Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont Taf?

Kont Taf?

Kont Taf?

X’kien iċ-​ċensiment li wassal biex Ġesù jitwieled Betlehem?

Skont l-​Evanġelju taʼ Luqa, meta Ċesari Awgustu ordna ċensiment madwar l-​Imperu Ruman, “in-​nies kollha vvjaġġaw, kulħadd lejn beltu, biex jiġu reġistrati.” (Luqa 2:1-​3) Il-​belt taʼ Ġużeppi, il-​missier adottiv taʼ Ġesù, kienet Betlehem, u l-​vjaġġ li ħadu Ġużeppi u Marija biex jobdu l-​ordni wassal biex Ġesù jitwieled Betlehem. Reġistrazzjonijiet bħal dawn servew biex jagħmluha faċli għall-​ġbir tat-​taxxa u biex jinqabdu bil-​lieva għas-​servizz militari.

Meta r-​Rumani għelbu lill-​Eġittu fis-​sena 30 Q.E.K., iċ-​ċensiment kien diġà ilu jintuża għal ħafna snin fl-​Eġittu. Xi studjużi jemmnu li r-​Rumani adottaw is-​sistema taċ-​ċensiment tal-​Eġizzjani u applikaw proċeduri simili għall-​kumplament tal-​imperu tagħhom.

Evidenza għal reġistrazzjoni bħal din hi provduta minn digriet tal-​gvernatur Ruman tal-​Eġittu fis-​sena 104 E.K. Kopja taʼ dan id-​digriet, li issa hi miżmuma fil-​Librerija Britannika, tgħid: “Gaju Vibju Massimu, Prefett tal-​Eġittu (jgħid): Peress li wasal iż-​żmien għaċ-​ċensiment minn dar għal dar huwa neċessarju li nobbligaw lil dawk kollha li għal kwalunkwe raġuni qed jgħixu barra d-​distretti tagħhom biex jirritornaw lejn djarhom stess, kemm biex iwettqu l-​ordni regulari taċ-​ċensiment kif ukoll biex jieħdu ħsieb bir-​reqqa l-​ikkultivar tal-​artijiet tagħhom.”

Ġużeppi għala kkunsidra li jagħti ċertifikat tad-​divorzju lil Marija meta kienu biss għarajjes?

Skont l-​Evanġelju taʼ Mattew, Ġużeppi sar jaf li Marija kienet tqila waqt li hi ‘kienet imwiegħda fiż-​żwieġ lilu,’ imma qabel ma żżewġu. Peress li ma kienx jaf li Marija kienet tqila “mill-​ispirtu qaddis,” Ġużeppi żgur li ħaseb li hi ma kinitx leali lejh, u b’hekk kellu l-​intenzjoni li jiddivorzjaha.—Mattew 1:18-​20.

Fost il-​Lhud, koppji għarajjes kienu meqjusin bħala li kienu diġà miżżewġin. Madankollu, it-​tnejn ma kinux jibdew jgħixu flimkien bħala raġel u mara miżżewġin sakemm il-​formalitajiet tat-​tieġ kienu jitlestew. L-​għerusija tant kienet rabta li jekk—minħabba li l-​għarus ibiddel il-​ħsieb tiegħu jew għal xi raġuni konvinċenti oħra—ma kienx isir iż-​żwieġ, il-​mara żagħżugħa ma kinitx ħielsa li tiżżewweġ sakemm tikseb ċertifikat tad-​divorzju. Jekk l-​għarus kien imut qabel it-​tieġ, l-​għarusa kienet kunsidrata bħala armla. Min-​naħa l-​oħra, jekk ikkommettiet iż-​żína matul l-​għerusija tagħha, kienet tiġi kunsidrata bħala adultera u tiġi sentenzjata għall-​mewt.—Dewteronomju 22:23, 24.

Evidentement, Ġużeppi kkunsidra l-​konsegwenzi li kienu jiġu fuq Marija jekk javveliha quddiem in-​nies. Għalkemm ħassu obbligat li jieħu l-​kwistjoni quddiem l-​awtoritajiet xierqa, hu ried jipproteġiha u jevita skandlu. B’hekk, hu ddeċieda li jiddivorzjaha bil-​kwiet. Il-​fatt li omm waħedha kien ikollha ċertifikat tad-​divorzju kien juri, wara kollox, li hi diġà kienet iżżewġet.

[Stampa f’paġna 32]

Digriet taċ-​ċensiment mill-​gvernatur Ruman tal-​Eġittu, 104 E.K.

[Sors f’paġna 32]

© The British Library Board, all rights reserved (P.904)