Għallem Lil Uliedek
Saltna li Se Tbiddel l-Art Kollha
TISTAʼ taqtaʼ għal liema Saltna qed nirreferu?— a Hija dik is-Saltna li Ġesù għallimna nitolbu għaliha. Hu għallimna biex nitolbu lil Alla: “Ħa tiġi saltnatek.” (Mattew 6:9, 10) Is-segwaċi taʼ Ġesù ilhom kważi 2,000 sena jitolbu lil Alla biex tiġi Saltnatu. Int ġieli tlabt għaliha?—
Biex tifhem x’inhi saltna, jeħtieġ tkun taf x’inhu sultan. Sultan hu xi ħadd li jaħkem. L-art li jaħkem fuqha tissejjaħ id-dominju tiegħu. Id-dominju tas-Saltna t’Alla jinkludi l-art kollha. Meta tiġi s-Saltna t’Alla, kull min jgħix fuq l-art maż-żmien se jgawdi l-barkiet li l-ħakma tiegħu se ġġib fuq il-bnedmin.
Is-Saltna t’Alla hi gvern fis-sema. F’Isaija 9:6, il-Bibbja titkellem dwar il-Ħakkiem taʼ dan il-gvern. Innota x’tgħid dwaru: “Twildilna tifel, . . . u l-ħakma taʼ prinċep se tkun fuq spalltu. U ismu jissejjaħ . . . Prinċep tal-Paċi.”
Taf x’inhu prinċep?— Iva, hu l-iben taʼ sultan. Min hu s-Sultan suprem fis-sema?— Sewwa wiġibt jekk għedt Ġeħova. Il-Bibbja ssejjaħlu “l-Iktar Għoli fuq l-art kollha.” (Salm 83:18) Fil-Bibbja, Ġesù ħafna drabi jissejjaħ “l-Iben t’Alla.” Raġuni waħda hi li Ġeħova tah il-ħajja lil Ġesù. Ġeħova hu l-Missier proprju taʼ Ġesù.—Luqa 1:34, 35; Ġwanni 1:34, 49; 3:17; 11:27; 20:31; Atti 9:20.
Is-Saltna t’Alla li Ġesù għallimna biex nitolbu għaliha hi gvern verament speċjali. Dan il-gvern hu “ħakma taʼ prinċep” minħabba li Ġeħova għamel lil Ibnu Ġesù, il-Ħakkiem, jew Sultan, tas-Saltna. Imma kont taf li hemm oħrajn li se jiġu magħżulin biex jaħkmu bħala slaten maʼ Ġesù fis-Saltna taʼ Missieru?— Ejja nitkellmu dwarhom.
Eżatt qabel miet, Ġesù qal lill-appostli leali tiegħu li hu kien se jmur “f’dar” Missieru fis-sema. Hu qal: “Sejjer inħejji post għalikom, biex fejn inkun jien tkunu intom ukoll.” (Ġwanni 14:1-3) Taf x’se jkunu qed jagħmlu fis-sema maʼ Ġesù dawn l-appostli u l-oħrajn magħżulin?— Huma se “jsaltnu miegħu.” Il-Bibbja tgħidilna wkoll kemm se jkun in-numru taʼ dawk li se jaħkmu bħala slaten maʼ Ġesù. Se jkun hemm 144,000.—Rivelazzjoni 14:1, 3; 20:6.
Kif taħseb li se tkun l-art meta l-Prinċep tal-Paċi u l-144,000 magħżulin tiegħu jibdew jaħkmu?— Se tkun tassew sabiħa! Mhux se jkun hemm gwerer. L-annimali se jgħixu fil-paċi bejniethom u magħna l-bnedmin. Ħadd mhu se jimrad jew imut. Għajnejn l-għomja se jaraw, widnejn it-torox se jisimgħu, u z-zopp se jiġri u jaqbeż bħaċ-ċerv. L-art se tipproduċi ikel sustanzjuż għal kulħadd. U n-nies kollha se jkunu jħobbu lil xulxin bħalma Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu. (Ġwanni 13:34, 35) Ejja naraw dawn il-versi mniżżlin hawn taħt mill-ktieb taʼ Isaija u naqraw dwar l-affarijiet meraviljużi li se jseħħu.—Isaija 2:4; 11:6-11; 25:8; 33:24; 35:5, 6; 65:21-24.
Mindu Ġesù għallem lin-nies jitolbu “ħa tiġi saltnatek,” miljuni taʼ nies tgħallmu dwar din is-Saltna. Dan l-għarfien biddlilhom ħajjithom. Dalwaqt, meta tiġi din is-Saltna u tieħu post il-gvernijiet kollha fuq l-art, kull min jaqdi lil Alla Ġeħova u lill-Ħakkiem magħżul tagħha, Ġesù Kristu, se jgawdi paċi, saħħa, u ferħ.—Ġwanni 17:3.
[Nota taʼ taħt]
a Jekk qed taqra mat-tfal, is-sinjal qiegħed hemm biex ifakkrek li għandek tieqaf u tinkuraġġixxi lit-tfal jesprimu ruħhom.
MISTOQSIJIET:
▪ Is-Saltna t’Alla għala tissejjaħ ukoll “ħakma taʼ prinċep”?
▪ Min se jaħkem maʼ Ġesù fis-Saltna taʼ Missieru?
▪ Taħt il-ħakma taʼ Ġesù bħala prinċep, il-ħajja fuq l-art kif se tkun?