Dwar il-Qima Vera
Dak li Nitgħallmu Minn Ġesù
Dwar il-Qima Vera
Alla kull tip taʼ qima japprova?
▪ Ġesù tħassarhom lin-nies li kienu ġew imqarrqin mir-reliġjon falza. Hu wissa li kellu jkun hemm “profeti foloz li jiġu . . . lebsin taʼ nagħaġ, imma minn ġewwa huma lpup imġewħin.” (Mattew 7:15) Innotajt li xi wħud jagħmlu affarijiet mill-agħar f’isem ir-reliġjon?
F’talba lil Alla, Ġesù qal: “Kelmtek hi l-verità.” (Ġwanni 17:17) Mela Alla ma japprovax tip taʼ qima li tikkontradixxi l-verità tal-Bibbja. Għalhekk, Ġesù applika l-kliem t’Alla għal xi ipokriti reliġjużi billi qal: “Għalxejn jagħtuni qima, għax jgħallmu bħala duttrini l-kmandi tal-bnedmin.”—Mattew 15:9.
Teżisti reliġjon vera?
▪ Meta Ġesù ltaqaʼ mal-mara Samaritana li kienet ġiet imqarrqa mir-reliġjon falza, hu qalilha: “Intom tqimu dak li ma tafux . . . L-aduraturi veri jqimu lill-Missier bl-ispirtu u l-verità, għax, tabilħaqq, il-Missier qed ifittex nies bħal dawn biex iqimuh.” (Ġwanni 4:22, 23) Mela huwa evidenti li l-qima vera tistaʼ tinstab.
Ġesù qal: “Ma nagħmel xejn minn rajja; imma dan ngħidu skond kif għallimni l-Missier.” Mela Ġesù kien jaf li r-reliġjon li għallem kienet l-unika waħda vera. (Ġwanni 8:28) B’hekk qal: “Jien it-triq, il-verità, u l-ħajja. Ħadd ma jiġi għand il-Missier ħlief permezz tiegħi.” (Ġwanni 14:6) Peress li l-aduraturi veri għandhom l-istess mezz kif jersqu lejn il-Missier, bilfors li huma magħqudin f’reliġjon waħda vera.
Kif tistaʼ tagħraf min huma l-aduraturi veri?
▪ Kristjan hu xi ħadd li jimxi wara Ġesù Kristu. Ejja nikkunsidraw erbaʼ modi u naraw kif meta nimitaw l-eżempju taʼ Ġesù niġu identifikati b’mod ċar bħala s-segwaċi tiegħu.
1. F’talba lil Ġeħova, Ġesù Kristu qal: “Għarrafthom ismek.” (Ġwanni 17:26) Il-Kristjani veri għadhom jagħmlu l-istess.
2. Ġesù pprietka dwar is-Saltna taʼ Ġeħova u bagħat lid-dixxipli tiegħu minn dar għal dar biex jagħmlu bħalu. Hu qal: “F’kull belt jew raħal li tidħlu, fittxu lil min jistħoqqlu.” Iktar tard, hu qal lis-segwaċi tiegħu: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha.” (Mattew 10:7, 11; 28:19) Tistaʼ faċilment tagħraf lill-Kristjani veri llum għax huma qed ikomplu jagħmlu l-istess xogħol.
3. Ġesù rrifjuta li jżomm maʼ xi naħa jew oħra fil-politika. Għalhekk, dwar is-segwaċi tiegħu hu qal: “M’humiex parti mid-dinja, bħalma jien m’iniex parti mid-dinja.” (Ġwanni 17:14) L-aduraturi veri għandhom ikunu magħrufin sew għan-newtralità tagħhom fil-politika.
4. Ġesù tant wera mħabba li kien lest li jissagrifika lilu nnifsu għal oħrajn. Hu qal: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwanni 13:35) Il-Kristjani veri jimpurtahom minn xulxin u ma jieħdu ebda sehem fil-gwerer.
Kif tistaʼ tibbenefika mill-qima vera?
▪ Sabiex tipprattika l-qima vera, l-ewwel jeħtieġ li ssir taf lil Ġeħova sew. L-għarfien dwar Alla se jgħinek tgħix l-aqwa mod taʼ ħajja u se jimlielek qalbek bi mħabba għal Alla. Ġeħova wiegħed ħajja bla tmiem lil dawk li jħobbuh. Għalhekk, Ġesù qal: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru.”—Ġwanni 17:3.
Għal iktar informazzjoni, ara kapitlu 15 taʼ dan il-ktieb, Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Stampa f’paġna 22]
“Ħarsu ruħkom mill-profeti foloz li jiġu għandkom lebsin taʼ nagħaġ, imma minn ġewwa huma lpup imġewħin.” —Mattew 7:15