Kont Taf?
Kont Taf?
X’sar minnha l-arka tal-patt?
Għall-Israelin, il-preżenza t’Alla kienet simbolizzata mill-arka tal-patt. (Eżodu 25:22) Din kienet senduq sagru miksi bid-deheb li fih Mosè kien poġġa ż-żewġ twavel tal-ġebel bil-Liġi miktuba fuqhom. Meta l-Israelin kienu jgħixu fix-xagħri, l-Arka kienet tinżamm fit-taqsima msejħa l-Iktar Qaddis tat-tinda tal-laqgħa. (Eżodu 26:33) Maż-żmien, l-Arka tqiegħdet fit-taqsima msejħa l-Iktar Qaddis tat-tempju taʼ Salamun.—1 Slaten 6:19.
L-Arka tissemma l-aħħar fit-2 Kronaki 35:3 meta s-Sultan Ġosija ħadha lura fit-tempju fis-sena 642 Q.E.K. Għandu mnejn li l-Arka tneħħiet minn Manasse, l-antenat apostata taʼ Ġosija, li poġġa xbieha fit-tempju. Jew forsi ġiet imċaqalqa biex tkun protetta matul it-tiġdid tat-tempju taʼ Ġosija. (2 Kronaki 33:1, 2, 7; 34:1, 8-11) X’sar minnha l-Arka wara dan huwa misteru, għax mhix imniżżla fost l-oġġetti li ttieħdu mit-tempju meta l-Babiloniżi ħadu taħt idejhom lil Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K.—2 Slaten 25:13-17.
L-Iskrittura ma tgħidx li l-Arka ttieħdet lura fl-Iktar Qaddis tat-tempju, li kien inbena mill-ġdid minn Żerubbabel; u lanqas ma jidher li saret xi oħra minflokha.—Esdra 1:7-11.
Min kienu l-irġiel differenti fil-Bibbja li jisimhom Ġakbu?
Kien hemm erbgħa b’kollox, u faċli tkun konfuż. a Wieħed minnhom kien missier l-appostlu Ġuda (mhux l-Iskarjota), u xejn iktar mhu magħruf dwaru.—Luqa 6:16; Atti 1:13.
Raġel ieħor bl-isem taʼ Ġakbu kien bin Żebedew. Dan kien Ġakbu ħu Ġwanni, u t-tnejn li huma kienu appostli taʼ Ġesù. (Mattew 10:2) Milli jidher, ommu kienet Salomè, oħt omm Ġesù. (Qabbel Mattew 27:55, 56 maʼ Marku 15:40, 41 u Ġwanni 19:25.) Jekk inhu hekk, Ġakbu kien il-kuġin taʼ Ġesù. Hu kien sajjied u kien bi sħab maʼ ħuh, maʼ Pietru u maʼ Indrì.—Marku 1:16-19; Luqa 5:7-10.
Imbagħad hemm Ġakbu bin Alfew, li kien ukoll wieħed mill-appostli taʼ Ġesù. (Marku 3:16-18) F’Marku 15:40 huwa deskritt bħala “Ġakbu ż-Żgħir.” Jistaʼ jkun li kien jissejjaħ “iż-Żgħir” għax kien iżgħar fl-istatura jew fl-età minn Ġakbu, bin Żebedew.
Fl-aħħar nett hemm bin Ġużeppi u Marija, ħu Ġuda u ħu Ġesù mill-omm. (Marku 6:3; Galatin 1:19) Matul il-ministeru taʼ Ġesù, Ġakbu ma kienx wieħed mid-dixxipli tiegħu. (Mattew 12:46-50; Ġwanni 7:5) Madankollu, qabel Pentekoste tas-sena 33 E.K. Ġakbu talab maʼ ommu, maʼ ħutu, u mal-appostli f’kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm. (Atti 1:13, 14) Iktar tard, Ġakbu sar membru prominenti tal-kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm u kiteb il-ktieb tal-Bibbja li jġib ismu.—Atti 12:17; Ġakbu 1:1.
[Nota taʼ taħt]
a Fil-lingwa oriġinali, l-isem Ġakbu huwa l-ekwivalenti tal-isem Ġakobb, u bʼhekk, hemm iktar uħud fil-Bibbja li kellhom l-istess isem. Pereżempju, il-frażi “Abraham, Iżakk, u Ġakobb (Ġakbu)” tidher bosta drabi fil-Bibbja, u Mattew 1:16 jgħid li Ġakobb (Ġakbu) “nissel lil Ġużeppi r-raġel taʼ Marija.” Madankollu, dan l-artiklu jiffoka fuq dawk li fil-Bibbja jisimhom Ġakbu.