Il-Qarrejja Tagħna Jistaqsu . . .
Il-Kristjani Leali Kollha Jmorru fis-Sema?
▪ Ħafna qraw il-kliem taʼ faraġ taʼ Ġesù: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:16) Ried ifisser Ġesù li l-aduraturi leali kollha taʼ Missieru, Alla Ġeħova, kienu se jmorru fis-sema biex igawdu ħajja taʼ dejjem f’hena veru?
Innota l-istqarrija taʼ Ġesù li tqanqal il-ħsieb: “Ebda bniedem ma telaʼ fis-sema ħlief dak li niżel mis-sema, Bin il-bniedem.” (Ġwanni 3:13) Dan jimplika li aduraturi leali tal-passat, bħal Noè, Abraham, Mosè, u David, ma marrux fis-sema. (Atti 2:34) Allura, dawn kollha fejn marru? Fil-qosor: Il-leali tal-qedem qegħdin fil-qabar, reqdin fil-mewt, konxji taʼ xejn, u jistennew irxoxt.—Ekkleżjasti 9:5, 6; Atti 24:15.
Ġesù hu l-ewwel wieħed li jsemmi li xi wħud kienu se jgħixu fis-sema wara li jmutu. Hu qal lill-appostli tiegħu li kien se jħejjilhom post fis-sema. (Ġwanni 14:2, 3) Din kienet xi ħaġa ġdida għan-nies t’Alla. L-appostlu Pawlu iktar tard spjega li wara l-mewt taʼ Ġesù u l-irxoxt tiegħu fis-sema, Ġesù ‘inawgura triq ġdida u ħajja għad-dixxipli tiegħu’—triq li ebda bniedem ma kien għadda minnha qabel.—Ebrej 10:19, 20.
Ifisser dan li minn dakinhar ’il quddiem dawk kollha li huma leali kienu se jmorru fis-sema? Le, għax l-irxoxt għas-sema hu relatat mill-qrib maʼ inkarigu li ngħata biss lil xi bnedmin. Fl-aħħar lejla tagħhom flimkien, Ġesù qal lill-appostli tiegħu li kienu se ‘joqogħdu bil-qiegħda fuq tronijiet biex jiġġudikaw’ fis-Saltna tiegħu tas-sema. B’hekk, li jaħkmu maʼ Ġesù fis-sema kien se jkun l-inkarigu tagħhom.—Luqa 22:28-30.
Minbarra l-appostli, bnedmin oħrajn ukoll kienu se jingħataw dan l-inkarigu meraviljuż. F’viżjoni, l-appostlu Ġwanni ra lil Ġesù maʼ grupp taʼ wħud irxoxtati fis-sema deskritt bħala ‘saltna u qassisin [biex] isaltnu għal fuq l-art.’ (Rivelazzjoni 3:21; 5:10) Kemm kien hemm minnhom? Bħal f’kull gvern, numru limitat biss jiggverna. Hekk ukoll f’din is-Saltna fis-sema. Ġesù, il-Ħaruf t’Alla, jaħkem maʼ 144,000 ħakkiem ieħor li “nxtraw minn fost il-bnedmin.”—Rivelazzjoni 14:1, 4, 5.
Veru, 144,000 hu numru żgħir meta mqabbel man-numru tal-uħud leali kollha, tal-passat u tal-preżent. Imma dan nistgħu nifhmuh għax il-144,000 huma rxoxtati fis-sema għal inkarigu sagru taʼ xogħol speċifiku. Li kellek tibni dar, kont se tqabbad lill-bennejja kollha tas-sengħa fl-inħawi tiegħek? Le. Kieku jkollok bżonn biss biżżejjed ħaddiema għax-xogħol. B’mod simili, mhux l-uħud leali kollha huma magħżulin minn Alla għall-privileġġ uniku li jsaltnu maʼ Kristu fis-sema.
Dan il-gvern fis-sema se jwettaq l-iskop oriġinali t’Alla għall-umanità. Ġesù u l-144,000 li se jaħkmu miegħu se jidderieġu t-trasformazzjoni tal-art f’ġenna globali, fejn numru mhux magħruf taʼ wħud leali se jgħixu għal dejjem ferħanin. (Isaija 45:18; Rivelazzjoni 21:3, 4) Dan se jinkludi lil dawk fil-memorja t’Alla, li se jiġu rxoxtati.—Ġwanni 5:28, 29.
Kull aduratur leali taʼ Ġeħova—tal-passat u tal-preżent—jistaʼ jirċievi l-għotja meraviljuża taʼ ħajja taʼ dejjem. (Rumani 6:23) Ftit se jirċievu ħajja fis-sema għal inkarigu speċjali, u l-biċċa l-kbira se jirċievu ħajja fuq l-art f’ġenna globali.