu sors taʼ faraġ kbir u tani s-​saħħa biex nissaporti

[Stampa f’paġna 19]

L-​isforz li għamilt fil-​bidu biex nagħti taħdita Biblika

[Stampa f’paġna 20]

Fil-​ministeru tal-​għalqa meta kont iżgħar