Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Reliġjon Tajba Tippromwovi Rispett għall-Kelma t’Alla

Reliġjon Tajba Tippromwovi Rispett għall-Kelma t’Alla

ĠESÙ ppromwova rispett għall-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Dan il-fatt jidher ċar mill-mod kif wieġeb meta ġie ttantat mix-Xitan. (Mattew 4:4-11) Pereżempju, kif irreaġixxa Ġesù meta Satana sfidah biex ibiddel xi ġebel f’ħobż? Ġesù warrab it-tentazzjoni billi kkwota l-kliem ispirat taʼ Mosè, li tistaʼ taqrah f’Dewteronomju 8:3. U meta x-Xitan offra lil Ġesù ħakma fuq is-saltniet kollha tad-dinja bi bdil m’att wieħed biss taʼ qima, Ġesù kif wieġeb? Hu rrifjuta l-offerta billi rrefera għal prinċipju Skritturali li tistaʼ ssibu f’Dewteronomju 6:13.

Aħseb ftit! Avolja kien l-istess Iben t’Alla, Ġesù straħ fuq il-Bibbja bħala l-awtorità tiegħu meta kien jgħallem. U ċertament li qatt ma pprefera t-tradizzjoni tal-bniedem biex jinjora l-Kelma t’Alla. (Ġwanni 7:16-18) Madankollu, ħafna mill-mexxejja reliġjużi taʼ żmien Ġesù ma rrispettawx il-Kelma t’Alla bħalu. Għala le? Huma ħallew it-tradizzjoni tal-bniedem tkun iktar importanti mill-Iskrittura Mqaddsa. Bla ma qagħad jomgħodha, Ġesù qal lil dawk l-irġiel reliġjużi: “Hekk iġġibu fix-xejn il-liġi taʼ Alla minħabba t-tradizzjoni tagħkom. Uċuħ b’oħra, sewwa ħabbar Isaija fuqkom meta qal, ‘Dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni. Fiergħa hija l-qima li jagħtuni; jgħallmu duttrina li m’hijiex għajr preċetti tal-bniedem.’”—Mattew 15:6-9, Għaqda Biblika Maltija.

Ħafna mir-reliġjonijiet tad-dinja, sew jekk Kristjani u sew jekk mhumiex, isostnu li jirrispettaw il-Bibbja. Minkejja dan, kemm taf b’reliġjonijiet li jwarrbu tradizzjonijiet tal-bniedem meta dawn ma jaqblux mat-tagħlim ċar misjub fil-Kelma t’Alla? Ikkunsidra żewġ eżempji biss.

SUĠĠETT: Titli reliġjużi.

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA:

Ġesù kkundanna lill-mexxejja reliġjużi taʼ żmienu għax kienu jħobbu t-titli u jixtiequ l-prominenza. Hu qal li dawn l-irġiel kienu jħobbu “l-ewwel postijiet fl-ikliet taʼ filgħaxija u s-siġġijiet taʼ quddiem fis-sinagogi, u t-tislim fis-suq, u li jissejħu ‘Rabbi’ mill-bnedmin.” Ġesù mbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Tissejħux ‘Rabbi’; għax wieħed hu Sidkom, u intom ilkoll aħwa. U ssejħu lil ħadd fuq l-art missierkom; għax wieħed hu Missierkom, li qiegħed fis-sema.”—Mattew 23:1-10, New Catholic Edition of the Holy Bible.

MISTOQSIJA:

Il-mexxejja taʼ din ir-reliġjon jieħdu pjaċir jissejħu b’titli taʼ unur u jfittxu l-prominenza fil-komunità, jew jobdu l-kmand taʼ Ġesù biex jevitaw li jagħmlu hekk?

SUĠĠETT: Użu taʼ xbihat fil-qima.

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA:

“La tagħmilx għalik suriet minquxa u ebda xbieha taʼ ebda ħaġa li hemm fl-għoli tas-sema, jew isfel fl-art, jew fil-baħar taħt l-art. La tmilx quddiemhom: La tadurahomx.”—Eżodu 20:4, 5, Għaqda Biblika Maltija.

L-appostlu Ġwanni kiteb lill-Kristjani: “Ħarsu ruħkom mill-idoli.”—1 Ġwanni 5:21, Karm Żammit.

MISTOQSIJA:

Tobdi din ir-reliġjon il-kmand ċar tal-Bibbja biex jiġi evitat l-użu taʼ xbihat u idoli fil-qima lejn Alla?

Tistaʼ Ssib it-Triq it-Tajba

Minkejja l-għadd li jħawdek t’għażliet reliġjużi li hawn illum, int tistaʼ ssib il-waħda li twassal għall-ħajja. Hemm ħafna marki li jidentifikaw ir-“reliġjon safja u bla tebgħa quddiem Alla.” (Ġakbu 1:27, Karm Żammit) L-iskritturi diskussi f’dawn l-artikli jistgħu jservu taʼ tabelli li jgħinuk issib dik ir-reliġjon.

Għax ma tistaqsix lix-Xhieda taʼ Ġeħova biex jispjegaw it-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet imqajmin f’dawn l-artikli? Hekk kif timmedita fuq dak li jgħidulek, segwi l-eżempju tajjeb taʼ dawk li matul l-ewwel seklu għexu fil-belt taʼ Berea. Wara li semgħu lill-appostlu Pawlu jipprietka, “huma studjaw l-Iskrittura biex jaraw jekk dak li qal Pawlu kienx tassew veru.” (Atti 17:11, Today’s English Version) Jekk, bħall-Bereani, tirrispetta l-Kelma t’Alla u tistudjaha bir-reqqa, int issib it-triq għall-ħajja. Jekk imbagħad timxix f’dik it-triq hi għażla li jkollok tagħmel.

Liema reliġjon tinkuraġġixxi lin-nies jistudjaw l-Iskrittura biex jaraw jekk dak li qed jitgħallmu huwiex tassew veru?