Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Sabuha l-Arka taʼ Noè?

Sabuha l-Arka taʼ Noè?

KULTANT donnu jkun jidher li hemm ħafna pubbliċità dwar it-​tfittxija għall-​arka taʼ Noè. Wieħed jistaʼ jifhem għala dan l-​eċċitament kollu. Il-​bastiment ġgantesk li fih Noè u l-​familja tiegħu baqgħu ħajjin wara d-​Dilluvju lura fl-​2370-2369 Q.E.K. ċertament li jkun skoperta arkeoloġika meraviljuża. Iżda, minkejja ħafna sforzi, it-​tfittxija għall-​arka taʼ Noè għadha sejra. Fost l-​ispekulazzjoni u l-​istqarrijiet sensazzjonali kollha, x’inhu magħruf attwalment?

Il-Bibbja tirrivela li l-​arka taʼ Noè “straħet fuq il-​muntanji t’Ararat.” (Ġenesi 8:4) Ir-​reġjun t’Ararat jinkludi l-​quċċata prominenti li issa tissejjaħ il-​Muntanja Ararat fil-​Lvant tat-​Turkija, qrib il-​fruntieri tal-​Armenja u tal-​Iran.

Għadd taʼ spedizzjonijiet lejn dawn l-​inħawi biex tinstab l-​arka taʼ Noè wasslu għal stqarrijiet interessanti imma mhux għal prova konklużiva. Ritratti affaxxinanti mill-​ajru, biċċiet tal-​injam miksijin bil-​qatran li nstabu, u rapporti li ntlemħet qanqlu t-​tfittxija għal prova li hi iktar tanġibbli. Madankollu, it-​tfittxija hi diffiċli. Post possibbli li spiss jissemma qiegħed xi 4,600 metru ’l fuq mal-​ġnub tal-​Muntanja Ararat. Iżjed minn hekk, minħabba t-​tensjonijiet politiċi li hemm f’dawk l-​inħawi, spedizzjonijiet barranin mhux dejjem jingħataw aċċess legali biex jitilgħu fuq il-​muntanja.

Minkejja dan, ħafna entużjasti dwar l-​arka huma ħerqanin biex jaraw li jsiru iktar spedizzjonijiet lejn dan il-​post. Huma jemmnu li partijiet mill-​arka għadhom mhumiex mimsusin fuq il-​Muntanja Ararat, li l-​quċċata tagħha tkun miksija bis-​silġ u li tinħeba taħt il-​borra u s-​silġ fil-​biċċa l-​kbira mis-​sena. Huma jsostnu li huwa biss fis-​snin bi sjuf sħan li jkun hemm xi tama li jaraw l-​arka u jaslu sa ħdejha.

Tamiet bħal dawn ġew inkuraġġiti minn għadd taʼ rapporti. Ġużeppi Flavju, storjografu Lhudi tal-​ewwel seklu E.K., jirreferi għal diversi storjografi iktar bikrin li qalu li l-​arka kienet għadha tidher fl-​għoli fil-​muntanji tal-​Ararat. Intqal ukoll li n-​nies kienu jieħdu bħala suvenirs biċċiet mill-​injam tagħha miksi bil-​qatran. Fost l-​irġiel kwotati minn Ġużeppi Flavju kien hemm Berossu, kronista Babiloniż tat-​tielet seklu Q.E.K.

Fis-seklu li għadda, wieħed mir-​rapporti iktar affaxxinanti ġie minn raġel Armenjan, George Hagopian. Dan tkellem dwar li meta kien tifel żar l-​arka maʼ zijuh kmieni fis-​seklu 20 u attwalment telaʼ fuq l-​istruttura. Hagopian miet fl-​1972, imma t-​testimonjanza tiegħu għadha timla lil ħafna bl-​eċċitament u bl-​istagħġib.

Bażi Reali għall-​Fidi?

Hemm tassew bażi biex nemmnu li l-​esploraturi skoprew l-​arka jew għad forsi jiskopruha? Jistaʼ jkun, imma donnu jidher li hemm saħansitra iktar bażi għal xettiċiżmu dwar sejba bħal din. L-​ewwel nett, ftakar li l-​Bibbja ma tgħidx eżatt fejn straħet l-​arka hekk kif l-​ilmijiet tad-​dilluvju bdew jonqsu. Sempliċement issemmi “l-​muntanji t’Ararat.”

Hija biss ħaġa naturali li l-​esploraturi u l-​ispekulaturi jippontaw lejn l-​ogħla quċċata fir-​reġjun. Madankollu, l-​Iskrittura ma tispeċifikax li Alla rranġa biex l-​arka tistrieħ fuq il-​quċċata nett tal-​Muntanja Ararat, li llum hija quċċata għolja u kiesħa silġ kważi 5 kilometri ’l fuq mil-​livell tal-​baħar. a Ftakar, Noè u l-​familja tiegħu għexu fl-​arka għal diversi xhur wara li straħet. (Ġenesi 8:4, 5) Ukoll, ma tantx jidher li hu probabbli li wara li ħarġu mill-​arka huma u l-​ħafna annimali li kienu abbord kellhom jixxabbtu biex jinżlu minn quċċata t’għoli impressjonanti bħal dawk li jitilgħu u jinżlu mal-​muntanji. Mela, forsi l-​medda art fejn straħet l-​arka kienet iktar aċċessibbli milli jimmaġinaw xi esploraturi taʼ żmienna, u madankollu xorta għolja biżżejjed biex tixraq id-​deskrizzjoni li hemm f’Ġenesi 8:4, 5. U straħet fejn straħet l-​arka fir-​reġjun tal-​Ararat, ma setgħetx sparixxiet sekli ilu minħabba t-​tmermir u s-​serq taʼ biċċiet minnha matul iż-​żmien?

Barra minn hekk, hemm xi ħaġa dubjuża f’dak li jsostnu kultant il-​pubbliċisti dwar li l-​esplorazzjonijiet tagħhom għandhom importanza reliġjuża. L-​organizzatur taʼ spedizzjoni sostna li s-​sejba tal-​arka “tikkonferma l-​fidi taʼ miljuni . . . u ħafna mbagħad se jkollhom il-​fidi.” F’konferenza tal-​aħbarijiet li saret fl-​2004, hu qal li s-​sejba tal-​arka tkun “l-​akbar ġrajja mill-​irxoxt taʼ Kristu ’l hawn.” Iktar tard, l-​esplorazzjoni tiegħu ġiet kanċellata.

Sejra s-​sejba tal-​arka taʼ Noè tassew tikkonferma l-​fidi u saħansitra toħloqha? Il-​Bibbja turi li l-​fidi ġenwina ma tiddependix mill-​oġġetti li nistgħu naraw u mmissu. (2 Korintin 5:7) Xi nies tant huma xettiċi li jinsistu li l-​evidenza fiżika biss tistaʼ tgħinhom ipoġġu l-​fidi tagħhom f’ċerti rakkonti Bibliċi. Iżda, il-​verità hi li għal dawn l-​individwi ebda ammont t’evidenza ma jipproduċi l-​fidi. Ġesù nnifsu qal li xi nies sempliċement ma jistgħux jiġu konvinti dwar veritajiet spiritwali—lanqas jekk jaraw lil xi ħadd iqum mill-​imwiet!—Luqa 16:31.

Mill-banda l-​oħra, il-​fidi ġenwina ma tfissirx li wieħed jiblaʼ kollox; hi bbażata fuq evidenza solida. (Ebrej 11:1) Hemm illum evidenza solida li tistaʼ tgħin lil nies raġunevoli jpoġġu l-​fidi tagħhom fir-​rakkont Bibliku dwar id-​Dilluvju? Dażgur li hemm. Ġesù Kristu stqarr b’mod ċar: “Noè daħal fl-​arka, u wasal id-​dilluvju.” (Luqa 17:26, 27) Din hi l-​aqwa evidenza li jistaʼ jkollna. Għala?

Ġesù kien fis-​sema qabel ma ġie fuq l-​art. (Ġwanni 8:58) Hu ra l-​arka tinbena; ra d-​Dilluvju. Issa, liema evidenza tidher li tikkonvinċik l-​iktar? It-​testimonjanza reali tal-​Wieħed li ra b’għajnejh u li wera b’mod perfett li hu taʼ min joqgħod fuqu u li ta prova li hu l-​Iben t’Alla? Jew il-​possibbiltà remota tal-​esploraturi li jsibu xi biċċiet tal-​injam antiki fuq xi quċċata taʼ muntanja friżata? Meta tiġi kunsidrata minn dan il-​lat, l-​evidenza li l-​arka taʼ Noè kienet teżisti hi diġà kbira ferm.

[Nota taʼ taħt]

a Il-muntanja li llum tissejjaħ il-​Muntanja Ararat hi vulkan li ilu inattiv mill-​1840. Għandha għoli taʼ 5,165 metru u tkun miksija bis-​silġ is-​sena kollha.

[Kumment f’paġna 13]

Hemm evidenza solida li tikkonferma r-​rakkont Bibliku dwar id-​Dilluvju?

[Kumment f’paġna 14]

Ġesù Kristu stqarr b’mod ċar: “Noè daħal fl-​arka, u wasal id-​dilluvju”