L-1 Sigriet
Ħobb lin-Nies, Mhux il-Flus u l-Ġid Materjali
IL-BIBBJA X’TGĦALLEM? “L-imħabba għall-flus hi l-għerq taʼ kull tip taʼ ħsara.”—1 Timotju 6:10.
X’INHI L-ISFIDA? Dawk li jirreklamaw jagħmlulna pressjoni biex ma nkunux kuntenti b’dak li għandna. Huma jriduna nitjassru biex nakkwistaw il-flus ħalli nkunu nistgħu nonfquhom f’oġġetti aħjar, akbar, u iktar ġodda. Il-flus huma sbieħ u nistgħu faċilment insiru nħobbuhom. Madankollu, il-Bibbja twissi li min iħobb ir-rikkezzi qatt ma jkun kuntent. “Min iħobb il-fidda ma jixbax bil-fidda, u lanqas min iħobb l-għana ma jixbaʼ bid-dħul,” kiteb is-Sultan Salamun.—Ekkleżjasti 5:10.
X’TISTAʼ TAGĦMEL? Imita lil Ġesù, u tgħallem ħobb lin-nies iktar milli l-affarijiet materjali. Ġesù kien lest li jċedi kulma kellu—saħansitra ħajtu—għax kellu l-imħabba għan-nies. (Ġwanni 15:13) Hu qal: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (Atti 20:35) Jekk niħduha drawwa li nagħtu mill-ħin u mir-riżorsi tagħna lil oħrajn, in-nies se jirreaġixxu bl-istess mod. Ġesù qal: “Idraw agħtu, u n-nies jagħtukom.” (Luqa 6:38) Dawk li jkunu moħħhom fil-flus u fil-ġid materjali jikkaġunaw ħafna wġigħ u tbatija lilhom infushom. (1 Timotju 6:9, 10) Mill-banda l-oħra, il-kuntentizza vera tiġi meta wieħed iħobb u jkun maħbub.
Għala ma tipprovax tara jekk tistax tissimplifika ħajtek? Tistaʼ tnaqqas l-ammont t’affarijiet li diġà għandek jew li qed taħseb biex tixtri? Jekk tagħmel dan, se tirrealizza li għandek iżjed ħin u enerġija għall-affarijiet iktar importanti fil-ħajja—li tgħin lin-nies u taqdi lil Alla, li tak kulma għandek.—Mattew 6:24; Atti 17:28.
[Stampa f’paġna 4]
“Idraw agħtu, u n-nies jagħtukom”