Dak li Nitgħallmu Minn Ġesù
Kif Jeffettwawna l-Ħlejjaq Spirti
Ġesù kien jgħix fil-qasam tal-ispirti maʼ Missieru “qabel ma kienet teżisti d-dinja.” (Ġwanni 17:5) Għalhekk, hu kwalifikat sew biex iwieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin.
Huma l-anġli interessati fina?
▪ Minn Ġesù nitgħallmu li l-anġli għandhom interess kbir fin-nies. Hu qal: “Ikun hemm ferħ fost l-anġli t’Alla minħabba midneb wieħed li jindem.”—Luqa 15:10.
Ġesù rrivela li l-anġli għandhom ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb il-benesseri spiritwali tal-qaddejja t’Alla. Għalhekk, meta Ġesù wissa lid-dixxipli tiegħu biex ma jfixklux lil oħrajn, hu qal: “Araw li ma tistmerrux lil xi wieħed minn dawn iċ-ċkejknin; għax ngħidilkom li l-anġli tagħhom fis-sema dejjem jaraw wiċċ Missieri li hu fis-sema.” (Mattew 18:10) B’dan, Ġesù ma riedx bilfors ifisser li kull wieħed mis-segwaċi tiegħu għandu anġlu kustodju inkarigat biex jipproteġih. Iżda Ġesù wera li l-anġli li jaħdmu mill-qrib m’Alla jinteressahom mill-membri tal-kongregazzjoni Kristjana.
Ix-Xitan kif jistaʼ jagħmlilna l-ħsara?
▪ Ġesù wissa lis-segwaċi tiegħu li Satana jipprova jwaqqaf lin-nies milli jitgħallmu l-verità dwar Alla. Hu qal: “Meta xi ħadd jismaʼ l-kelma tas-saltna imma ma jifhimhiex, jiġi l-Ħażin u jaħtaf dak li jkun inżeraʼ f’qalbu.”—Mattew 13:19.
Ġesù kixef mod wieħed kif Satana jqarraq bin-nies meta rrakkonta tixbiha dwar raġel li żeraʼ ż-żerriegħa tal-qamħ fl-għalqa tiegħu. Ir-raġel irrappreżenta lil Ġesù, u l-qamħ irrappreżenta lill-Kristjani veri li se jaħkmu maʼ Ġesù fis-sema. Madankollu, Ġesù qal li ġie l-għadu u “żeraʼ s-sikrana qalb il-qamħ.” Is-sikrana tirrappreżenta lill-Kristjani foloz. “L-għadu li żeragħha hu x-Xitan.” (Mattew 13:25, 39) Sewwasew bħalma s-sikrana tistaʼ tixbah lill-qamħ li jkun għadu qed jinbet, hekk ukoll dawk l-uħud li jsostnu li huma Kristjani jistgħu jidhru li huma aduraturi veri. Reliġjonijiet li jgħallmu duttrini foloz iqarrqu bin-nies biex ma jobdux lil Alla. Satana juża r-reliġjon falza biex lin-nies jisirqilhom il-ħbiberija tagħhom maʼ Ġeħova.
Kif nistgħu nwaqqfu lil Satana milli jagħmlilna l-ħsara?
▪ Ġesù sejjaħ lil Satana “l-ħakkiem tad-dinja.” (Ġwanni 14:30) F’talba li għamel lil Alla, Ġesù wera kif nistgħu niksbu l-protezzjoni kontra Satana. Rigward id-dixxipli tiegħu, Ġesù talab hekk lil Missieru tas-sema: ‘Ħarishom minħabba l-Ħażin. M’humiex parti mid-dinja, bħalma jien m’iniex parti mid-dinja. Qaddishom permezz tal-verità; kelmtek hi l-verità.’ (Ġwanni 17:15-17) L-għarfien tal-Kelma t’Alla jistaʼ jipproteġina mill-influwenzi tad-dinja tal-umanità li qed jaħkem Satana.
L-anġli kif jeffettwawna llum?
▪ “Fil-konklużjoni tas-sistema,” Ġesù qal li “l-anġli joħorġu u jifirdu lin-nies ħżiena min-nies sewwa.” (Mattew 13:49) Issa qed ngħixu “fil-konklużjoni tas-sistema,” u miljuni taʼ nies qed jaċċettaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla.—Mattew 24:3, 14.
Iżda mhux kull min jibda jistudja l-Kelma t’Alla jikseb l-approvazzjoni tiegħu. L-anġli jidderieġu x-xogħol tal-qaddejja taʼ Ġeħova, u n-nies li sinċerament iħobbu lil Alla jiġu separati minn dawk li ma jridux japplikaw dak li jitgħallmu. Ġesù ddeskriva lil dawk li jiksbu l-approvazzjoni t’Alla billi qal: “Dawn huma dawk li, wara li jisimgħu l-kelma b’qalb nobbli u tajba, iżommuha u jagħtu l-frott bis-sabar.”—Luqa 8:15.
Għal iktar informazzjoni, ara kapitlu 10 taʼ dan il-ktieb, Il-Bibbja x’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Stampa f’paġna 24]
L-anġli għandhom irwol f’li jiġbru lin-nies sinċieri fil-kongregazzjoni Kristjana