Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tistaʼ Ssib Paċi f’Din id-Dinja Mimlija Inkwiet?

Tistaʼ Ssib Paċi f’Din id-Dinja Mimlija Inkwiet?

TGĦIX int fil-​paċi? Għal ħafna, it-​tweġiba ċara hi le. Huma jgħixu fi nħawi mifnijin bi gwerer, taqlib politiku, vjolenza etnika, jew terroriżmu. Anki jekk ma jolqtukx gwajijiet bħal dawn, għandek mnejn issib li l-​paċi tiegħek tiġi effettwata mill-​kriminalità, minn fastidju, u minn tilwim maʼ sħabek tan-​negozju jew mal-​ġirien. Il-​familji wkoll spiss ikunu bħal żoni taʼ gwerra minflok menqiet taʼ paċi.

Ħafna nies jixxennqu għal paċi ġewwinija. Għandhom mnejn ifittxuha fir-​reliġjon, f’seminars tal-​meditazzjoni, jew fi gruppi tal-​joga. Oħrajn jittamaw li jsibu l-​paċi fin-​natura—billi jivvjaġġaw għall-​btajjel, jagħmlu xi mixja fil-​muntanji u fi nħawi fejn hemm ix-​xagħri, jew iżuru xi nixxigħat naturali taʼ ilma sħun. Anki jekk dawk li jfittxu donnhom isibu xi ftit tal-​paċi ġewwinija, huma malajr jirrealizzaw li din il-​paċi hi superfiċjali u għomorha qasir.

Għalhekk, fejn tistaʼ ssib il-​paċi vera? Is-​sors tal-​paċi hu Alla Ġeħova, il-​Ħallieq tagħna. Għala? Hu “l-​Alla li jagħti l-​paċi.” (Rumani 15:33) Taħt il-​ħakma taʼ Saltnatu li dalwaqt tiġi, se jkun hemm “sliem kotran.” (Salm 72:7; Mattew 6:9, 10) Dan hu ferm akbar minn kwalunkwe paċi li tinġieb bi ftehim tal-​bniedem. Ftehim bħal dan spiss iġib biss waqfien qasir mill-​ġlied. Imma s-​sliem t’Alla se jelimina dak kollu li jikkaġuna l-​gwerer u l-​ġlied. Fil-​fatt, ħadd ma jitħarreġ iktar għall-​gwerra. (Salm 46:8, 9) Sa fl-​aħħar paċi vera għal kulħadd!

Hi kemm hi sabiħa din it-​tama, int xorta għandek mnejn tixxennaq għal ftit paċi issa. Hemm xi mod kif issib paċi ġewwinija li tistaʼ tgħinek fiż-​żminijiet tagħna mimlijin inkwiet? B’ferħ, il-​Bibbja turina t-​triq għaliha. Ikkunsidra xi linji taʼ gwida li hemm fir-​rabaʼ kapitlu tal-​ittra tal-​appostlu Pawlu lill-​Filippin. Int mistieden taqra versi 4 sa 13 fil-​Bibbja tiegħek stess.

“Il-​Paċi t’Alla”

Fil-​vers 7 naqraw: “Il-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-​qawwa mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.” Din il-​paċi ma tiġix permezz taʼ sempliċi meditazzjoni jew li wieħed jipprova jtejjeb il-​karattru tiegħu. Minflok, tiġi mingħand Alla. Din il-​paċi tant hi kbira li “tisboq kull ħsieb.” Żgur li tisboq l-​ansjetajiet, l-​għarfien, u l-​irraġunar kollu tagħna. Forsi ma naraw ebda soluzzjoni għall-​problemi tagħna, imma l-​paċi t’Alla tistaʼ timliena bit-​tama msejsa fuq is-​sod li xi darba l-​inkwiet kollu tagħna se jkun telaq.

Impossibbli? Għall-​bniedem iva; imma “kollox hu possibbli għal Alla.” (Marku 10:27) Il-​fidi u l-​fiduċja f’Alla jgħinuna nikkontrollaw l-​inkwiet tagħna. Ġib quddiem għajnejk tifel żgħir li jintilef f’ħanut kbir ħafna. Hu jaf fiż-​żgur li kulma għandu jagħmel hu li jsib lil ommu u kollox jerġaʼ jkun sew. Bħal dak it-​tifel meta jinstab, aħna jistaʼ jkollna l-​fiduċja li Alla se jiħodna f’dirgħajh, biex ngħidu hekk. Hu se jikkalmana u finalment jeħlisna mill-​ansjetajiet kollha tagħna.

Ħafna aduraturi taʼ Ġeħova esperjenzaw il-​paċi t’Alla fl-​iktar provi ħorox. Pereżempju, ikkunsidra lil Nadine, li tilfet it-​tarbija tagħha mhix imwielda. Hi tirrakkonta: “Insibha diffiċli biex nitkellem dwar kif inħossni, u dejjem nipprova naħbi dak li nkun qed inħoss. Imma minn ġewwa kelli qalbi maqsuma. Kważi kuljum kont niftaħ qalbi maʼ Ġeħova bit-​talb u nitolbu l-​għajnuna. Il-​qawwa tat-​talb ħassejtha, għax kull meta kont inkun dipressa ħafna u ħsibt, ‘S’hawn wasalt,’ esperjenzajt serenità u paċi ġewwinin. Ħassejtni protetta u fis-​sigurtà.”

Protezzjoni Għal Qalbek u Moħħok

Ejja mmorru lura f’Filippin 4:7. Dan jgħid li l-​paċi t’Alla tgħasses lil qlubna u l-​qawwiet mentali tagħna. Sewwasew bħalma suldat jgħasses il-​post tal-​għassa tiegħu, il-​paċi t’Alla tgħasses lil qalbna sabiex filosofiji materjalistiċi, ansjetajiet bla bżonn, u valuri ħżiena ma jidħlux. Ikkunsidra eżempju.

Ħafna nies f’din id-​dinja mimlija inkwiet jemmnu li sabiex ikunu henjin u fis-​sigurtà għandhom bżonn ammont taʼ flus sostanzjali. Fuq il-​parir tal-​esperti, huma għandhom mnejn jinvestu xi flus fi stokks. Imbagħad tassew iħossuhom fil-​paċi? Mhux bilfors. Huma b’ansjetà jiċċekkjaw kuljum il-​valur tal-​istokks biex jaraw jekk għandhomx ibigħu, jixtru, jew iżommu dak li għandhom. Meta s-​suq tal-​ishma jieħu daqqa ’l isfel jippanikkjaw. Il-​Bibbja ċertament li ma tikkundannax li wieħed jagħmel xi investimenti, imma toffri dan id-​dehen f’loku: “Min iħobb il-​fidda ma jixbax bil-​fidda, u lanqas min iħobb l-​għana ma jixbaʼ bid-​dħul. Dan ukoll frugħa. Il-​qaddej jiġih ħelu l-​irqad, sew jekk jiekol ftit u sew jekk jiekol ħafna; imma l-​abbundanza taʼ l-​għani mhix qed tħallih jorqod.”—Ekkleżjasti 5:10, 12.

Filippin 4:7 jikkonkludi billi jgħid li l-​paċi t’Alla tgħasses lil qlubna u lill-​qawwiet mentali tagħna “permezz taʼ Kristu Ġesù.” X’konnessjoni hemm bejn Kristu Ġesù u l-​paċi t’Alla? Ġesù għandu l-​irwol fundamentali fit-​twettiq tal-​iskop t’Alla. Ġesù ta ħajtu sabiex ninħelsu mid-​dnub u l-​mewt. (Ġwanni 3:16) Hu wkoll is-​Sultan li qiegħed fuq it-​tron tas-​Saltna t’Alla. Il-​fatt li nafu l-​irwol li għandu Ġesù jistaʼ jgħinna ħafna biex ikollna l-​paċi f’moħħna u f’qalbna. Kif?

Jekk nindmu sinċerament minn dnubietna u nitolbu l-​maħfra fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, Alla jestendilna l-​maħfra, u dan jgħinna biex ikollna l-​paċi f’moħħna u f’qalbna. (Atti 3:19) Meta nirrealizzaw li l-​ħajja ma tistax titgawda kompletament sakemm tiġi s-​Saltna taʼ Kristu, aħna nevitaw li ngħixu b’mod iddisprat bħallikieku m’hemm xejn wara din il-​ħajja. (1 Timotju 6:19) M’għandniex xi ngħidu, aħna m’aħniex meħlusin mill-​inkwiet kollu, imma nistgħu nsibu l-​faraġ fit-​tama ċerta li l-​aqwa ħajja għad trid tiġi.

Kif Tistaʼ Ssib il-​Paċi t’Alla

Għalhekk, kif tistaʼ ssib il-​paċi t’Alla? Insibu xi ħjiel f’Filippin 4:4, 5, fejn naqraw: “Ifirħu dejjem fil-​Mulej. Nerġaʼ ngħidilkom, Ifirħu! Ħa jkun jaf kulħadd kemm intom raġunevoli. Il-​Mulej hu qrib.” Meta kiteb dan il-​kliem, Pawlu kien fil-​ħabs b’mod inġust f’Ruma. (Filippin 1:13) Minflok ma qagħad jilmenta dwar it-​trattament inġust li sofra, hu inkuraġġixxa lil sħabu fit-​twemmin biex dejjem jithennew fil-​Mulej. Jidher ċar li l-​ferħ tiegħu ma kienx jiddependi miċ-​ċirkustanzi tiegħu, imma mir-​relazzjoni tiegħu m’Alla. Aħna wkoll jeħtieġ li nitgħallmu kif nieħdu pjaċir naqdu lil Alla huma x’inhuma ċ-​ċirkustanzi tagħna. Iktar ma nkunu nafuh aħjar lil Ġeħova u iktar ma nagħmlu bis-​sħiħ ir-​rieda tiegħu, iktar se nieħdu pjaċir naqduh. Dan, mill-​banda l-​oħra, se jġibilna sodisfazzjon u paċi ġewwinija.

Iżjed minn hekk, niġu inkuraġġiti biex inkunu raġunevoli. Jekk nikkultivaw ir-​raġunevolezza ma nistennewx iżżejjed minna nfusna. Aħna nafu li m’aħniex perfetti; ma nistgħux inkunu l-​aqwa f’kollox. Għalhekk, għala noqogħdu ninkwetaw dwar kif inkunu perfetti jew, għallinqas, aħjar minn kulħadd? Lanqas ma nistennew li oħrajn ikunu perfetti. Għalhekk, nistgħu nibqgħu kalmi meta jagħmlu xi ħaġa li tinkwetana. Traduzzjoni oħra tal-​kelma Griega oriġinali tradotta “raġunevolezza” hi “li wieħed iċedi.” Jekk inċedu fi kwistjonijiet taʼ preferenza persunali nevitaw l-​argumenti, li spiss ma jagħmlulna ebda ġid, imma jistgħu jiħdulna l-​paċi li għandna m’oħrajn kif ukoll il-​paċi ġewwinija tagħna għal perijodu taʼ żmien.

L-istqarrija li jmiss f’Filippin 4:5, “il-​Mulej hu qrib,” tistaʼ tidher li hi barra l-​kuntest. Alla dalwaqt se jiġi biex minflok din is-​sistema qadima jġib waħda ġdida taħt is-​Saltna tiegħu. Imma saħansitra issa hu jistaʼ jkun qrib kulmin jersaq qribu. (Atti 17:27; Ġakbu 4:8) Il-​fatt li nkunu konxji kemm hu qrib jgħinna nithennew, inkunu raġunevoli, u ma nkunux ansjużi dwar il-​problemi tal-​lum jew dwar il-​futur, kif jindikalna vers 6.

Meta naqraw versi 6 u 7 nirrikonoxxu li l-​paċi t’Alla tiġi bħala konsegwenza diretta tat-​talb. Xi wħud iqisu t-​talb sempliċement bħala forma taʼ meditazzjoni, billi jaħsbu li kwalunkwe forma taʼ talb tistaʼ żżidilhom il-​kalma ġewwinija. Madankollu, il-​Bibbja titkellem dwar komunikazzjoni ġenwina maʼ Ġeħova, komunikazzjoni li hi intima bħal meta tifel jaqsam il-​ferħ u d-​dwejjaq tiegħu maʼ ġenitur li jħobbu. Kemm ifarraġna li nkunu nafu li nistgħu nersqu lejn Alla “f’kollox”! Għandna x’għandna li jinkwetana fi mħuħna jew midfun profondament fi qlubna, aħna nistgħu nitkellmu dwaru maʼ Missierna tas-​sema.

Vers 8 jinkuraġġina nikkonċentraw fuq ħsibijiet pożittivi. Madankollu, mhuwiex biżżejjed li sempliċement taħseb fuq affarijiet pożittivi. Bħalma jispjega vers 9, għandna wkoll inpoġġu fil-​prattika l-​parir tajjeb tal-​Bibbja. Il-​fatt li nagħmlu dan jagħtina kuxjenza nadifa. Kemm hu veru l-​proverbju: Kuxjenza tajba hi bħal imħadda ratba!

Iva, tistaʼ ssibha l-​paċi ġewwinija. Tiġi mingħand Alla Ġeħova li jagħtiha lil dawk li jersqu qribu u li jridu jsegwu l-​gwida tiegħu. Billi teżamina l-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, int tistaʼ ssir familjari maʼ ħsibijietu. L-​applikar tad-​direzzjonijiet tiegħu mhuwiex neċessarjament faċli. Imma jiswa kull sforz li tagħmel għaliex ‘l-​Alla tal-​paċi jkun miegħek.’—Filippin 4:9.

[Kumment f’paġna 10]

“Il-​paċi t’Alla . . . tgħasses lil qalbkom.”​—FILIPPIN 4:7

[Kumment f’paġna 12]

Kemm ifarraġna li nkunu nafu li nistgħu nersqu lejn Alla “f’kollox”!