Il-Qarrejja Tagħna Jistaqsu . . .
Għandi Ningħaqad maʼ Xi Grupp Reliġjuż?
▪ Iżżomm lura int milli tingħaqad maʼ xi grupp reliġjuż għax tħossok diżgustat minħabba l-ipokrisija u l-firda li hemm fost dawk li jmorru l-knisja u saħansitra fost il-membri tal-kleru? Jekk inhu hekk, qawl Franċiż għandu mnejn jesprimi l-mod kif tħossok, “Min ikun qrib tal-knisja spiss ikun ’il bogħod minn Alla.”
Forsi int għandek rispett għall-Bibbja u tħoss li l-gvernijiet u l-individwi għandhom jirrispettaw id-dritt li xi ħadd jagħmel parti minn grupp reliġjuż. Imma forsi tgħid bejnek u bejn ruħek, ‘Alla veru jgħid li dawk li jridu jqimuh b’mod aċċettabbli għandhom ikunu parti minn reliġjon organizzata?’
It-tweġiba hi iva. Għala nistgħu nkunu tant ċerti? U l-organizzazzjonijiet reliġjużi kollha huma aċċettabbli?
Ikkunsidra l-eżempju taʼ Ġesù. Kien hu jagħmel parti minn reliġjon organizzata? Meta kien għadu żgħir, Ġesù ngħaqad mal-familja Lhudija tiegħu u maʼ xi oħrajn li kellhom id-drawwa li jmorru fit-tempju f’Ġerusalemm biex jieħdu sehem fil-qima organizzata. (Luqa 2:41-43) Bħala raġel adult, Ġesù ngħaqad maʼ Lhud oħrajn biex iqim lil Alla fis-sinagoga taʼ pajjiżu. (Luqa 4:14-16) Meta kien qed ikellem lil waħda mara li kellha reliġjon differenti, Ġesù qal: “Aħna nqimu dak li nafu.” (Ġwanni 4:22) Hawnhekk, Ġesù wera ċar li hu kien jagħmel parti mir-reliġjon Lhudija.
Iktar tard, Ġesù qal li peress li l-Lhud bħala ġens kienu ċaħduh, Alla kien se jiċħad il-qima falza tagħhom. (Mattew 23:33–24:2) Madankollu, hu indika li dawk li jridu jqimu lil Alla b’mod aċċettabbli għandhom ikunu parti minn grupp organizzat. Hu qal lis-segwaċi tiegħu: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwanni 13:35) Kif setaʼ dixxiplu taʼ Kristu juri mħabba lejn sħabu jekk maʼ jassoċjax magħhom? Fil-fatt, Ġesù stqarr ċar u tond li hemm biss żewġ toroq reliġjużi. Waħda minnhom iddeskrivieha bħala triq “wiesgħa u spazjuża” li tieħu “għall-qerda.” B’kuntrast, hu qal: “Dejjaq hu l-bieb u mħarbta hi t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma dawk li jsibuha.”—Mattew 7:13, 14.
Ovvjament, mela, mhux kull triq, jew reliġjon, hi tajba. Il-Bibbja twissina biex ma ningħaqdux maʼ dawk li “jkollhom għamla taʼ devozzjoni lejn Alla imma ma jurux bil-fatti l-qawwa tagħha.” Il-Kelma t’Alla tkompli tgħid, “nies bħal dawn aħrabhom.” (2 Timotju 3:5) Mill-banda l-oħra, aħna nibbenefikaw ferm jekk nidentifikaw ruħna u nassoċjaw maʼ dawk li qegħdin fit-triq li tieħu għall-ħajja. Aħna niksbu inkuraġġiment u appoġġ issa, u tama sabiħa għall-futur.—Ebrej 10:24, 25.
Kif tistaʼ tiddetermina liema grupp reliġjuż jinsab f’dik it-triq id-dejqa? Għala ma tikkunsidrax it-tweġibiet ibbażati fuq il-Bibbja li huma mniżżlin f’kapitlu 15 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? a Dan il-materjal se jgħinek tagħmel għażla bbażata fuq dak li tgħid il-Bibbja dwar maʼ liema organizzazzjoni reliġjuża għandek tingħaqad.
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.