Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ir-Reliġjonijiet Kollha Huma Tajbin?

Ir-Reliġjonijiet Kollha Huma Tajbin?

AĦNA ngħixu f’dinja li għandha ħafna reliġjonijiet differenti. Stħarriġ li sar dan l-aħħar identifika 19-il reliġjon kbira u xi 10,000 reliġjon iżgħar madwar id-dinja. Din il-varjetà toffri lin-nies għażla reliġjuża bħal qatt qabel. Għalhekk, jimporta x’reliġjon tagħżel?

Xi wħud jgħidu li reliġjonijiet differenti huma bħal toroq differenti li jserrpu maʼ muntanja. Għalihom ma jimpurtax liema triq jagħżlu, ladarba t-toroq kollha jwasslu għall-istess post. Huma jirraġunaw li hemm wieħed biss Alla li Jistaʼ Kollox, u għalhekk ir-reliġjonijiet kollha għandhom fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għal għandu.

It-Toroq Kollha Jwasslu Għal Għand Alla?

Ġesù Kristu, wieħed mill-għalliema reliġjużi l-iktar rispettati fl-istorja, x’qal dwar dan is-suġġett? “Għaddu mill-bieb id-dejjaq,” qal hu lid-dixxipli tiegħu. Għala? “Għax wiesaʼ l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jgħaddu minnha. Imma kemm huwa dejjaq il-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha.”—Mattew 7:13, 14, Għaqda Biblika Maltija.

Kien Ġesù qed jgħid tassew li xi reliġjonijiet iwasslu “għat-telfien”? Jew kien qed jgħallem li dawk biss li ma jemmnux qegħdin fit-triq il-wiesgħa, filwaqt li dawk li jemmnu b’Alla—hi x’inhi r-reliġjon tagħhom—qegħdin fit-triq id-dejqa li twassal għall-ħajja?

Immedjatament wara li qal li hemm żewġ toroq biss, Ġesù qal: “Iftħu għajnejkom mill-profeti foloz; għax dawn jiġu għandkom libsin taʼ nagħaġ, u minn ġewwa jkunu lpup ħattafa!” (Mattew 7:15, Għaqda Biblika Maltija) Iktar tard hu qal: “Mhux kull min jgħidli, ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda taʼ Missieri li hu fis-smewwiet!” (Mattew 7:21, Għaqda Biblika Maltija) Jekk xi ħadd jissejjaħ profeta jew isostni li Ġesù hu l-“Mulej” tiegħu, ikun raġunevoli li tgħid li hu persuna reliġjuża, mhux wieħed li ma jemminx. Jidher ċar, allura, li Ġesù kien qed iwissi li mhux ir-reliġjonijiet kollha huma tajbin u li mhux l-għalliema reliġjużi kollha għandhom jiġu fdati.

Hu Possibbli li Tidentifika t-Triq id-Dejqa?

Il-Bibbja hi bħal mappa tat-toroq li tistaʼ tafdaha u li tistaʼ tgħin lil persuna ssib ir-reliġjon it-tajba

Ladarba mhux it-toroq kollha jwasslu għal għand Alla, kif tistaʼ ssib it-triq id-dejqa li twassal għall-ħajja fost l-eluf t’għażliet? Ikkunsidra din it-tixbiha: Immaġina li tinsab mitluf f’belt kbira. Tiddeċiedi li titlob l-għajnuna. Xi ħadd li jaħseb li jaf it-triq jgħidlek biex tmur lejn il-lemin. Ieħor jgħidlek biex tmur lejn ix-xellug. Jerġaʼ ieħor jissuġġerilek li tagħżel kwalunkwe direzzjoni li tħoss li hi l-aħjar għalik. Fl-aħħar, xi ħadd ieħor joħroġ mappa li tistaʼ tafdaha u jurik ir-rotta t-tajba. Hu mbagħad jagħtik il-mappa sabiex tkun tistaʼ tirreferi għaliha matul it-triq. Ma tħossokx iktar kunfidenti li tasal fejn trid?

Hekk ukoll meta niġu għal li nagħżlu liema reliġjon se nsegwu, għandna bżonn mappa tat-toroq spiritwali li tistaʼ tafdaha. Teżisti xi waħda? Iva, teżisti. Din il-mappa hi l-Bibbja, li tiddikjara: “L-iskrittura kollha hi mogħtija b’ispirazzjoni minn Alla, u tiswa għat-tagħlim, għaċ-ċanfir, għat-twiddib, għat-taħriġ fil-ħaqq.”—2 Timotju 3:16, Karm Żammit.

X’aktarx li bil-lingwa tiegħek għandek disponibbli xi traduzzjoni tal-Bibbja li tistaʼ tużaha bħala mappa tat-toroq spiritwali. Il-pubblikaturi taʼ din ir-rivista, ix-Xhieda taʼ Ġeħova, jippubblikaw traduzzjoni tal-Bibbja li tistaʼ tafdaha u li hi magħrufa bħala t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa. Madankollu, jekk m’intix wieħed jew waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova, għandek mnejn tippreferi tuża traduzzjonijiet oħrajn meta tikkunsidra s-suġġett taʼ li tidentifika jekk reliġjon hijiex tajba jew ħażina. Għalhekk, din is-serje t’artikli tikkwota minn għadd taʼ traduzzjonijiet tal-Bibbja li huma rispettati ferm minn denominazzjonijiet reliġjużi oħrajn.

Hekk kif taqra l-artikli li ġejjin, qabbel dak li taf maʼ dak li tgħid il-Bibbja. Żomm f’moħħok kliem Ġesù rigward kif nistgħu niddistingwu bejn reliġjon tajba u ħażina. Hu qal: “Siġra tajba tagħmel frott tajjeb, imma siġra ħażina frott ħażin tagħmel. Ma tistax siġra tajba tagħmel frott ħażin, lanqas ma tagħmel siġra ħażina frott tajjeb.” (Mattew 7:17, 18, Saydon) Ikkunsidra biss tlieta mill-frott tajjeb li l-Bibbja tgħid li jidentifika s-“siġra tajba.”