Kun Għaqli fl-Għażla tal-Ħbieb Tiegħek
Ir-4 Sigriet
IL-BIBBJA X’TGĦALLEM? “Min qed jimxi maʼ l-għorrief se jsir għaref.”—Proverbji 13:20.
X’INHI L-ISFIDA? Il-ħbieb tagħna jew iżidulna l-kuntentizza jew inaqqsuhielna. L-attitudnijiet u l-konversazzjonijiet tagħhom għandhom it-tendenza li jeffettwaw il-ħarsa tagħna lejn il-ħajja.—1 Korintin 15:33.
Ikkunsidra pereżempju, ir-rakkont Bibliku tat-12-il raġel li ġew lura minn spedizzjoni f’Kangħan. Il-maġġuranza tagħhom “baqgħu jwasslulhom rapport ħażin lil ulied Israel dwar l-art li kienu tkixxfu.” Minkejja dan, tnejn mill-irġiel tkellmu b’mod pożittiv dwar Kangħan, u sejħulha “art tajba ħafna u ħafna.” Iżda l-attitudni negattiva tal-għaxar spiji nfirxet fost in-nies. “Il-ġemgħa kollha għolliet leħinha” jgħid ir-rakkont, “u l-ulied kollha taʼ Israel bdew igergru.”—Numri 13:30–14:9.
L-istess illum, ħafna nies “igergru, jilmentaw dwar xortihom.” (Ġuda 16) Huwa diffiċli li nibqgħu kuntenti fil-kumpanija taʼ ħbieb li qatt mhuma sodisfatti.
X’TISTAʼ TAGĦMEL? Analizza l-konversazzjonijiet li jkollok maʼ ħbiebek. Ħbiebek spiss jiftaħru dwar l-affarijiet li għandhom, jew il-ħin kollu jgergru dwar dak li m’għandhomx? U x’tip taʼ ħabib int għalihom? Tipprova int iġġiegħel lil ħbiebek jgħiru għalik, jew tinkuraġġihom biex ikunu kuntenti b’dak li għandhom?
Ikkunsidra l-eżempju li ħalla David, li kellu jsir sultan, u l-eżempju taʼ Ġonatan, bin is-Sultan Sawl. David kien qed jgħix bħala maħrub fix-xagħri. Is-Sultan Sawl ħassu mhedded minn David u ried joqtlu. Għalkemm Ġonatan suppost kellu jkun is-suċċessur tas-sultan, hu kien sar wieħed mill-ħbieb tal-qalb taʼ David. Ġonatan irrikonoxxa li Alla kien ħatar lil David biex ikun suċċessur tas-sultan u kien kuntent li jappoġġa lil sieħbu.—1 Samwel 19:1, 2; 20:30-33; 23:14-18.
Int għandek bżonn ħbieb bħal dawn, ħbieb li jistinkaw biex ikunu kuntenti u li minn qalbhom jimpurtahom minnek. (Proverbji 17:17) M’għandniex xi ngħidu, sabiex tiġbed lil ħbieb taʼ din ix-xorta jeħtieġ turi dawn il-kwalitajiet int stess.—Filippin 2:3, 4.
[Stampa f’paġna 7]
Il-ħbieb tiegħek iżidulek jew inaqqsulek il-kuntentizza?