Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Veru Kien Jeżisti Ġnien tal-Għeden?

Veru Kien Jeżisti Ġnien tal-Għeden?

TAFHA l-​istorja taʼ Adam u Eva u tal-​ġnien tal-​Għeden? Ħafna nies madwar id-​dinja huma midħla tagħha. Għala ma taqrax din l-​istorja? Din issibha f’Ġenesi 1:26–3:24. Dan hu l-​qofol tal-​istorja:

Alla Ġeħova a sawwar raġel mit-​trab, semmieh Adam, u poġġieh fi ġnien f’reġjun jismu Għeden. Alla stess kien ħawwel dan il-​ġnien. Kien imsoqqi sew u miżgħud b’siġar sbieħ tal-​frott. F’nofsu kien hemm “is-​siġra taʼ l-​għarfien tat-​tajjeb u l-​ħażin.” Alla pprojbixxa lill-​bniedem milli jiekol minn din is-​siġra u qal li d-​diżubbidjenza kienet se twassal għall-​mewt. Maż-​żmien, Ġeħova għamillu sieħba lil Adam—il-​mara, Eva—billi sawwarha minn waħda mill-​kustilji taʼ Adam. Alla tahom l-​inkarigu li jieħdu ħsieb il-​ġnien u qalilhom biex joktru u jimlew l-​art.

Meta Eva kienet waħedha kellimha serp u ħajjarha biex tiekol mill-​frotta projbita. Dan għamlu billi insinwa li Alla kien gidbilha u kien qed iċaħħadha minn xi ħaġa tajba, xi ħaġa li kienet se tagħmilha bħal alla. Hi ċediet u kielet mill-​frotta projbita. Iktar tard, Adam ngħaqad magħha fid-​diżubbidjenza lejn Alla. Ġeħova rreaġixxa billi lissen kundanna fuq Adam, Eva, u s-​serp. Wara li l-​bnedmin tkeċċew mill-​ġenna tal-​art, l-​anġli bdew jgħassu d-​daħla tal-​ġnien.

Fost l-​istudjużi, l-​intellettwali, u l-​istorjografi, xi darba kien komuni li wieħed jgħid li l-​ġrajjiet imniżżlin fil-​ktieb Bibliku tal-​Ġenesi kienu minnhom u li kienu storiċi. Illum, huwa iktar popolari x-​xettiċiżmu dwar dawn il-​kwistjonijiet kollha. Iżda x’inhi l-​bażi għad-​dubji rigward ir-​rakkont tal-​Ġenesi dwar Adam, Eva, u l-​ġnien tal-​Għeden? Ejja neżaminaw erbaʼ oġġezzjonijiet, jew dubji, komuni.

1. Kien il-​ġnien tal-​Għeden post taʼ veru?

Għala hemm dubju dwar dan is-​suġġett? Jistaʼ jkun li l-​filosofija kellha rwol importanti f’dan. It-​teoloġi damu sekli sħaħ jispekulaw jekk il-​ġnien t’Alla kienx għadu jeżisti xi mkien. Madankollu, il-​Kristjaneżmu kien influwenzat minn filosfi Griegi bħalma kienu Platun u Aristotele, li kienu jemmnu li fuq l-​art xejn ma setaʼ jkun perfett. Fis-​sema biss kienet il-​perfezzjoni. Għalhekk, it-​teoloġi kienu jirraġunaw li l-​Ġenna oriġinali kellha tkun eqreb lejn is-​sema. b Xi wħud qalu li l-​ġnien kien jinsab fuq il-​quċċata taʼ muntanja tassew fl-​għoli li kienet ’il fuq mill-​konfini taʼ din il-​pjaneta li qiegħda iktar ’l isfel; oħrajn kienu jemmnu li kienet fin-​North Pole jew fis-​South Pole; jerġaʼ oħrajn kienu jemmnu li kienet fuq il-​qamar jew maġenbu. Mela mhix ħaġa tal-​iskantament li l-​konċett kollu tal-​Għeden beda jidher bħala xi post tal-​fantasija. Illum il-​ġurnata, xi studjużi jemmnu li l-​post ġeografiku tal-​Għeden ma kienx jagħmel sens, u jaċċertaw li post bħal dan qatt ma eżista.

Madankollu, il-​Bibbja ma tiddeskrivix il-​ġnien b’dan il-​mod. F’Ġenesi 2:8-​14 nitgħallmu numru taʼ dettalji dwar dan il-​post. Dan kien jinsab fil-​Lvant, fir-​reġjun li jismu Għeden. Minnu kienet tgħaddi xmara li saret is-​sors taʼ erbaʼ xmajjar. Kull waħda minn dawn ix-​xmajjar tissemma b’isimha u tingħata deskrizzjoni qasira dwar id-​direzzjoni tagħha. Dawn id-​dettalji ilhom jaffaxxinaw lill-​istudjużi, li ħafna minnhom flew din is-​silta Biblika għal xi ħjiel dwar fejn jinsab illum dan il-​post tal-​qedem. Madankollu, huma ħarġu b’numru bla għadd taʼ opinjonijiet kontradittorji. Ifisser dan li d-​deskrizzjoni fiżika tal-​Għeden, il-​ġnien tiegħu, u x-​xmajjar tiegħu hija falza jew tal-​ħrejjef?

Ikkunsidra dan: Il-​ġrajjiet tar-​rakkont tal-​ġnien tal-​Għeden seħħew madwar 6,000 sena ilu. Dawn tniżżlu bil-​miktub minn Mosè, li għandu mnejn għamel użu minn rakkonti orali jew forsi anki minn dokumenti li kienu jeżistu qabel. Xorta waħda, Mosè kien qed jikteb madwar 2,500 sena wara li seħħew dawn il-​ġrajjiet deskritti. L-​Għeden kien diġà jagħmel parti mill-​istorja tal-​qedem. Mela, huwa possibbli li xi ħaġa prominenti bħalma huma x-​xmajjar jitbiddlu matul għexieren taʼ sekli? Wiċċ l-​art hu dinamiku, dejjem jiċċaqlaq. Fir-​reġjun fejn x’aktarx kien jinsab l-​Għeden hemm it-​tendenza li jseħħu ħafna terremoti. Huwa reġjun li s’issa fih saru madwar 17 fil-​mija tal-​akbar terremoti fid-​dinja. Fi bnadi bħal dawn, il-​bidla hija normali. Iktar minn hekk, id-​Dilluvju taʼ żmien Noè setaʼ biddel it-​topografija b’modi li aħna sempliċement ma nistgħux inkunu nafuhom illum. c

Iżda, dawn huma xi fatti li aħna nafu: Ir-​rakkont tal-​Ġenesi jitkellem dwar il-​ġnien bħala post reali. Tnejn mill-​erbaʼ xmajjar li jissemmew fir-​rakkont—l-​Ewfrat u t-​Tigri, jew Ħiddekel—għadhom jeżistu sal-​ġurnata tal-​lum, u xi ftit mis-​sorsi tagħhom tal-​ilma jinsabu viċin ħafna taʼ xulxin. Ir-​rakkont saħansitra jsemmi l-​ismijiet tal-​artijiet li minnhom kienu jgħaddu dawn ix-​xmajjar u jispeċifika r-​riżorsi naturali magħrufin sew fl-​inħawi. Għan-​nies taʼ Iżrael tal-​qedem, li kienu l-​ewwel nies li qraw dan ir-​rakkont, dawn id-​dettalji kienu informattivi.

Hekk jiżvolġu normalment il-​ħrejjef u l-​istejjer tat-​tfal? Jew għandhom it-​tendenza li jħallu barra xi dettalji li jistgħu faċilment jiġu verifikati jew miċħudin? Mod wieħed kif tibda ħrafa huwa b’dan il-​kliem: “Darba waħda, f’pajjiż ’il bogħod ħafna.” Iżda, stejjer li seħħew fir-​realtà għandhom it-​tendenza li jinkludu dettalji rilevanti, bħal fil-​każ tar-​rakkont tal-​Għeden.

2. Huwa tassew kredibbli li Alla sawwar lil Adam mit-​trab u lil Eva minn waħda mill-​kustilji taʼ Adam?

Ix-​xjenza moderna kkonfermat li l-​ġisem tal-​bniedem hu kompost minn diversi elementi—bħalma huma l-​idroġenu, l-​ossiġnu, u l-​karbonju—li lkoll jinsabu fuq wiċċ l-​art. Iżda dawn l-​elementi kif tgħaqqdu flimkien biex jifformaw ħlejqa ħajja?

Ħafna xjenzati jħaddnu t-​teorija li l-​ħajja bdiet waħedha minn forom sempliċi ħafna li bil-​mod il-​mod, fuq medda taʼ miljuni taʼ snin, saru iktar u iktar kumplessi. Madankollu, il-​kelma “sempliċi” tistaʼ tkun qarrieqa, għax il-​ħlejjaq ħajjin kollha—saħansitra l-​organiżmi mikroskopiċi li għandhom ċellula waħda—huma kumplessi b’mod li ma jitwemminx. M’hemm l-​ebda evidenza li kwalunkwe xorta taʼ ħajja qatt ġiet b’kumbinazzjoni jew li qatt jistaʼ jiġri hekk. Minflok, il-​ħlejjaq ħajjin kollha jġorru evidenza konkreta li ġew disinjati minn esseri bil-​wisq iktar intelliġenti minna. dRumani 1:20.

Tistaʼ timmaġina lilek innifsek tismaʼ xi sinfonija mill-​isbaħ, tammira xi pittura li tpaxxi l-​għajn, jew tistagħġeb b’xi skoperta teknoloġika, u mbagħad tinsisti li dawn l-​affarijiet m’għamilhom ħadd? Dażgur li le! Iżda dawn il-​kapolavuri lanqas biss jibdew mal-​komplessità, mal-​ġmiel, jew mal-​inġenwità tal-​mod kif inhu disinjat il-​ġisem uman. Kif nistgħu nimmaġinaw li ma kellux Ħallieq? Iktar minn hekk, ir-​rakkont tal-​Ġenesi jispjega li mill-​ħlejjaq ħajjin kollha tal-​art, il-​bnedmin biss kienu maħluqin fix-​xbieha t’Alla. (Ġenesi 1:26) Mela mhux taʼ b’xejn li fuq l-​art il-​bnedmin biss huma kapaċi jirriflettu x-​xewqa t’Alla li joħloq. Dan jagħmluh billi xi drabi jipproduċu xogħlijiet impressjonanti taʼ mużika, arti, u teknoloġija. Għandna għalfejn nistagħġbu li Alla huwa bil-​wisq aħjar minna biex joħloq?

Il-​fatt li Ġeħova ħalaq lill-​mara permezz taʼ kustilja mir-​raġel, għaliex għandu jitpoġġa f’dubju? e Alla setaʼ juża mezzi oħrajn, iżda l-​mod tiegħu kif jagħmel il-​mara kellu tifsir sabiħ. Hu ried li r-​raġel u l-​mara jiżżewġu u jifformaw rabta soda, bħallikieku kienu “ġisem wieħed.” (Ġenesi 2:24) Mhuwiex il-​mod kif ir-​raġel u l-​mara jikkumplimentaw lil xulxin u jifformaw rabta stabbli bejniethom li tiffjorixxi, evidenza qawwija li hemm Ħallieq għaref u taʼ mħabba?

Iktar minn hekk, il-​ġenetisti taʼ żmienna rrikonoxxew li l-​bnedmin kollha x’aktarx oriġinaw minn raġel wieħed u mara waħda biss. Mela allura, ir-​rakkont tal-​Ġenesi huwa daqshekk diffiċli biex jitwemmen?

3. Is-​siġra tal-​għarfien u s-​siġra tal-​ħajja donnhom xi ħaġa tal-​ħrejjef.

Ir-​rakkont tal-​Ġenesi ma jgħallimx li dawn is-​siġar kellhom xi qawwiet strambi jew sopranaturali fihom infushom. Minflok, dawn kienu siġar li Ġeħova tahom tifsir simboliku.

Mhux anki l-​bnedmin jagħmlu xi ħaġa simili xi kultant? Pereżempju, imħallef jistaʼ jwissi kontra li wieħed jikkommetti reat b’disprezz tal-​qorti. Hija s-​sistema taʼ ġustizzja rappreżentata mill-​qorti li l-​imħallef irid jipproteġi mid-​diżrispett, u mhux l-​għamara, l-​affarijiet immobbli, u l-​ħitan tal-​awla nfisha. Diversi monarki wkoll użaw ix-​xettru u l-​kuruna bħala simboli tal-​awtorità sovrana tagħhom.

Mela allura ż-​żewġ siġriet x’kienu jissimbolizzaw? Ġew proposti bosta teoriji komplikati. It-​tweġiba t-​tajba, għalkemm sempliċi, hija pjuttost profonda. Is-​siġra tal-​għarfien it-​tajjeb u l-​ħażin kienet tirrappreżenta privileġġ li hu t’Alla biss—id-​dritt li jiddeċiedi hu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. (Ġeremija 10:23) Mhux taʼ b’xejn li kien reat li wieħed jisraq minn din is-​siġra! Mill-​banda l-​oħra, is-​siġra tal-​ħajja kienet tirrappreżenta għotja li Alla biss jistaʼ jagħti—il-​ħajja taʼ dejjem.—Rumani 6:23.

4. Serp li jitkellem donnu għandu rabta mal-​ħrejjef.

M’għandniex xi ngħidu, dan l-​aspett tar-​rakkont tal-​Ġenesi jistaʼ jħawdek, speċjalment jekk ma żżommx f’moħħok il-​kumplament tal-​Bibbja. Madankollu, dan il-​misteru intriganti l-​Iskrittura tiċċarah ftit ftit.

Min jew x’kien li għamel lis-​serp jidher bħallikieku qed jitkellem? In-​nies taʼ Iżrael tal-​qedem kienu jafu b’fatturi oħrajn li tefgħu bosta dawl fuq l-​irwol taʼ dan is-​serp. Pereżempju, huma kienu jafu li għalkemm l-​annimali ma jitkellmux, spirtu jistaʼ jġiegħel annimal jidher bħallikieku qed jitkellem. Mosè kiteb ukoll ir-​rakkont dwar Balgħam; Alla bagħat anġlu biex iġiegħel lill-​ħmara taʼ Balgħam titkellem bħal bniedem.—Numri 22:26-​31; 2 Pietru 2:15, 16.

Jistgħu spirti oħrajn, inkluż dawk li huma għedewwa t’Alla, iwettqu mirakli? Mosè kien ra lill-​qassisin tal-​Eġittu li jipprattikaw il-​maġija jimitaw xi wħud mill-​mirakli li wettaq Alla, bħal pereżempju, iġiegħlu ħatar jinbidel f’serp. Il-​qawwa biex iwettqu għemejjel bħal dawn setgħet tiġi biss mill-​għedewwa t’Alla fil-​qasam tal-​ispirti.—Eżodu 7:8-​12.

Mosè kien ukoll il-​kittieb ispirat tal-​ktieb taʼ Ġob. Dan il-​ktieb jgħallimna ħafna dwar l-​għadu ewlieni t’Alla, Satana, li b’gidba sfida l-​integrità tal-​qaddejja kollha taʼ Ġeħova. (Ġob 1:6-​11; 2:4, 5) Għalhekk, setgħu l-​Iżraelin tal-​qedem irraġunaw li Satana kien immanipula lis-​serp fl-​Għeden? Setgħu rraġunaw li Satana ġiegħlu jidher bħallikieku qed jitkellem, u b’hekk qarraq b’Eva sabiex tkisser l-​integrità tagħha lejn Alla? X’aktarx hekk ġara.

Kien Satana l-​qawwa wara s-​serp? Iktar tard, Ġesù rrefera għal Satana bħala “giddieb u missier il-​gidba.” (Ġwanni 8:44) “Missier il-​gidba” jiġi l-​oriġinatur tal-​ewwel gidba li qatt intqalet, mhux hekk? L-​ewwel gidba tinsab fil-​kliem tas-​serp lil Eva. Billi kkontradixxa t-​twissija t’Alla, jiġifieri li jekk jieklu mill-​frotta projbita kellhom imutu, is-​serp qal: “Żgur li ma tmutux.” (Ġenesi 3:4) B’mod ċar, Ġesù kien jaf li Satana kien immanipula lis-​serp. Ir-​Rivelazzjoni li Ġesù ta lill-​appostlu Ġwanni tiċċara l-​kwistjoni u ssejjaħ lil Satana “s-​serp oriġinali.”—Rivelazzjoni 1:1; 12:9.

Huwa tassew diffiċli li jitwemmen il-​fatt li spirtu qawwi jistaʼ jimmanipula serp u jagħmlu jidher bħallikieku qed jitkellem? Anki l-​bnedmin, għalkemm bil-​wisq inqas setgħanin mill-​ispirti, jistgħu jwettqu illużjonijiet taʼ ventrilokwiżmu li jġibulek għajnejk wara widnejk u joħolqu effetti speċjali konvinċenti.

L-​Iktar Evidenza Konvinċenti

Ma taqbilx int li dan ix-​xettiċiżmu dwar ir-​rakkont tal-​Ġenesi m’għandux bażi soda? Mill-​banda l-​oħra, hemm evidenza konkreta li r-​rakkont hu storja vera.

Pereżempju, Ġesù Kristu jissejjaħ “ix-​xhud leali u veru.” (Rivelazzjoni 3:14) Peress li kien raġel perfett, hu qatt ma gideb, u qatt u bl-​ebda mod ma rrappreżenta ħażin il-​verità. Iktar minn hekk, Ġesù għallem li hu kien ilu żmien twil jeżisti qabel ma għex bħala bniedem fuq l-​art—fil-​fatt, kien għex qrib taʼ Missieru, Ġeħova, “qabel ma kienet teżisti d-​dinja.” (Ġwanni 17:5) Għalhekk, hu kien diġà jeżisti meta bdiet il-​ħajja fuq l-​art. L-​iktar xhud li tistaʼ toqgħod fuqu, Ġesù, liema evidenza ta?

Ġesù tkellem dwar Adam u Eva bħala li kienu nies taʼ veru. Hu rrefera għaż-​żwieġ tagħhom meta spjega l-​livelli t’Alla rigward il-​monogamija. (Mattew 19:3-​6) Kieku qatt ma eżistew u l-​ġnien li fih kienu jgħixu kien sempliċement ħrafa, mela allura jew Ġesù ġie mqarraq jew kien giddieb. L-​ebda konklużjoni minn dawn mhi raġunevoli! Ġesù kien qiegħed fis-​sema jara kollox hekk kif seħħet it-​traġedja fil-​ġnien. Liema evidenza iktar konvinċenti jistaʼ jkun hemm għajr din?

Fir-​realtà, in-​nuqqas taʼ twemmin fir-​rakkont tal-​Ġenesi jdgħajjef il-​fidi f’Ġesù. Nuqqas taʼ twemmin bħal dan ukoll jagħmilha impossibbli li wieħed jifhem xi wħud mit-​temi importanti u l-​iktar wegħdiet rassiguranti tal-​Bibbja. Ejja naraw kif dan hu minnu.

[Noti taʼ taħt]

a Fil-​Bibbja, Ġeħova hu l-​isem persunali t’Alla.

b Din l-​idea mhix Skritturali. Il-​Bibbja tgħallem li x-​xogħol kollu t’Alla hu perfett; il-​korruzzjoni tiġi minn sors ieħor. (Dewteronomju 32:4, 5) Meta Ġeħova temm il-​ħolqien tiegħu tal-​art, hu qal li dak kollu li għamel kien “tajjeb ħafna.”—Ġenesi 1:31.

c Id-​Dilluvju, li kien att t’Alla, b’mod evidenti kines kull traċċa tal-​ġnien tal-​Għeden innifsu. Eżekjel 31:18 jindika li sas-​seba’ seklu Q.E.K. is-​“siġar tal-​Għeden” kienu ilhom li ġew estinti. Għalhekk, dawk kollha li iktar tard bdew ifittxu l-​ġnien tal-​Għeden għax ħasbu li kien għadu jeżisti, kienu qed ifittxu għalxejn.

d Ara l-​browxer The Origin of Life—Five Questions Worth Asking, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

e Taʼ interess, permezz tax-​xjenza moderna fil-​qasam mediku nstab li l-​kustilja għandha kapaċità mhux tas-​soltu li tfiq. B’differenza minn għadam ieħor, din tistaʼ terġaʼ tikber jekk partijiet minnha jitħallew intatti.