X’Inhi l-Verità Dwar is-Sema?
X’Inhi l-Verità Dwar is-Sema?
KEMM jinstemaʼ sabiħ il-prospett li wieħed imur fis-sema! Il-Musulmani, il-Ħindu, il-Buddisti, il-membri tal-knisja tal-Kristjaneżmu, u saħansitra ħafna nies li mhumiex interessati fir-reliġjon, ilkoll iħaddnu forom differenti taʼ twemmin dwar it-tama taʼ ħajja wara l-mewt. Ġeneralment, wieħed jimmaġina li s-sema hu post taʼ ġmiel u pjaċir fejn in-nies isibu serħan mit-tbatija, u fejn jerġgħu jingħaqdu mal-“għeżież tagħhom li mietu.” Madankollu, xorta waħda ħafna mill-bnedmin jemmnu f’dan il-qawl antik: Kulħadd jixtieq imur fis-sema, iżda ħadd ma jrid imut biex imur hemm. Għala?
Kieku ġejna maħluqin biex immutu u mmorru fis-sema, kieku iktar nies kienu jħarsu ’l quddiem lejn dan il-prospett, bħalma tifel iħares ’il quddiem biex jikber, jew bħalma żagħżugħ iħares ’il quddiem biex isib is-sieħba ideali. Iżda ħafna min-nies ma jridux imutu.
Madankollu, xi predikaturi jistqarru li wara l-ħajja qasira tagħna fuq l-art, is-sema hu l-post fejn suppost ngħixu. Pereżempju, Theodore Edgar Cardinal McCarrick, l-arċisqof emeritus taʼ Washington, D.C., ġie kwotat li qal: “Aħna ma ġejniex maħluqin biex ngħixu din il-ħajja. Aħna maħluqin għas-sema.” B’mod simili, eks president tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Evanġelisti fl-Istati Uniti, ġie kwotat li qal: “L-iskop tal-ħajja hu li nigglorifikaw lil Alla u mmorru fis-sema . . . għax postna hu fis-sema.”
Dawk li jemmnu li wara l-mewt imorru fis-sema spiss jibbażaw il-fidi tagħhom fuq informazzjoni fjakka. George Barna, president taʼ kumpanija li tagħmel riċerki fuq l-opinjonijiet reliġjużi, sab li ħafna nies jadottaw “opinjonijiet dwar il-ħajja u dwar il-ħajja wara l-mewt ibbażati fuq ideat li ġejjin minn diversi sorsi, bħal pereżempju l-films, il-mużika, u n-novelli.” Mexxej Episkopaljan fi Florida ġie kwotat li qal: “Ma nafu xejn dwar is-sema ħlief li s-sema hu fejn jinsab Alla.”
Madankollu, is-sema huwa suġġett diskuss fil-Bibbja. Il-Kelma t’Alla kif tiddeskrivih is-sema? Kien il-bniedem maħluq biex jgħix fis-sema? Jekk inhu minnu li n-nies imorru fis-sema, x’joqogħdu jagħmlu hemmhekk?
[Kumment f’paġna 3]
Għala ħafna nies jixtiequ jmorru fis-sema, iżda ftit nies jixtiequ jmutu biex imorru hemm?