Kemm Għandi Nagħti Bħala Donazzjoni?
Il-Qarrejja Tagħna Jistaqsu
“Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.” (2 Korintin 9:7) Miljuni madwar id-dinja jafu bih dan il-kliem. Madankollu, xi nies li jmorru l-knisja jistgħu jħossuhom obbligati jagħtu iktar milli jifilħu. Fil-fatt, xi denominazzjonijiet reliġjużi jkunu jridu li l-membri tagħhom jagħmlu donazzjoni taʼ somma fissa. Il-prattika tissejjaħ għexur, jiġifieri, li wieħed jagħti 10 fil-mija mid-dħul tiegħu lill-knisja.
Veru li l-Bibbja tirrikjedi li nagħmlu donazzjoni taʼ somma fissa? Personalment, kemm għandi nagħti bħala donazzjoni?
Ħtiġijiet u Donazzjonijiet Volontarji fil-Passat
Il-Bibbja fiha istruzzjonijiet ċari lin-nazzjon taʼ Israel dwar l-ammont li Alla riedhom jagħtu. (Levitiku 27:30-32; Numri 18:21, 24; Dewteronomju 12:4-7, 11, 17, 18; 14:22-27) Dawn il-ħtiġijiet ma kinux eċċessivi. Ġeħova wiegħed li talli l-liġijiet tiegħu jiġu obduti, hu kien se ‘jfawwar bil-ġid’ lin-nazzjon.—Dewteronomju 28:1, 2, 11, 12.
Fi drabi oħrajn, l-Israelin setgħu jikkontribwixxu b’mod volontarju bħala donazzjoni, ħafna jew ftit, skont kemm xtaqu. Pereżempju, meta s-Sultan David ippjana biex jibni tempju lil Ġeħova, is-sudditi tiegħu taw bħala donazzjoni “deheb li jiswa ħamest elef talent.” a (1 Kronaki 29:7) Qabbel dan maʼ dak li osserva Ġesù meta kien fuq l-art. Hu ra ‘waħda armla fil-bżonn titfaʼ żewġ muniti żgħar taʼ valur żgħir ferm’ fil-kaxxi tat-teżor tat-tempju. Kemm kienet tammonta d-donazzjoni tagħha? Parti waħda biss minn erbgħa u sittin taʼ paga taʼ ġurnata. Madankollu, Ġesù qal li din is-somma żgħira kienet aċċettabbli.—Luqa 21:1-4.
Huwa Meħtieġ mill-Kristjani li Jagħtu Ammont Fiss?
Il-Kristjani mhumiex taħt il-patt tal-Liġi mogħti lil Israel. B’hekk, mhumiex obbligati li jagħtu ammont fiss lil Alla. Madankollu, fil-kongregazzjoni Kristjana vera, l-għoti hu sors taʼ ferħ kbir. Ġesù Kristu stess qal: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—Atti 20:35.
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jappoġġaw ix-xogħol tal-ippritkar tagħhom madwar id-dinja permezz taʼ donazzjonijiet volontarji. Dawn id-donazzjonijiet jintużaw għall-istampar tal-letteratura, bħalma hi r-rivista li qed taqra, u għall-bini u ż-żamma tal-postijiet tal-qima tagħhom, magħrufin bħala Swali tas-Saltna. L-ebda fondi miġburin ma jintużaw biex jitħallsu xi pagi. Huwa minnu li wħud li jiddedikaw lilhom infushom full-time biex jieħdu sehem fix-xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli jirċievu għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż tat-trasport tagħhom u spejjeż persunali oħrajn. Iżda ħadd ma jinsisti li għandu jirċievi dawn il-flus. Fil-fatt, il-biċċa l-kbira mix-Xhieda taʼ Ġeħova ma jirċievu ebda għajnuna finanzjarja bħala appoġġ għax-xogħol tal-ippritkar tagħhom. Minflok, kważi kollha għandhom impjieg sekulari biex jaqilgħu l-għajxien, bħalma kellu Pawlu meta ħadem fix-xogħol taʼ li jagħmel it-tined.—2 Korintin 11:9; 1 Tessalonikin 2:9.
Jekk xi ħadd irid jagħmel donazzjoni għax-xogħol li jwettqu x-Xhieda taʼ Ġeħova, kemm għandu jagħti? L-appostlu Pawlu kiteb: “Ħa jagħmel kull wieħed bħalma jkun iddeċieda f’qalbu, mhux kontra qalbu jew bilfors, għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.”—2 Korintin 8:12; 9:7.
[Nota taʼ taħt]
a Fl-2008, il-prezz tad-deheb bejn wieħed u ieħor kien €618 kull uqija, u b’hekk din il-kontribuzzjoni kienet tiswa madwar €3,404,203,733.