Ersaq Qrib Lejn Alla
“Ipprova Jtaffi l-Korla taʼ Ġeħova”
“ĦASSEJTNI ma niswa għal xejn,” qal raġel li trabba skont il-livelli t’Alla imma li għal xi żmien ma baqax jgħix fi qbil maʼ dawn il-livelli. Meta beda jieħu passi biex ibiddel ħajtu, hu beżaʼ mill-fatt li Alla għandu mnejn qatt ma jaħfirlu. Iżda dan il-midneb niedem sab faraġ fir-rakkont Bibliku dwar Manasse. Dan ir-rakkont insibuh fit-2 Kronaki 33:1-17. Jekk ġieli ħassejtek li ma tiswa għal xejn minħabba xi dnubiet li għamilt fil-passat, int ukoll għandek mnejn issib faraġ jekk tikkunsidra l-eżempju taʼ Manasse.
Manasse trabba f’familja li tqim lil Alla. Missieru, Ħeżekija, kien wieħed mill-iktar slaten taʼ Ġuda li spikkaw. Manasse twieled xi tliet snin wara li Alla, b’mod mirakoluż, tawwal il-ħajja taʼ missieru. (2 Slaten 20:1-11) Bla dubju, Ħeżekija kien iqis lil dan l-iben bħala rigal grazzi għall-ħniena t’Alla u pprova jnaqqax fih imħabba għall-qima pura. Iżda t-tfal taʼ ġenituri li jqimu lil Alla mhux dejjem isegwu l-passi tal-ġenituri tagħhom. Dan kien minnu fil-każ taʼ Manasse.
Manasse ma kellux iktar minn 12-il sena meta tilef lil missieru fil-mewt. B’sogħba, Manasse “għamel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova.” (Versi 1, 2) Kien is-sultan żagħżugħ influwenzat minn dawk li jagħtu l-pariri u li ma kellhom l-ebda rispett lejn il-qima vera? Il-Bibbja ma tgħidx. Li tgħidilna hu li Manasse dar għall-idolatrija u l-krudeltà grassa. Hu bena artali lil allat foloz, offra lil uliedu stess bħala sagrifiċċju, ipprattika l-ispiritiżmu, u għamel xbieha minquxa fit-tempju taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm. Manasse, li kellu rasu iebsa, irrifjuta li jagħti widen għat-twissijiet li ngħata għal darba wara l-oħra minn Ġeħova, l-Alla li permezz taʼ miraklu għamel possibbli t-twelid tiegħu.—Versi 3-10.
Fl-aħħar, Ġeħova ppermetta li Manasse jittieħed marbut fil-qjud lejn Babilonja. Waqt li kien fl-eżilju hemmhekk, Manasse kellu ċ-ċans jirrifletti fuq ħajtu. Setaʼ hu issa jara li l-idoli tiegħu, li kienu bla ħajja u bla saħħa, kienu naqsu li jipproteġuh? Ftakar hu f’dak li missieru, li kien devot, kien għallmu meta kien żgħir? Kien x’kien il-każ, Manasse biddel l-attitudni tiegħu. Ir-rakkont jgħidilna: “Ipprova jtaffi l-korla taʼ Ġeħova Alla tiegħu u baqaʼ jumilja ruħu ħafna . . . U baqaʼ jitolbu.” (Versi 12, 13) Imma setaʼ raġel li kkommetta dnubiet serji bħal dawn, verament jingħata l-maħfra minn Alla?
Ġeħova ħassu mqanqal mill-indiema sinċiera taʼ Manasse. Alla semaʼ s-suppliki tiegħu għall-ħniena “u reġġgħu lura lejn Ġerusalemm, lejn saltnatu.” (Vers 13) Imbagħad, sabiex juri l-indiema tiegħu, Manasse għamel dak li setaʼ biex jirranġa l-iżbalji tiegħu billi neħħa l-idolatrija minn saltnatu u ħeġġeġ lill-poplu tiegħu “jaqdi lil Ġeħova.”—Versi 15-17.
Jekk tħoss li ma jistħoqqlokx il-maħfra taʼ Ġeħova minħabba xi dnubiet tal-passat, agħmel kuraġġ bl-eżempju taʼ Manasse. Dan ir-rakkont jagħmel parti mill-Kelma ispirata t’Alla. (Rumani 15:4) B’mod ċar, Ġeħova jridna nkunu nafu li hu ‘lest li jaħfer.’ (Salm 86:5) Dak li jikkonċernah hu l-kundizzjoni taʼ qalb il-midneb u mhux id-dnub tiegħu. Jekk midneb li jitlob b’qalb niedma jabbanduna t-triq midinba tiegħu u jagħmel sforz biex jagħmel dak li hu sewwa, għandu mnejn “itaffi l-korla taʼ Ġeħova,” saħansitra bħalma għamel Manasse.—Isaija 1:18; 55:6, 7.