Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Alla Għala Joffri l-Għotja taʼ Ħajja taʼ Dejjem lill-Bnedmin?

Alla Għala Joffri l-Għotja taʼ Ħajja taʼ Dejjem lill-Bnedmin?

Il-​Qarrejja Tagħna Jistaqsu . . .

Alla Għala Joffri l-​Għotja taʼ Ħajja taʼ Dejjem lill-​Bnedmin?

▪ Il-​Bibbja tgħid li Alla joffrilna l-​opportunità li niksbu “l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 6:40) Iżda xi jqanqlu biex joffri dan il-​prospett? Huwa dan sempliċement kwistjoni taʼ ġustizzja?

Il-​ġustizzja tfisser ukoll li n-​nies jiġu trattati skont dak li hu ġust u sewwa. Tassew li aħna jistħoqqilna l-​ħajja? Le. Il-​Bibbja tgħid: “M’hemm l-​ebda bniedem ġust fuq l-​art li dejjem jagħmel it-​tajjeb u ma jidnibx.” (Ekkleżjasti 7:20) Id-​dnub iġib miegħu kastig. Alla wissa lill-​ewwel bniedem, Adam, li fil-​jum li jidneb żgur imut. (Ġenesi 2:17) Iktar tard, l-​appostlu Pawlu ġie mnebbaħ biex jikteb: “Il-​ħlas li jagħti d-​dnub hu l-​mewt.” (Rumani 6:23) Għalhekk, ladarba d-​dixxendenti kollha taʼ Adam ħaqqhom il-​mewt, Alla għala joffri l-​possibbiltà taʼ ħajja taʼ dejjem?

Il-​ħajja taʼ dejjem li tiġi offruta lilna hija “għotja b’xejn.” Hija espressjoni tal-​imħabba u l-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla li huma bla qies u li jilħqu lil kulħadd. Il-​Bibbja tgħid: “Kollha dinbu u jonqsu milli jilħqu l-​glorja t’Alla, u bħala għotja b’xejn qed jiġu dikjarati ġusti bil-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu permezz tal-​ħelsien bil-​fidwa mħallsa minn Kristu Ġesù.”—Rumani 3:23, 24.

Għalkemm ilkoll kemm aħna ħaqqna l-​mewt, Alla jagħżel li jagħti l-​ħajja taʼ dejjem lil dawk li jħobbuh. Hija din xi ħaġa inġusta? Il-​Bibbja tgħid: “Allura, x’ngħidu? Li Alla hu inġust? Jalla qatt ma jiġri dan! Għax lil Mosè jgħidlu: ‘Inħenn għal min inħenn, u nagħder lil min nagħder.’ . . . Int min int biex tirrispondi lil Alla?”—Rumani 9:14-​20.

F’xi pajjiżi tad-​dinja, uffiċjal għoli tal-​gvern jew imħallef jistaʼ jaħfer lil xi kriminal li jkun qed jiskonta sentenza ħarxa. Jekk il-​kriminal minn jeddu jagħmel dak li jgħidlu l-​imħallef u juri li jkun biddel l-​attitudni u l-​imġiba tiegħu, xi mħallef jew president jistaʼ jagħżel li jaħfirlu billi jnaqqaslu s-​sentenza jew jaħfirlu s-​sentenza għalkollox. Din l-​azzjoni tistaʼ tkun espressjoni taʼ qalb tajba mhix mistħoqqa, peress li jkun ħaqqu jiskonta s-​sentenza kollha kemm hi.

Bl-​istess mod, Ġeħova jistaʼ jagħżel li ma jikkastigax lill-​midinbin kollha kif ikun ħaqqhom. Pjuttost, imqanqal mill-​imħabba, hu jistaʼ jagħti ħajja taʼ dejjem lil dawk li jħobbuh u jimxu fi qbil mal-​livelli tiegħu. Il-​Bibbja tgħid: “Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-​sewwa hu aċċettat minnu.”—Atti 10:34, 35.

L-​aqwa att taʼ mħabba li wettaq Ġeħova għan-​nom tagħna kien li bagħat lil Ibnu biex ibati u jmut għalina. Ġesù qal hekk dwar Missieru: “Alla tant ħabb lid-​dinja li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-​fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.”—Ġwanni 3:16.

Dawk kollha li jsiru jħobbu lil Ġeħova u jagħmlu r-​rieda tiegħu huma lkoll aċċettabbli għal Alla, ikun xi jkun l-​ambjent li ġejjin minnu. B’hekk, it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem hija primarjament espressjoni tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa, att taʼ mħabba superlattiva min-​naħa t’Alla.

[Kumment f’paġna 15]

It-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem hija primarjament espressjoni tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa, att taʼ mħabba superlattiva