Dak li Ġesù Għallem Dwaru Nnifsu
Dak li Ġesù Għallem Dwaru Nnifsu
“Ġesù ma kellu ebda dubju dwar min kien, minn fejn ġie, għala ġie fid-dinja tagħna, u x’kien hemm lest għalih fil-futur.”—L-AWTUR HERBERT LOCKYER.
QABEL ma nkunu nistgħu naċċettaw u npoġġu l-fidi fl-affarijiet li għallem Ġesù, għandna bżonn inkunu nafu xi ħaġa dwaru. Ġesù min kien verament? Minn fejn ġie? X’kien l-iskop tiegħu fil-ħajja? Fl-Evanġelji—Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni—nistgħu nisimgħu t-tweġibiet bħallikieku minn xofftejn Ġesù stess.
Hu għex qabel ma twieled fuq l-art Ġesù darba minnhom qal: “Qabel m’eżista Abraham, kont neżisti.” (Ġwanni 8:58) Abraham għex xi 2,000 sena qabel ma twieled Ġesù. Madankollu, Ġesù għex saħansitra qabel ma dak il-patrijarka leali mexa fuq l-art. Imma, Ġesù fejn kien eżista? ‘Jien inżilt mis-sema,’ spjega hu.—Ġwanni 6:38.
L-Iben t’Alla Ġeħova għandu ħafna wlied anġeliċi. Madankollu, Ġesù hu uniku. Hu rrefera għalih innifsu bħala “l-Iben uniġenitu t’Alla.” (Ġwanni 3:18) Din l-espressjoni tfisser li Ġesù hu l-uniku ħolqien li nħalaq direttament minn Alla. L-Iben uniġenitu hu l-wieħed li permezz tiegħu Alla ħalaq l-affarijiet l-oħrajn kollha.—Kolossin 1:16.
“Bin il-bniedem” Ġesù uża din l-espressjoni iktar minn kwalunkwe espressjoni oħra biex jirreferi għalih innifsu. (Mattew 8:20) B’hekk, hu wera li la kien anġlu materjalizzat u lanqas spirtu forma taʼ bniedem. Minflok, hu kien uman għalkollox. Permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu, Alla ttrasferixxa l-ħajja taʼ Ibnu mis-sema għal fuq l-art, billi nisslu fil-ġuf tat-tfajla verġni Marija. Minħabba f’hekk, Ġesù twieled bħala bniedem perfett u bla dnub.—Mattew 1:18; Luqa 1:35; Ġwanni 8:46.
Il-Messija mwiegħed “Naf li ġej il-Messija,” qalet mara Samaritana lil Ġesù. Hu wieġeb: “Jien hu, li qed nitkellem miegħek.” (Ġwanni 4:25, 26) Il-kelma “Messija,” bħall-kelma “Kristu,” tfisser “Midluk.” Ġesù kien midluk, jew maħtur minn Alla, biex ikollu rwol speċjali fit-twettiq tal-wegħdi t’Alla.
Il-missjoni primarja tiegħu Ġesù darba minnhom qal: “Irrid inxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.” (Luqa 4:43) Għalkemm wettaq ħafna għemejjel tajbin għan-nies fil-bżonn, l-ippritkar dwar is-Saltna t’Alla kien l-enfasi ewlieni f’ħajtu. Dak li għallem dwar din is-Saltna se jiġi kunsidrat iktar tard.
B’mod ċar, Ġesù ma kienx raġel ordinarju. a Bħalma se naraw, il-ħajja li kellu fis-sema tat iktar tifsir għall-kliem li qal meta kien fuq l-art. M’għandniex għalfejn nistagħġbu li hu pprietka messaġġ li kien se jeffettwa l-ħajjiet taʼ miljuni taʼ nies madwar id-dinja.
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni dwar Ġesù u dwar l-irwol tiegħu fl-iskop t’Alla, ara kapitlu 4 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.