Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala l-Għeden Għandu Jinteressak

Għala l-Għeden Għandu Jinteressak

WAĦDA mill-​iktar oġġezzjonijiet sorprendenti li jqajmu xi studjużi rigward ir-​rakkont tal-​Għeden hi li dan ir-​rakkont mhuwiex appoġġat mill-​kumplament tal-​Bibbja. Pereżempju, Paul Morris, Professur tal-​Istudji Reliġjużi, kiteb: “Iktar ’il quddiem fil-​Bibbja m’hemm ebda referenza diretta għall-​istorja tal-​Għeden.” Għalkemm l-​hekk imsejħin esperti jaqblu miegħu, din l-​istqarrija tmur direttament kontra l-​fatti.

Fil-​fatt, fil-​Bibbja nsibu bosta referenzi għall-​ġnien tal-​Għeden, Adam, Eva, u s-​serp. a Iżda l-​iżball taʼ għadd żgħir taʼ studjużi hu insinifikanti meta mqabbel maʼ żball li hu ħafna akbar u iktar komuni. Meta jesprimu nuqqas taʼ fiduċja fir-​rakkont tal-​Ġenesi dwar il-​ġnien tal-​Għeden, il-​mexxejja reliġjużi u l-​kritiċi tal-​Bibbja jkunu fir-​realtà qed jagħmlu attakk dirett fuq il-​Bibbja. Kif?

Huwa essenzjali li nifhmu dak li ġara fl-​Għeden sabiex nifhmu l-​kumplament tal-​Bibbja. Pereżempju, il-​Kelma t’Alla hi magħmula b’mod li tgħinna nsibu t-​tweġibiet għall-​iktar mistoqsijiet profondi u importanti li jiffaċċjaw il-​bnedmin. Għal darba wara l-​oħra, it-​tweġibiet tal-​Bibbja għal dawn il-​mistoqsijiet huma relatati maʼ ġrajjiet li seħħew fil-​ġnien tal-​Għeden. Ikkunsidra xi eżempji.

Għala nixjieħu u mmutu? Kieku Adam u Eva baqgħu sottomessi lejn Ġeħova kienu se jgħixu għal dejjem. Kien biss jekk jirribellaw li kienu se jmutu. Dakinhar li rribellaw bdew resqin lejn il-​mewt. (Ġenesi 2:16, 17; 3:19) Huma tilfu l-​perfezzjoni, u lil nisilhom setgħu jgħaddulhom biss id-​dnub u l-​imperfezzjoni. B’hekk il-​Bibbja tispjega: “Huwa għalhekk li bħalma permezz taʼ bniedem wieħed id-​dnub daħal fid-​dinja, u permezz tad-​dnub il-​mewt, u b’hekk il-​mewt infirxet fuq il-​bnedmin kollha għax kollha dinbu.”—Rumani 5:12.

Alla għala jippermetti l-​ħażen? Fil-​ġnien tal-​Għeden, Satana sejjaħ lil Alla giddieb li jżomm lura l-​ġid mill-​ħlejjaq tiegħu. (Ġenesi 3:3-​5) Hu b’hekk qajjem dubju dwar jekk Ġeħova għandux id-​dritt li jaħkem. Adam u Eva għażlu li jimxu wara Satana. B’hekk, huma wkoll ċaħdu s-​sovranità taʼ Ġeħova u bħallikieku stqarrew li l-​bniedem jistaʼ jiddeċiedi għalih innifsu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Peress li hu ġust u għaref b’mod perfett, Ġeħova kien jaf li kien hemm mod wieħed biss kif din l-​isfida setgħet titwieġeb b’mod xieraq. Hu kellu jħalli ż-​żmien jgħaddi u b’hekk jagħti lill-​bnedmin l-​opportunità li jaħkmu fuqhom infushom kif iridu huma. Il-​ħażen li rriżulta, li parti mit-​tort huwa tal-​influwenza kontinwa taʼ Satana, irrivela bil-​mod il-​mod verità importanti: Il-​bniedem mhuwiex kapaċi jaħkem fuqu nnifsu mingħajr Alla.—Ġeremija 10:23.

X’inhu l-​iskop t’Alla għall-​art? Fil-​ġnien tal-​Għeden, Ġeħova poġġa livell taʼ sbuħija għall-​art. Hu inkariga lil Adam u Eva biex jimlew l-​art b’nisilhom u ‘jrażżnuha’ sabiex joħolqu l-​istess livell taʼ sbuħija u armonija mal-​pjaneta kollha. (Ġenesi 1:28) Għalhekk, l-​iskop t’Alla għall-​art hu li tkun ġenna abitata minn familja perfetta u magħquda, magħmula min-​nisel taʼ Adam u Eva. Ħafna mill-​kontenut tal-​Bibbja hu dwar il-​mezz li Alla uża biex iwettaq dan l-​iskop oriġinali.

Ġesù Kristu għala ġie fuq l-​art? Ir-​ribelljoni fil-​ġnien tal-​Għeden eventwalment ġabet il-​mewt fuq Adam u Eva u fuq in-​nisel kollu tagħhom, iżda bi mħabba Alla pprovda tama. Hu bagħat lil Ibnu fuq l-​art biex jipprovdi dik li l-​Bibbja ssejħilha fidwa. (Mattew 20:28) Dan xi jfisser? Ġesù kien “l-​aħħar Adam”; hu rnexxa fejn Adam kien falla. Bħala bniedem, Ġesù żamm ħajtu perfetta billi baqaʼ ubbidjenti lejn Ġeħova. Imbagħad, hu minn jeddu ta ħajtu bħala sagrifiċċju, jew fidwa, u b’hekk ipprovda l-​mezz li bih in-​nies leali kollha jingħataw maħfra għad-​dnubiet tagħhom u eventwalment jiksbu t-​tip taʼ ħajja li gawdew Adam u Eva fl-​Għeden qabel ma dinbu. (1 Korintin 15:22, 45; Ġwanni 3:16) B’hekk, Ġesù ta garanzija li se jseħħ l-​iskop taʼ Ġeħova li jbiddel din l-​art f’ġenna, bħal dik tal-​Għeden. b

L-​iskop t’Alla mhuwiex imċajpar, u lanqas mhu xi konċett teoloġiku astratt. Huwa reali. Sewwasew bħalma l-​ġnien tal-​Għeden kien post reali fuq din l-​art, b’annimali u b’nies taʼ veru, hekk ukoll il-​wegħda t’Alla għall-​futur hija ċertezza, realtà li dalwaqt se sseħħ. Se tkun din il-​wegħda l-​futur tiegħek, ir-​realtà tiegħek? Ħafna minn dan jiddependi minnek. Alla jrid li dan il-​futur igawduh kemm jistaʼ jkun nies, anki dawk li fil-​ħajja qabdu triq ħażina.—1 Timotju 2:3, 4.

Meta Ġesù kien qed imut, tkellem maʼ raġel li kien se jinqatel. Ir-​raġel kien kriminal u kien jaf li kien jistħoqqlu jiġi maqtul. Iżda hu dar lejn Ġesù għal faraġ u tama. X’kienet it-​tweġiba taʼ Ġesù? “Int tkun fil-​Ġenna miegħi.” (Luqa 23:43) Jekk Ġesù jixtieq jara hemm lil dak li qabel kien kriminal—irxoxtat u mbierek b’opportunità li jgħix għal dejjem f’ġenna tal-​art, bħal dik tal-​Għeden—ma taħsibx li jixtieq l-​istess barka għalik? Iva jixtieq! Anki Missieru jixtieq! Jekk int tixtieq li jkollok dan il-​futur, agħmel dak kollu li tistaʼ biex titgħallem dwar l-​Alla li għamel il-​ġnien tal-​Għeden.

[Noti taʼ taħt]

b Sabiex issir taf iktar dwar is-​sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa, ara kapitlu 5 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 10]

PROFEZIJA LI TGĦAQQAD IL-​KOTBA TAL-​BIBBJA FLIMKIEN

“Inqanqal għadwa bejnek [is-​serp] u bejn il-​mara u bejn nislek u nisilha. Hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.”—Ġenesi 3:15.

Din hi l-​ewwel profezija Biblika li lissen Alla fl-​Għeden. Min huma l-​erbaʼ karattri: il-​mara, nisilha, is-​serp, u nislu? B’liema mod hemm “għadwa” bejn il-​karattri?

IS-​SERP

Satana x-​Xitan.—Rivelazzjoni 12:9.

IL-​MARA

L-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova magħmula minn ħlejjaq fis-​sema. (Galatin 4:26, 27) Isaija tkellem dwar “il-​mara” u bassar li fil-​futur kellha tiled ġens spiritwali.—Isaija 54:1; 66:8.

IN-​NISEL TAS-​SERP

Dawk li jagħżlu li jagħmlu r-​rieda taʼ Satana.—Ġwanni 8:44.

IN-​NISEL TAL-​MARA

Primarjament huwa Ġesù Kristu, il-​wieħed li ħareġ mill-​parti tas-​sema tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Inkluż ukoll man-​“nisel” hemm l-​aħwa spiritwali taʼ Kristu li jaħkmu fis-​sema miegħu. Dawn il-​Kristjani midlukin jifformaw ġens spiritwali, “l-​Israel t’Alla.”—Galatin 3:16, 29; 6:16; Ġenesi 22:18.

IL-​ĠERĦA FL-​GĦARQUB

Daqqa agonizzanti lill-​Messija iżda l-​effetti tagħha ma kinux permanenti. Satana rnexxielu jwassal lil Ġesù għall-​mewt meta kien fuq l-​art. Ġesù ġie rxoxtat.

IL-​ĠERĦA FIR-​RAS

Daqqa mortali lil Satana. Ġesù se jeqred lil Satana għal dejjem. Saħansitra qabel dan, Ġesù se jreġġa lura l-​ħażen li Satana beda fl-​Għeden.—1 Ġwanni 3:8; Rivelazzjoni 20:10.

Għal ħarsa fuq fuq lejn it-​tema prinċipali tal-​Bibbja, ara l-​browxer Il-​Bibbja—X’Inhu l-​Messaġġ Tagħha? pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Stampa f’paġna 11]

Adam u Eva batew ir-​riżultati diżastrużi tad-​dnub