Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

It-Tieni Ħrafa: Il-Ħżiena Jsofru fl-Infern

It-Tieni Ħrafa: Il-Ħżiena Jsofru fl-Infern

Kif bdiet il-ħrafa?

“Mill-filosfi Griegi klassiċi kollha, dak li kellu l-iktar influwenza fuq l-ideat tradizzjonali tal-Infern hu Platun.”—Histoire des enfers (L-Istorja tal-Infern), minn Georges Minois, paġna 50.

“Minn nofs it-tieni seklu AD ’l quddiem, Kristjani li kellhom xi taħriġ fil-filosofija Griega bdew iħossu l-bżonn li jesprimu l-fidi tagħhom b’mod li jirrifletti l-opinjoni taʼ dawn il-filosfi . . . Il-filosofija li kienet taqbel l-iktar għalihom kienet il-Platoniżmu [it-tagħlim taʼ Platun].”—The New Encyclopædia Britannica (1988), Volume 25, paġna 890.

“It-tagħlim tal-Knisja jtenni li hemm l-infern u li hu għal dejjem. L-erwieħ taʼ dawk li jmutu fl-istat tad-dnub mejjet wara mewthom jinżlu minnufih fl-infern, fejn isofru għal dejjem il-pieni taʼ l-infern, ‘in-nar taʼ dejjem.’ L-akbar kastig taʼ l-infern hu l-firda għal dejjem minn Alla.”—Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, paġna 258.

Il-Bibbja x’tgħid?

“Għax il-ħajjin jafu li se jmutu, imma l-mejtin ma jafu xejn, . . . għax m’hemmx ħidma jew ħsieb jew għarfien jew għerf f’Xeol, fejn int sejjer.”—Ekkleżjasti 9:5, 10, Revised Standard Version.

Il-kelma Ebrajka Xeol, li kienet tirreferi għall-“post fejn jgħammru l-mejtin,” tiġi tradotta “infern” f’xi verżjonijiet tal-Bibbja. Din is-silta x’tirrivela dwar il-kundizzjoni tal-mejtin? Isofru huma f’Xeol sabiex ipattu għall-iżbalji tagħhom? Le, għax “ma jafu xejn.” Huwa għalhekk li l-patrijarka Ġob, meta kien qed isofri ħafna minħabba marda kiefra, talab bil-ħniena lil Alla: “Ipproteġini fl-infern [bl-Ebrajk, Xeol].” (Ġob 14:13; Douay-Rheims Version) It-talba tiegħu x’tifsir kien ikollha kieku Xeol kien post taʼ turment etern? L-infern, f’sens Bibliku, hu sempliċement il-qabar komuni tal-umanità fejn m’hemmx attività.

Mhijiex din id-definizzjoni tal-infern iktar loġika u fi qbil mal-Iskrittura? Liema għemil ħażin, ikun kemm ikun orribbli, jistaʼ jġiegħel lil Alla kollu mħabba jittortura lil persuna għal dejjem taʼ dejjem? (1 Ġwanni 4:8) Imma jekk in-nar tal-infern hu ħrafa, xi ngħidu għall-ħajja fis-sema?

Qabbel dawn il-versi Bibliċi: Salm 146:3, 4; Atti 2:25-27; Rumani 6:7, 23

FATT:

Alla ma jikkastigax lin-nies fl-infern