Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont Taf?

Kont Taf?

Kont Taf?

Liema evidenza hemm minbarra l-​Bibbja li Ġesù kien persunaġġ storiku reali?

Għadd taʼ kittieba sekulari li kienu jgħixu kważi fl-​istess żmien taʼ Ġesù semmewh b’mod speċifiku. Fosthom kien hemm Kornelju Taċitu, li niżżel bil-​miktub l-​istorja taʼ Ruma taħt l-​imperaturi. Rigward nar li ħarbat lil Ruma fis-​sena 64 E.K., Taċitu jirrakkonta li kien hemm xniegħa li l-​Imperatur Neruni kien responsabbli għad-​diżastru. Taċitu jgħid li Neruni pprova jitfaʼ l-​ħtija fuq grupp li l-​poplu kien isejħilhom Kristjani. Taċitu kiteb: “Kristus, li minnu ttieħed l-​isem tagħhom, ġie maqtul mill-​prokuratur Ponzju Pilatu fir-​renju taʼ Tiberju.”—Annals, XV, 44.

L-​istorjografu Lhudi Ġużeppi Flavju wkoll isemmi lil Ġesù. Meta kien qed jiddiskuti ġrajjiet li seħħew bejn il-​mewt taʼ Festu, il-​gvernatur Ruman tal-​Lhudija madwar is-​sena 62 E.K., u l-​wasla tas-​suċċessur tiegħu, Albinu, Ġużeppi Flavju jgħid li l-​Qassis il-​Kbir Ananu (Anna) “laqqaʼ flimkien l-​imħallfin tas-​Sinedriju u ġab quddiemhom raġel jismu Ġakbu, ħu Ġesù li kien jissejjaħ il-​Kristu, u xi oħrajn.”—Jewish Antiquities, XX, 200 (ix, 1).

Ġesù għala ssejjaħ Kristu?

Ir-​rakkonti tal-​Evanġelju jgħidu li meta l-​anġlu Gabrijel deher lil Marija biex jgħidilha li se toħroġ tqila, hu qalilha li lil binha għandha ssemmih Ġesù. (Luqa 1:31) Dan l-​isem kien komuni mhux ħażin fost il-​Lhud fiż-​żminijiet Bibliċi. L-​istorjografu Lhudi Ġużeppi Flavju kiteb dwar 12-​il persuna oħra, minbarra dawk li huma msemmijin fl-​Iskrittura, li kellhom dan l-​isem. Iben Marija kien imsejjaħ “in-​Nazzarenu,” biex jidentifikah bħala dak Ġesù li ġie minn Nazaret. (Marku 10:47) Hu kien magħruf ukoll bħala “l-​Kristu,” jew Ġesù Kristu. (Mattew 16:16) Xi jfisser dan?

Il-​kelma Maltija “Kristu” ġejja mill-​kelma Griega Khri·stosʹ, li hi ekwivalenti għall-​kelma Ebrajka Ma·shiʹach (Messija). Iż-​żewġ kelmiet letteralment ifissru “Midluk.” Dan it-​terminu kien użat b’mod xieraq għal oħrajn qabel Ġesù. Pereżempju, Mosè, Aron, u s-​Sultan David kollha kienu midlukin, jiġifieri, kienu maħturin minn Alla f’pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà u awtorità. (Levitiku 4:3; 8:12; 2 Samwel 22:51; Ebrej 11:24-​26) Ġesù, il-​Messija mbassar, kien ir-​rappreżentant ewlieni taʼ Ġeħova. Għalhekk, Ġesù b’mod xieraq irċieva t-​titlu “Kristu, Bin l-​Alla l-​ħaj.”—Mattew 16:16; Danjel 9:25.

[Stampa f’paġna 15]

Stampa taʼ Ġużeppi Flavju minn artist