Ersaq Qrib Lejn Alla
“Ġeħova r-Ragħaj Tiegħi”
ĦARES lejn l-istampa f’din il-paġna. Tistaʼ tħoss is-sigurtà taʼ dan il-ħaruf li qiegħed fi ħdan ir-ragħaj tiegħu? F’Salm 23, il-Bibbja tuża l-metafora taʼ ragħaj u n-nagħaġ tiegħu biex tagħti stampa tal-mod teneru li bih Ġeħova jieħu ħsieb l-aduraturi tiegħu. Iridna nħossu s-sigurtà li jkollhom dawk li, bħas-salmista David, b’fiduċja jistgħu jgħidu: “Ġeħova r-Ragħaj tiegħi.” a—Vers 1.
David, il-kittieb taʼ dan is-salm, meta kien żagħżugħ kien ragħaj. Kien jaf il-bżonnijiet tan-nagħaġ u r-responsabbiltajiet taʼ ragħaj. David, li personalment kien ra kif Alla ħa ħsiebu f’ħajtu, kiteb dak li ssejjaħ “salm t’assiguranza jew fiduċja.” L-isem divin, Ġeħova, jidher fil-bidu u fl-aħħar tas-salm. (Versi 1, 6) Il-versi taʼ bejniethom jiddeskrivu tliet modi li bihom Ġeħova jieħu ħsieb il-poplu tiegħu bħalma ragħaj jieħu ħsieb in-nagħaġ tiegħu.—Salm 100:3.
Ġeħova jmexxi lin-nagħaġ tiegħu. In-nagħaġ għandhom it-tendenza li jintilfu mingħajr ir-ragħaj tagħhom. B’mod simili, aħna għandna bżonn l-għajnuna biex insibu t-triq it-tajba fil-ħajja. (Ġeremija 10:23) Ġeħova, jispjega David, jiggwida lill-poplu tiegħu “f’mergħat iħaddru” u f’“postijiet taʼ mistrieħ imsoqqijin tajjeb.” Imexxihom “fil-mogħdijiet tas-sewwa.” (Versi 2, 3) Din il-metafora tassigurana li nistgħu nafdaw f’Alla. Billi nsegwu d-direzzjoni tal-ispirtu tiegħu bħalma nsibuha fil-Bibbja, nistgħu nsusu wara mod taʼ ħajja li jġib kuntentizza, serħan, u sigurtà.
Ġeħova jipproteġi lin-nagħaġ tiegħu. Mingħajr ir-ragħaj tagħhom, in-nagħaġ ikunu beżgħanin u bla difiża. Ġeħova jgħid lill-poplu tiegħu li m’għandux għalfejn jibżaʼ, lanqas saħansitra meta ‘jimxi fil-wied taʼ dlam ċappa’—matul dak li jistaʼ jidher li hu l-iktar perijodu ikrah fil-ħajja taʼ persuna. (Vers 4) Ġeħova lill-aduraturi tiegħu jħarishom, dejjem lest li jgħinhom. Jistaʼ jagħtihom l-għerf u s-saħħa li għandhom bżonn sabiex ikampaw mal-provi.—Filippin 4:13; Ġakbu 1:2-5.
Ġeħova jitmaʼ lin-nagħaġ tiegħu. In-nagħaġ jiddependu mir-ragħaj tagħhom biex isibilhom l-ikel. Aħna għandna bżonn spiritwali li jistaʼ jiġi sodisfat biss bl-għajnuna t’Alla. (Mattew 5:3) Fortunatament, Ġeħova jipprovdi b’mod ġeneruż, billi jifrex quddiem il-qaddejja tiegħu mejda mimlija affarijiet tajbin. (Vers 5) Il-Bibbja u l-għajnuniet għall-istudju tal-Bibbja, bħar-rivista li qed taqra, huma sors t’ikel spiritwali li jissodisfa l-bżonn tagħna biex insiru nafu t-tifsir tal-ħajja u l-iskop t’Alla għalina.
David ħassu fis-sigurtà, għax kien jaf li jekk jibqaʼ qrib ir-Ragħaj tas-sema tiegħu, kien se jesperjenza l-mod kollu mħabba kif Ġeħova jieħu ħsiebu ‘l-jiem kollha taʼ ħajtu.’ (Vers 6) Tixxennaq int għal sigurtà bħal din? Jekk iva, tgħallem kif tistaʼ tersaq qrib lejn Ġeħova. B’hekk, tkun tistaʼ tħossok fis-sigurtà fid-dirgħajn tar-Ragħaj il-Kbir, li jmexxi, jipproteġi, u jitmaʼ lil dawk li jibqgħu leali lejh.—Isaija 40:11.
[Nota taʼ taħt]
a Ħafna qarrejja huma familjari mat-traduzzjoni “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi.” Biex issir taf għala xi traduzzjonijiet tal-Bibbja jħallu barra l-isem divin, Ġeħova, ara paġni 195-197 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.