‘Saltnatek Tkun Soda’
Ersaq Qrib Lejn Alla
‘Saltnatek Tkun Soda’
MATUL l-istorja, ħafna ħakkiema umani tneħħew mill-kariga tagħhom. Xi wħud tneħħew wara xi votazzjoni, oħrajn bil-forza. Xi ngħidu għal Ġesù Kristu, is-Sultan tas-Saltna tas-sema t’Alla? Hemm xi ħaġa li tistaʼ twaqqfu milli jaħkem bħala s-Sultan maħtur t’Alla? It-tweġiba tistaʼ tinstab fil-kliem li qal Ġeħova lis-Sultan David taʼ Israel tal-qedem, kif inhu dokumentat fit-2 Samwel kapitlu 7.
Hekk kif jibda l-kapitlu, insiru nafu li David hu imbarazzat, għax hu, sempliċi sultan uman, jgħix f’palazz mill-isbaħ, filwaqt li l-arka t’Alla qiegħda f’tinda modesta. a David jesprimi x-xewqa tiegħu li jibni dar, jew tempju, xierqa għal Ġeħova. (Vers 2) Imma mhux se jkun David li se jibni d-dar. Permezz tal-profeta Natan, Ġeħova jgħid lil David li ibnu se jibni t-tempju.—Versi 4, 5, 12, 13.
Ġeħova jitqanqal mix-xewqa sinċiera taʼ David. Bħala tweġiba għad-devozzjoni taʼ David u fi qbil mal-profezija, Alla jagħmel patt maʼ David li Hu se jqajjem lil xi ħadd mil-linja rjali taʼ David li se jaħkem għal dejjem. Natan iwassal il-wegħda solenni t’Alla lil David: “Darek u saltnatek ikunu sodi għal żmien indefinit; it-tron tiegħek ikun stabbilit fis-sod għal żmien indefinit.” (Vers 16) Min hu l-Werriet permanenti taʼ dan il-patt—Dak li se jaħkem għal dejjem?—Salm 89:20, 29, 34-36.
Ġesù taʼ Nazaret kien dixxendent taʼ David. Meta ħabbar it-twelid taʼ Ġesù, anġlu qal: “Alla Ġeħova jagħtih it-tron taʼ David missieru, u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u ma jkunx hemm tmiem għal saltnatu.” (Luqa 1:32, 33) Għalhekk, il-patt maʼ David isib it-twettiq tiegħu f’Ġesù Kristu. B’hekk, hu ma jaħkimx għax jagħżluh il-bnedmin, imma permezz taʼ wegħda solenni t’Alla li tagħtih id-dritt li jaħkem għal dejjem. Ejja niftakru li l-wegħdi t’Alla dejjem iseħħu.—Isaija 55:10, 11.
Hemm żewġ lezzjonijiet taʼ valur x’nitgħallmu mit-2 Samwel kapitlu 7. L-ewwel, nistgħu nkunu fiduċjużi li xejn u ħadd ma jistaʼ jwaqqaf lil Ġesù Kristu milli jaħkem. B’hekk, nistgħu nkunu ċerti li se jwettaq dak li hu ddikjara li kien l-iskop tal-ħakma tiegħu, jiġifieri, li jwettaq bis-sħiħ ir-rieda t’Alla fuq l-art kif fis-sema.—Mattew 6:9, 10.
It-tieni, dan ir-rakkont jgħallimna lezzjoni li tqawwilna qalbna dwar Ġeħova. Ftakar li Ġeħova ra l-intenzjoni taʼ qalb David u qiesha taʼ valur. Huwa inkuraġġanti li nkunu nafu li Ġeħova japprezza d-devozzjoni tagħna għall-qima tiegħu. F’xi każi, ċirkustanzi li m’għandniex kontroll fuqhom, bħal saħħa batuta jew età avanzata, jistgħu jżommuna milli nwettqu dak kollu li qalbna tixxennaq biex tagħmel f’li naqdu lil Alla. Jekk inhu hekk, jalla niksbu faraġ mill-fatt li Ġeħova jara saħansitra l-intenzjonijiet taʼ qalb li hi mimlija devozzjoni għall-qima tiegħu.
[Nota taʼ taħt]
a L-arka tal-patt kienet kaxxa sagra li nbniet bid-direzzjoni taʼ Ġeħova u skont id-disinn tiegħu. Kienet tirrappreżenta l-preżenza taʼ Ġeħova f’Israel tal-qedem.—Eżodu 25:22.