Irreżisti t-Tentazzjoni li Tqabbel Lilek Innifsek m’Oħrajn
It-2 Sigriet
IL-BIBBJA X’TGĦALLEM? “Kull wieħed ħa jagħti prova taʼ x’inhu għemilu, u mbagħad ikollu għalxiex jifraħ b’dak li jagħmel hu stess, u ma jqabbilx ruħu maʼ ħaddieħor.”—Galatin 6:4.
X’INHI L-ISFIDA? Għandu mnejn ikollna t-tendenza li nqabblu lilna nfusna m’oħrajn—kultant maʼ dawk li jkollhom inqas affarijiet minna, imma ħafna drabi maʼ dawk li jkunu b’saħħithom, għonja, jew intelliġenti iktar minna. Hi x’inhi r-raġuni, l-effett huwa wieħed negattiv. Aħna niżbaljaw meta nassumu li l-valur taʼ individwu jitkejjel minn dak li jippossiedi jew minn dak li jkun kapaċi jagħmel. Għandu mnejn ukoll inqanqlu sentimenti taʼ għira u spirtu taʼ kompetizzjoni.—Ekkleżjasti 4:4.
X’TISTAʼ TAGĦMEL? Ipprova ħares lejk innifsek bħalma jħares lejk Alla. Ħalli l-ħarsa tiegħu teffettwalek il-mod kif tqis lilek innifsek. “Il-bniedem jara dak li jidher f’għajnejh; imma Ġeħova a jara l-qalb.” (1 Samwel 16:7) Ġeħova jkejjel il-valur tiegħek billi jaqralek qalbek u jeżaminalek il-ħsibijiet, is-sentimenti, u l-intenzjonijiet tiegħek, u mhux billi jqabblek maʼ xi bniedem ieħor. (Ebrej 4:12, 13) Ġeħova jaf li għandek il-limitazzjonijiet u jridek tipprova tgħix fi qbil maʼ dawn il-limitazzjonijiet. Jekk tkejjel il-valur tiegħek stess billi tqabbel lilek innifsek m’oħrajn, tispiċċa jew imkabbar jew dejjem imdejjaq. Għalhekk, kun modest u aċċetta l-fatt li ma tistax tmur tajjeb f’kull ħaġa li tagħmel.—Proverbji 11:2.
Xi trid tagħmel eżattament biex tkun taʼ valur f’għajnejn Alla? Hu nebbaħ lill-profeta Mikea biex jikteb: “Hu qallek, O bniedem, x’inhu tajjeb. U x’qed jitlob minnek Ġeħova ħlief li tkun ġust u li tħobb il-qalb tajba u li tkun modest fil-mixi tiegħek m’Alla?” (Mikea 6:8) Jekk timxi fuq dan il-parir, Alla se jieħu ħsiebek. (1 Pietru 5:6, 7) Din hi l-aqwa raġuni biex inkunu kuntenti!
[Nota taʼ taħt]
a L-isem t’Alla kif jinsab fil-Bibbja.
[Stampa f’paġna 5]
Ġeħova jkejjel il-valur tagħna permezz taʼ dak li hemm f’qalbna