Ġesù Kristu—Il-Messaġġ Tiegħu sa Liema Punt Effettwa lin-Nies?
Ġesù Kristu—Il-Messaġġ Tiegħu sa Liema Punt Effettwa lin-Nies?
“Ċertament li l-iktar prova soda li eżista r-raġel għaref [Ġesù] minn Kafarnahum hi li hu għad għandu l-qlub u l-imħuħ tan-nies fl-idejn teneri tiegħu.” a—L-AWTUR GREGG EASTERBROOK.
IL-KLIEM għandu l-qawwa. Kliem taʼ għerf meqjus jistaʼ jqanqal il-qlub, inissel it-tama, u jbiddel il-ħajjiet. Ebda bniedem ma kien daqstant qawwi fi kliemu daqskemm kien Ġesù Kristu. Wieħed li semaʼ lil Ġesù jagħmel dik li issa hi magħrufa sew bħala l-Prietka taʼ fuq il-Muntanja, iktar tard kiteb: “Meta Ġesù temm dan id-diskors, ġara li l-folol baqgħu mistagħġbin bil-mod kif għallimhom.”—Mattew 7:28.
Sal-ġurnata tal-lum, ħafna minn dak li qal Ġesù huwa familjari man-nies tad-dinja kollha. Ikkunsidra ftit eżempji taʼ espressjonijiet li għandhom tifsir profond.
“Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-flus.”—Mattew 6:24.
“Kulma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.”—Mattew 7:12.
“Agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla.”—Mattew 22:21.
“Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—Atti 20:35.
Imma Ġesù għamel iktar milli sempliċement qal espressjonijiet memorabbli. Il-messaġġ li pprietka kellu l-qawwa minħabba li wassal il-verità dwar Alla, għallem lin-nies kif isibu skop veru fil-ħajja, u b’mod ċar ipponta lejn is-soluzzjoni għat-tbatija kollha tan-nies—is-Saltna t’Alla. Hekk kif neżaminaw dan il-messaġġ fil-paġni li ġejjin, se naraw għala Ġesù għad għandu miljuni taʼ ‘qlub u mħuħ fl-idejn teneri tiegħu.’
[Nota taʼ taħt]
a Kafarnahum, belt fid-distrett tal-Galilija, kienet kunsidrata bħala l-post fejn trabba Ġesù.—Marku 2:1.