Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

In-Nies Tajbin Kollha Jmorru fis-Sema?

In-Nies Tajbin Kollha Jmorru fis-Sema?

In-​Nies Tajbin Kollha Jmorru fis-​Sema?

WARA l-​aħħar ikla mal-​appostli tiegħu, lejliet dakinhar li ngħata l-​mewt, Ġesù wiegħed li jippremjahom b’post fis-​sema. Hu qal: “F’dar Missieri hemm ħafna postijiet fejn toqogħdu. Kieku ma kienx hekk kont ngħidilkom, għax sejjer inħejji post għalikom.” (Ġwanni 14:2) Ġesù għala kien se jipprovdilhom post fis-​sema? X’se jagħmlu hemmhekk?

Ġesù kellu f’moħħu inkarigu speċjali għad-​dixxipli tiegħu. Matul dik l-​istess lejla, hu qal: “Intom dawk li bqajtu miegħi fil-​provi tiegħi; u nagħmel patt magħkom għal saltna, bħalma Missieri għamel miegħi.” (Luqa 22:28, 29) Alla kien wiegħed lil Ġesù li hu se jkun is-​Sultan li jipprovdi wieħed mill-​akbar bżonnijiet tal-​bnedmin—gvern tajjeb. Ġesù se jeħles lin-​nies mit-​tbatija u se jeqred lil dawk li qed jimbroljawhom. Għalkemm Ġesù se jkollu sudditi “sa truf l-​art,” it-​tron tiegħu se jkun fis-​sema.—Salm 72:4, 8; Danjel 7:13, 14.

Madankollu, Ġesù mhux se jaħkem waħdu. Kien għalhekk li hu wiegħed lill-​appostli tiegħu post fis-​sema. Huma kienu l-​ewwel uħud li ġew magħżulin biex “isaltnu għal fuq l-​art.”—Rivelazzjoni 5:10.

Kemm uħud imorru fis-​sema? Bħal fi kwalunkwe gvern, il-​ħakkiema fis-​Saltna t’Alla fis-​sema huma ftit meta mqabblin man-​nies kollha li jgħixu taħt l-​awtorità tagħha. Lil dawk li se jaħkmu miegħu, Ġesù qalilhom: “Tibżgħux, merħla żgħira, għax Missierkom approva li jagħtikom is-​saltna.” (Luqa 12:32) Din il-​“merħla żgħira” fl-​aħħar se tkun tammonta għal 144,000. (Rivelazzjoni 14:1) Dan in-​numru hu żgħir meta mqabbel mal-​miljuni taʼ nies li se jgawdu ħajja bla tmiem fuq l-​art bħala sudditi leali tas-​Saltna.—Rivelazzjoni 21:4.

Mela mhux in-​nies tajbin kollha jmorru fis-​sema. Dwar is-​Sultan David li kien tajjeb, l-​appostlu Pietru qal ċar u tond: “David ma telax fis-​smewwiet.” (Atti 2:34) Ġwanni l-​Battista kien raġel tajjeb. Madankollu, Ġesù indika li hu mhux se jiġi eżaltat biex jaħkem bħala sultan fis-​sema. Ġesù qal: “Fost dawk li twieldu min-​nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-​Battista; imma min hu fost l-​iżgħar fis-​saltna tas-​smewwiet hu akbar minnu.”—Mattew 11:11.

Se Tirċivih Int il-​Premju li Jingħata lin-​Nies Tajbin?

Individwu x’għandu jagħmel sabiex jirċievi l-​premju taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art? Ġesù qal: “Alla tant ħabb lid-​dinja li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-​fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:16) Innota li l-​imħabba li Alla għandu għad-​dinja twasslu biex jagħmel il-​ħajja taʼ dejjem disponibbli għal kulħadd, iżda fil-​fatt dawk biss li ‘jeżerċitaw il-​fidi’ jirċivuh dan il-​premju.

Jeħtieġ li l-​fidi tkun ibbażata fuq l-​għarfien eżatt. (Ġwanni 17:3) Tistaʼ turi li int tajjeb billi titgħallem iktar dwar l-​iskop li Alla għandu għall-​bnedmin. Ħalli l-​fidi f’dak li titgħallem tqanqlek biex taġixxi. U ibqaʼ ċert li l-​opportunità taʼ ħajja bla tmiem hi tassew miftuħa għalik.

[Kaxxa f’paġna 7]

Il-​Bibbja X’Tgħid?

Mistoqsija:

X’jiġrilhom in-​nies tajbin meta jmutu?

Tweġiba:

“Il-​mejtin ma jafu assolutament xejn.”EKKLEŻJASTI 9:5.

Mistoqsija:

In-​nies tajbin x’tama għandhom għall-​futur?

Tweġiba:

“Ġejja s-​siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-​oqbra tat-​tifkira jisimgħu [leħen Ġesù] u joħorġu.”ĠWANNI 5:28, 29.

Mistoqsija:

Il-​biċċa l-​kbira min-​nies tajbin fejn se jgħixu?

Tweġiba:

“Il-​ġusti se jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.”SALM 37:29.