Meta Tħossok Offiż
Meta Tħossok Offiż
SPISS jgħidu li l-vendetta ġġib sodisfazzjon. Dan hu għaliex huwa naturali li nħossuna rrabjati meta xi ħadd joffendina jew jagħmlilna l-ħsara b’xi mod jew ieħor. Is-sens li writna li nagħrfu t-tajjeb u l-ħażin iġegħelna nkunu rridu nikkoreġu l-inġustizzji. Imma dan kif nagħmluh?
M’għandniex xi ngħidu, hemm tipi differenti taʼ offiżi. Dawn jistgħu jkunu xi daqqa taʼ ħarta, imbottar, xi insult, jew saħansitra abbuż verbali, attakk fiżiku, serq, u affarijiet bħal dawn. Kif tħossok meta xi ħadd iweġġgħek b’xi mod jew ieħor? Illum ħafna nies donnhom jirreaġixxu billi jgħidu, ‘Inġegħelhom ipattu qares talli għamlu!’
Fl-Istati Uniti, għadd taʼ studenti fl-iskejjel sekondarji ressqu akkużi foloz taʼ abbuż kontra l-għalliema biex ipattuhielhom talli ddixxiplinawhom. Brenda Mitchell, president tal-Unjin tal-Għalliema fi New Orleans tgħid: “Li jiġri hu li ladarba tkun saret l-akkuża, isem l-għalliem ikun diġà ġie mħammeġ.” Avolja jkun hemm il-provi li l-akkuża tkun falza, il-ħsara tistaʼ tibqaʼ.
Fuq il-post tax-xogħol hemm numru li dejjem jiżdied taʼ impjegati frustrati li jipprovaw ipattuha lil min jimpjegahom. Dan jagħmluh billi jagħmlu l-ħsara lil xi informazzjoni importanti jew jeqirduha mis-sistema tal-kompjuter tal-kumpanija. Oħrajn jisirqu xi sigrieti tal-kumpanija u jbigħuhom jew jikxfuhom. The New York Times tirrapporta li minbarra s-serq taʼ dokumenti mill-kompjuter, hemm ukoll is-serq taʼ oġġetti minn fuq ix-xogħol. Dan għadu l-iktar mezz komuni kif l-impjegat jivvendika ruħu. Fil-ġlieda tagħhom kontra dawk li jheddu li jivvendikaw ruħhom, ħafna kumpaniji ddeċidew li jinkarigaw uffiċjal tas-sigurtà biex jakkumpanja lill-impjegat li jkun tkeċċa sal-iskrivanija tiegħu, jistennieh jieħu l-affarijiet persunali, u jwasslu sal-bieb taʼ barra.
L-iktar vendetta komuni li teżisti tinvolvi lil dawk li huma l-eqreb tagħna—ħbieb, kollegi, u membri tal-familja. Meta xi ħadd ikollu s-sentimenti mweġġgħin minħabba xi kliem iebes jew għemil bla ħsieb, dan spiss jirreaġixxi billi jwieġeb bl-istess mod. Jekk xi ħabib ikellmek b’ton aħrax, taħtfu int u tgħidlu xi kelma li tweġġgħu? Jekk membru tal-familja
joffendik b’xi mod, iżżomm fil-komma biex tpattihielu? Kemm hu faċli nagħmlu dan meta dak li joffendina jkun xi ħadd qrib tagħna!Il-Konsegwenzi Koroh tal-Vendetta
Spiss, xi wħud iħossu li jekk ma jpattuhiex lil dak li jkun weġġagħhom, ma jkunux jistgħu jeħilsu mill-uġigħ emozzjonali kaġunat mill-offiża li tkun saritilhom. Pereżempju, il-Bibbja tgħidilna li meta wlied Ġakobb, il-patrijarka Ebrew, saru jafu li Sikem il-Kangħani kien stupra lil oħthom Dina, huma “ħassew is-sentimenti tagħhom imweġġgħin u rrabjaw ferm.” (Ġenesi 34:1-7) Biex jivvendikaw ruħhom minħabba l-ħsara li saret lil oħthom, tnejn minn ulied Ġakobb ikkonfoffaw kontra Sikem u kontra dawk taʼ daru. Simegħon u Levi fasslu pjan makakk biex daħlu fil-belt Kangħanija u qatlu kull raġel inkluż lil Sikem.—Ġenesi 34:13-27.
Dan it-tixrid taʼ demm kollu solvieha l-problema? Meta Ġakobb sar jaf b’dak li għamlu wliedu ċanfarhom billi qal: “Intom ġegħeltuni niġi mwarrab għax għamiltuni mibgħud mill-abitanti tal-pajjiż, . . . u huma żgur li se jinġemgħu flimkien kontrija u jaħbtu għalija u jeqirduni għalkollox, lili u lil dari.” (Ġenesi 34:30) Minflok ma solviet il-problema, il-vendetta tagħhom kellha l-effett oppost; il-membri tal-familja taʼ Ġakobb kellhom joqogħdu attenti li l-ġirien irrabjati ma jattakawhomx lura. Alla ta istruzzjonijiet lil Ġakobb biex hu u l-familja tiegħu jitilqu minn dawk l-inħawi u jmorru lejn Betel, x’aktarx biex jevitaw li jiġu attakkati.—Ġenesi 35:1, 5.
Il-ġrajjiet konnessi mal-istupru taʼ Dina jenfasizzaw lezzjoni importanti. Il-vendetta spiss iġġib magħha iktar atti taʼ vendetta, u dawn ma jaqtgħu qatt.
Vendetta Ġġib Oħra
Ma jkunx taʼ ġid għalina li naħlu saħħitna u jkun moħħna biex nivvendikaw ruħna minn xi ħadd li għamlilna l-ħsara. Il-ktieb Forgiveness—How to Make Peace With Your Past and Get On With Your Life (Il-Maħfra—Kif Taċċetta l-Passat u Tkompli Tgħix Ħajtek) jgħid: “Il-korla tifnik. Meta toqgħod tberren dwar l-esperjenzi taʼ wġigħ li kellek Proverbji 14:30.
fil-passat, tisħet f’qalbek lil min ikun weġġgħek, u taħseb dwar kif tistaʼ tpattihielu, tkun qed taħli l-ħin u l-enerġija tiegħek.” Sewwa tgħid il-Bibbja, “l-għira therri l-għadam.”—Tabilħaqq, kif jistaʼ xi ħadd ikun ferħan jekk f’qalbu ma jkollux ħlief sentimenti taʼ mibegħda u vendetta? Kummentatur wieħed qal: “Jekk taħseb li ‘l-vendetta ġġib sodisfazzjon,’ ħares lejn wiċċ dawk li għal snin sħaħ kienu vendikattivi.”
Ikkunsidra x’qed jiġri f’ħafna pajjiżi tad-dinja fejn jeżistu ħafna konflitti bejn gruppi etniċi u reliġjużi. Spiss qtil iġib ieħor, u dan iservi biss biex isaħħaħ ċiklu li ma jintemm qatt taʼ mibegħda u mewt. Pereżempju, meta bomba qatlet 18-il żagħżugħ f’attakk terroristiku, waħda mara li hi stess kienet tilfet lil xi ħadd għajtet, “Irridu npattuhielhom għal elf darb’oħra!” B’hekk, tkompli tikber il-kefrija u iktar u iktar nies jingħaqdu fil-ġlied.
“Għajn b’Għajn”
Xi wħud jikkwotaw il-Bibbja biex jiġġustifikaw l-attitudni vendikattiva tagħhom. Huma jgħidu, “Il-Bibbja ma tgħidx ‘għajn b’għajn, sinna b’sinna’?” (Levitiku 24:20) Mad-daqqa taʼ għajn għandu mnejn jidher li l-liġi taʼ “għajn b’għajn” qed tinkuraġġixxi l-vendetta. Iżda fil-fatt din kienet trażżan jew tillimita atti taʼ vendetta li ma jagħmlux sens. B’liema mod?
Jekk xi Israeli jkun ħebb għal Israeli ieħor u jaqlagħlu għajnu, il-Liġi kienet tara li jieħu l-kastig mistħoqq. Madankollu, il-vittma ma kellhiex tieħu azzjoni hi stess biex tikkastiga lill-individwu li jkun attakkaha jew tikkastiga lil xi ħadd mill-familja tiegħu. Il-Liġi kienet titlob li l-vittma tressaq il-każ quddiem l-awtoritajiet stabbiliti—l-imħallfin maħturin—biex il-kwistjoni tinqataʼ kif suppost. In-nies kienu jafu li jekk wieħed jikkommetti minn jeddu xi att kriminali jew vjolenti kontra xi ħadd ieħor setaʼ jiġi kastigat bl-istess att. Dan serva bħala deterrent effettiv ħafna. Imma dan mhux kollox.
Qabel ma stqarr din il-liġi taʼ tpattija li diġà ssemmiet, Alla Ġeħova, permezz taʼ Mosè, qal lill-ġens taʼ Israel: “Tobgħodx lil ħuk f’qalbek. . . . Tivvendikax ruħek u lanqas iżżomm f’qalbek.” (Levitiku 19:17, 18) L-idea taʼ “għajn b’għajn, sinna b’sinna” trid tittieħed fil-kuntest tal-patt tal-Liġi kollu kemm hu, li Ġesù qal li kien miġbur f’żewġ kmandamenti: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu” u “Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” (Mattew 22:37-40) Mela, kif għandhom jirreaġixxu l-Kristjani veri jekk issirilhom xi inġustizzja?
Fittxu l-Paċi
Il-Bibbja tiddeskrivi lil Ġeħova bħala “l-Alla tal-paċi” u tħeġġeġ lill-aduraturi tiegħu biex ‘ifittxu l-paċi u jiġru warajha.’ (Ebrej 13:20; 1 Pietru 3:11) Imma huwa tassew effettiv dan?
Matul il-ministeru tiegħu fuq l-art, lil Ġesù beżqulu u sawtuh bil-frosta. Hu ġie wkoll persegwitat mill-għedewwa tiegħu, tradut minn ħabib tal-qalb, u saħansitra ġie abbandunat mis-segwaċi tiegħu stess. (Mattew 26:48-50; 27:27-31) Kif irreaġixxa? L-appostlu Pietru kiteb: “Meta kien mgħajjar, m’għajjarx lura. Meta kien qed isofri, m’heddidx, imma baqaʼ jafda ruħu f’idejn dak li jiġġudika bil-ġustizzja.”—1 Pietru 2:23.
Pietru qal: “Kristu sofra għalikom, u ħallielkom mudell biex timxu mill-qrib wara l-passi tiegħu.” (1 Pietru 2:21) Il-Kristjani huma inkuraġġiti biex jimitaw lil Ġesù, inkluż il-mod kif aġixxa meta kien qed isofri l-inġustizzji. Dwar dan, fil-Prietka taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù nnifsu qal: “Komplu ħobbu lill-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom; sabiex turu li intom ulied Missierkom li hu fis-smewwiet.”—Mattew 5:44, 45.
Dawk li għandhom imħabba bħal taʼ Kristu kif jirreaġixxu meta xi ħadd jagħmlilhom jew jaħsbu li għamlilhom il-ħsara? Proverbji 19:11 jgħid: “Id-dehen taʼ bniedem itaffilu r-rabja tiegħu, u hija ħaġa sabiħa min-naħa tiegħu li jħalli nuqqas għaddej.” Ukoll, huma jieħdu bis-serjetà din it-twissija: “Tħallix il-ħażen jirbħek, imma dejjem irbaħ il-ħażen bit-tajjeb.” (Rumani 12:21) X’differenza mill-attitudni vendikattiva li hi tant komuni fid-dinja llum! L-imħabba Kristjana li hi vera tistaʼ tgħinna nirbħu t-tentazzjoni li npattuha, u b’hekk ‘inħallu n-nuqqas għaddej’ għax l-imħabba “ma żżommx kont tal-ħsara.”—1 Korintin 13:5.
Ifisser dan li jekk inkunu vittmi taʼ xi att kriminali jew niġu mheddin b’xi mod ieħor għandna sempliċement inbaxxu rasna u naċċettaw kollox? Dażgur li le! Meta Pawlu qal, “Dejjem irbaħ il-ħażen bit-tajjeb,” ma riedx ifisser li Kristjan għandu jkun iffissat li jkun martri. Għall-kuntrarju, ċertament li għandna d-dritt niddefendu ruħna meta niġu attakkati. Jekk individwu jagħmel il-ħsara lilek persunali jew lill-proprjetà tiegħek, għandek mnejn tagħżel li ċċempel lill-pulizija. Jekk il-problema tinvolvi lil xi ħadd fuq il-post tax-xogħol jew fl-iskola nistgħu nitolbu l-għajnuna tal-awtoritajiet sekulari.—Rumani 13:3, 4.
Minkejja dan, tajjeb iżżomm f’moħħok li l-ġustizzja vera f’din is-sistema taʼ affarijiet ma tantx tistaʼ tinkiseb faċilment. Fil-fatt, ħafna nies qattgħu ħajjithom kollha jipprovaw isibuha. Iżda dan serva biss biex infnew bl-imrar u bir-rabja meta l-istennijiet tagħhom ma twettqux.
Satana jieħu gost jara lin-nies mifrudin minħabba l-vendetta u l-mibegħda. (1 Ġwanni 3:7, 8) Huwa bil-wisq aħjar li nżommu f’moħħna dan il-kliem mill-Bibbja: “Tivvendikawx ruħkom, imma agħmlu l-wisaʼ għall-korla; għax hu miktub: ‘Il-vendetta hi tiegħi; jien inħallas, jgħid Ġeħova.’” (Rumani 12:19) Meta nħallu l-affarijiet f’idejn Ġeħova, aħna ninħelsu minn ħafna wġigħ, rabja, u vjolenza.—Proverbji 3:3-6.
[Kumment f’paġna 22]
“Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu” u “Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”
[Stampi f’paġna 23]
L-imħabba “ma żżommx kont tal-ħsara.” —1 Korintin 13:5