Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Fatturi Essenzjali għall-​Hena fil-​Familja

Kif it-Tfal Ibiddlu Żwieġ

Kif it-Tfal Ibiddlu Żwieġ

Charles: a “Jien u Mary konna ferħanin se ntiru meta twieldet it-​tifla tagħna. Imma tlift ħafna rqad fl-​ewwel ftit xhur wara li twieldet. Kellna bosta pjanijiet dwar kif konna se nieħdu ħsiebha u rrabbuha, imma malajr sparixxew.”

Mary: “Meta twieldet it-​tarbija tagħna, ma kienx għad kelli kontroll fuq ħajti. F’daqqa waħda, il-​prijoritajiet f’ħajti kienu meta kien imissha tixrob, meta kelli nerġaʼ nbiddlilha l-​ħarqa, jew meta kont se nerġaʼ nipprova nikkalmaha. L-​aġġustament kien kbir ferm. Għaddew xhur sħaħ qabel ma r-​relazzjoni tiegħi maʼ Charles reġgħet ġiet għan-​normal.”

ĦAFNA jaqblu li waħda mill-​iktar affarijiet taʼ ferħ fil-​ħajja hi t-​twelid taʼ tarbija. Il-​Bibbja tiddeskrivi lit-​tfal bħala “premju” mingħand Alla. (Salm 127:3) Ġenituri ġodda bħal Charles u Mary jafu wkoll li t-​tfal jistgħu jbiddlu żwieġ b’modi mhux mistennijin. Pereżempju, omm ġdida forsi tiffoka fuq it-​tarbija tagħha u tistgħaġeb kif ġisimha u qalbha jwieġbu għall-​iċken bżonn tat-​tarbija. Inkwantu għall-​missier ġdid, għandu mnejn jimmeravilja ruħu bir-​rabta li tifforma bejn martu u t-​tarbija, imma jistaʼ jkun li jinkwieta wkoll li f’daqqa waħda se jitwarrab.

Infatti, it-​twelid tal-​ewwel tarbija jistaʼ joħloq kriżi fi żwieġ. Jistgħu jinkixfu l-​inċertezzi emozzjonali taʼ individwu u l-​kwistjonijiet mhux solvuti taʼ koppja, u dawn jistgħu jsiru iktar evidenti minħabba l-​istress li jħossu bħala ġenituri.

Ġenituri ġodda kif jistgħu jaġġustaw ruħhom għall-​ewwel ftit xhur imħabbtin meta t-​tarbija l-​ġdida tirrikjedi l-​attenzjoni kollha tagħhom? Koppja x’tistaʼ tagħmel biex iżżomm ir-​relazzjoni mill-​qrib tagħha? Kif jistgħu jittrattaw kwalunkwe nuqqas taʼ qbil dwar kif irrabbu t-​tfal? Ejja neżaminaw kull waħda minn dawn l-​isfidi u nikkunsidraw kif prinċipji Bibliċi jistgħu jgħinu lil koppja tegħlibhom.

L-​EWWEL SFIDA: F’daqqa waħda l-​ħajja tiċċentra madwar it-​tarbija.

L-​omm tuża l-​ħin u l-​ħsibijiet kollha tagħha għat-​tarbija l-​ġdida. Hi għandha mnejn tħoss sens profond taʼ sodisfazzjon emozzjonali hekk kif tieħu ħsieb it-​tarbija tagħha. Sadanittant, żewġha forsi jħoss li qed jiġi traskurat. Manuel, li jgħix fil-​Brażil, jgħid: “L-​iktar bidla diffiċli għalija biex naċċettaha kienet li marti ma baqgħetx tiffoka fuqi imma fuq it-​tarbija tagħna. Qabel, konna aħna t-​tnejn biss, u mbagħad f’daqqa waħda, kienu biss marti u t-​tarbija.” Kif tistaʼ tkampa maʼ din il-​bidla?

Muftieħ għal suċċess: Kunu paċenzjużi.

“L-​imħabba tistabar fit-​tul u qalbha tajba,” tgħid il-​Bibbja. L-​imħabba “ma tfittixx l-​interessi tagħha, ma tiġix provokata.” (1 Korintin 13:4, 5) Meta titwieled tarbija ġdida, x’jistgħu jagħmlu kemm ir-​raġel u kemm il-​mara biex japplikaw dawn il-​pariri?

Raġel għaqli jagħti prova taʼ mħabbtu għal martu billi jitgħallem dwar l-​effett fiżiku u mentali li t-​twelid taʼ tarbija jkollu fuq mara. Jekk jagħmel dan, hu se jirrealizza għala martu għandha mnejn tbati minn bidliet f’daqqa fil-​burdata. b Adam, li jgħix fi Franza u li hu missier taʼ tifla li għandha 11-​il xahar, jammetti: “Kultant hu diffiċli għalija biex inkampa mal-​bidliet fil-​burdata taʼ marti. Imma nipprova niftakar li fir-​realtà mhijiex frustrata minħabba fija personalment. Minflok, tħossha hekk minħabba t-​tensjoni mhix familjari tas-​sitwazzjoni l-​ġdida tagħna.”

Martek ġieli tifhem ħażin l-​isforzi tiegħek biex tagħti daqqa t’id? Jekk iva, tkunx ħafif biex tieħu għalik. (Ekkleżjasti 7:9) Minflok, kun paċenzjuż u pprova poġġi l-​bżonnijiet tagħha l-​ewwel, u mhux tiegħek, u b’hekk se tevita li jaqbduk id-​dwejjaq.—Proverbji 14:29.

Mill-​banda l-​oħra, mara għaqlija se tipprova tinkuraġġixxi lil żewġha fl-​irwol ġdid tiegħu. Se tinvolvih f’li jieħdu ħsieb it-​tarbija, billi bil-​paċenzja turih kif ibiddel il-​ħrieqi jew jipprepara l-​ħalib—avolja għall-​ewwel forsi jidher xi ftit goff.

Ellen, omm taʼ 26 sena, għarfet li kellha bżonn tagħmel xi aġġustamenti fil-​mod kif kienet tittratta lil żewġha. “Kelli nsir inqas pussessiva tat-​tarbija,” tgħid hi. “U kelli nfakkar lili nnifsi biex ma nkunx fitta żżejjed meta żewġi pprova japplika s-​suġġerimenti tiegħi dwar kif jieħu ħsieb it-​tarbija.”

IPPROVAW DAN: Nisa, jekk żewġkom jagħmel xi biċċa xogħol konnessa mat-​tarbija b’mod differenti milli tagħmluha intom, irreżistu li tikkritikawh jew li terġgħu tagħmlu l-​biċċa xogħol intom. Faħħruh għal dak li jagħmel b’mod xieraq, u se tibnulu l-​fiduċja tiegħu u tinkuraġġuh jagħtikom l-​appoġġ li għandkom bżonn. Irġiel, qattgħu inqas ħin f’attivitajiet mhux essenzjali sabiex ikollkom kemm jistaʼ jkun ħin biex tgħinu lil martkom, speċjalment matul l-​ewwel ftit xhur wara li titwieled it-​tarbija.

IT-​TIENI SFIDA: Tiddgħajjef ir-​relazzjoni tagħkom bħala koppja.

Eżawriti minħabba rqad imkisser u kriżijiet mhux mistennijin, ħafna ġenituri ġodda jissieltu biex jibqgħu qrib xulxin. Vivianne, omm Franċiża taʼ żewġt itfal, tammetti: “Għall-​ewwel, tant kont iffokata fuq id-​dmir tiegħi bħala omm li kważi nsejt l-​irwol tiegħi bħala mara miżżewġa.”

Min-​naħa l-​oħra, raġel forsi jonqos milli jirrikonoxxi li t-​tqala kellha effett fuq martu—kemm fiżikament kif ukoll emozzjonalment. Tarbija ġdida tistaʼ tieħu l-​ħin u l-​enerġija li qabel it-​tnejn li intom kontu tużaw biex tibqgħu intimi emozzjonalment u sesswalment. Allura, koppja kif tistaʼ tagħmel ċert li t-​tarbija tagħhom li tiddependi minnhom u li hi tant għażiża ma ssirx dik il-​ħaġa li tifridhom minn xulxin?

Muftieħ għal suċċess: Erġgħu stqarru mħabbitkom għal xulxin.

Rigward iż-​żwieġ, il-​Bibbja tgħid: “Raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jrid jingħaqad maʼ martu u huma jsiru ġisem wieħed.” c (Ġenesi 2:24) L-​iskop t’Alla Ġeħova kien li t-​tfal eventwalment iħallu lill-​ġenituri tagħhom. B’kuntrast, Alla jistenna li r-​rabta taʼ ġisem wieħed bejn raġel u martu tibqaʼ tul ħajjithom kollha. (Mattew 19:3-​9) Il-​fatt li japprezzaw dan, kif jistaʼ jgħin lil koppja b’tarbija ġdida jżommu prijoritajiet xierqa?

Vivianne, li ġiet kwotata qabel, tgħid: “Ħsibt dwar il-​kliem f’Ġenesi 2:24, u dan il-​vers għenni nirrealizza li kont sirt ‘ġisem wieħed’ maʼ żewġimhux mat-​tarbija tiegħi. Rajt il-​ħtieġa li nsaħħaħ iż-​żwieġ tagħna.” Theresa, omm taʼ tifla li għandha sentejn, tgħid: “Jekk nibda nħossni mbiegħda minn żewġi, minnufih nagħmel sforz biex nagħtih l-​attenzjoni sħiħa tiegħi, anki jekk biss għal ftit ħin kuljum.”

Jekk int raġel miżżewweġ, x’tistaʼ tagħmel biex issaħħaħ iż-​żwieġ? Għid lil martek li tħobbha. Kliemek appoġġah b’għemejjel teneri. Agħmel sforz kuxjenzjuż biex ittaffi kwalunkwe inċertezza li jistaʼ jkollha martek. Sarah, omm li għandha 30 sena, tgħid: “Mara miżżewġa għandha bżonn tkun taf li għadha meqjusa taʼ valur u li hi maħbuba, avolja ġisimha m’għadux dak li kien qabel it-​tqala tagħha.” Alan, li jgħix fil-​Ġermanja u li hu missier taʼ żewġ subien, jara l-​ħtieġa li jipprovdi appoġġ emozzjonali. Hu jgħid: “Jien dejjem nipprova nfarraġ lil marti meta tkun qed tħossha mdejqa.”

M’għandniex xi ngħidu, it-​twelid taʼ tarbija jfixkel ir-​relazzjoni sesswali taʼ koppja. Għalhekk, raġel u mara għandhom bżonn jiddiskutu l-​bżonnijiet taʼ xulxin. Il-​Bibbja tgħid li bidliet fir-​relazzjoni sesswali taʼ koppja għandhom isiru ‘għax ikunu ftiehmu bejniethom.’ (1 Korintin 7:1-​5) Dan jirrikjedi komunikazzjoni. Skont it-​trobbija jew l-​isfond kulturali tiegħek, forsi ma tħossokx daqstant komdu tiddiskuti kwistjonijiet sesswali mas-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek. Imma dawn il-​konversazzjonijiet huma vitali hekk kif koppja jaġġustaw ruħhom għar-​rutina tagħhom bħala ġenituri. Uru empatija, paċenzja, u onestà. (1 Korintin 10:24) B’hekk, int u s-​sieħeb, jew is-​sieħba, tiegħek se tevitaw li jkun hemm nuqqas taʼ ftehim u se tkabbru mħabbitkom għal xulxin.—1 Pietru 3:7, 8.

Koppja jistgħu wkoll ikabbru l-​imħabba li jħossu għal xulxin billi jesprimu l-​apprezzament. Raġel għaqli se jirrealizza li ħafna mix-​xogħol li tagħmel omm ġdida ma jkunx jidher. Vivianne tgħid: “Sal-​aħħar tal-​ġurnata, spiss inħossni qisni m’għamilt xejn—avolja ma nkunx waqaft nieħu ħsieb it-​tarbija!” Minkejja li jkollha ħafna x’tagħmel, mara għaqlija se toqgħod attenta li ma ċċekkinx il-​kontribut taʼ żewġha fil-​familja.—Proverbji 17:17.

IPPROVAW DAN: Ommijiet, jekk ikun possibbli, ħudu nagħsa meta t-​tarbija tagħkom tkun rieqda. B’hekk, billi “terġgħu tiċċarġjaw il-​batteriji” tagħkom, ikollkom iktar enerġija għaż-​żwieġ tagħkom. Missirijiet, kull meta jkun possibbli, qumu billejl biex titimgħu lit-​tarbija jew tbiddlulha l-​ħarqa biex martkom tkun tistaʼ tistrieħ. Erġgħu stqarru mħabbitkom għal martkom regolarment billi tħallulha xi nota, tibagħtulha xi messaġġ bil-​mowbajl, jew iċċemplulha. Bħala koppja, agħmlu l-​ħin biex titkellmu waħedkom. Tkellmu dwar xulxin, mhux biss dwar it-​tarbija tagħkom. Żommu l-​ħbiberija bejnietkom b’saħħitha, u se tkunu iktar kapaċi tittrattaw l-​isfidi li jkollkom bħala ġenituri.

IT-​TIELET SFIDA: Ma taqblux dwar kif trabbu lit-​tarbija.

Koppja jistgħu jsibu li t-​trobbija tagħhom iġġegħelhom jargumentaw. Omm Ġappuniża jisimha Asami u żewġha, Katsuro, iffaċċjaw din l-​isfida. Asami tgħid: “Jien ħassejt li Katsuro kien ħanin wisq maʼ bintna, filwaqt li hu ħass li jien kont iebsa wisq magħha.” Kif tistgħu tevitaw li taħdmu kontra xulxin?

Muftieħ għal suċċess: Ikkomunika mas-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek, u appoġġaw lil xulxin.

Is-​sultan għaref Salamun kiteb: “Bil-​prużunzjoni wieħed iġib biss taqbid, imma l-​għerf qiegħed maʼ dawk li jikkonsultaw flimkien.” (Proverbji 13:10) Kemm tafu dwar il-​metodu tas-​sieħeb jew is-​sieħba tagħkom rigward it-​trobbija tat-​tfal? Jekk toqogħdu tistennew sakemm titwieled it-​tarbija tagħkom qabel ma tiddiskutu kwistjonijiet speċifiċi dwar it-​taħriġ tat-​tfal, tistgħu tispiċċaw tissieltu maʼ xulxin minflok ma tittrattaw mal-​isfida b’suċċess.

Pereżempju, fuq liema tweġibiet għall-​mistoqsijiet li ġejjin qbiltu: “Kif nistgħu ngħallmu lit-​tarbija tagħna drawwiet tajbin fejn jidħlu l-​ikel u l-​irqad? Dejjem għandna nerfgħu t-​tarbija meta tibki billejl? Kif għandna nirreaġixxu għad-​diffikultajiet li jqumu meta nħarrġu lit-​tarbija biex taqtaʼ l-​ħarqa?” Ovvjament, id-​deċiżjonijiet li tieħdu se jkunu differenti minn dawk taʼ koppji oħrajn. Ethan, missier taʼ żewġt itfal, jgħid: “Tridu titkellmu dwar l-​affarijiet sabiex tkunu fi qbil. Imbagħad, flimkien, se tkunu tistgħu twieġbu għall-​bżonnijiet tat-​tarbija tagħkom.”

IPPROVAW DAN: Aħseb dwar il-​metodi li użaw il-​ġenituri tiegħek stess meta rabbewk. Iddeċiedi liema attitudnijiet u azzjonijiet tagħhom tixtieq timita hekk kif trabbu lit-​tarbija tagħkom. Iddeċiedi wkoll liema, jekk ikun hemm, attitudnijiet u azzjonijiet trid tevita li tirripeti. Iddiskuti l-​konklużjonijiet tiegħek mas-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek.

It-​Tfal Jistgħu Jbiddlu Żwieġ għat-​Tajjeb

Sewwasew bħalma tnejn min-​nies bla esperjenza fl-​iskejzjar jeħtieġu ż-​żmien u l-​paċenzja biex isibu l-​bilanċ tagħhom fuq is-​silġ, intom għandkom bżonn iż-​żmien biex taġġustaw ruħkom għall-​irwoli ġodda tagħkom bħala ġenituri. Però, eventwalment, se tħossukom iktar kunfidenti.

It-​trobbija tat-​tfal se tittestja r-​rabta taż-​żwieġ tagħkom u tbiddel ir-​relazzjoni tagħkom maʼ xulxin għal dejjem. Madankollu, se tagħtikom ukoll l-​opportunità biex tiżviluppaw kwalitajiet taʼ valur. Jekk tapplikaw il-​pariri għaqlin tal-​Bibbja, l-​esperjenza tagħkom se tkun bħal dik taʼ missier jismu Kenneth. Hu jgħid: “It-​trobbija tat-​tfal kellha effett tajjeb fuqi u fuq marti. Issa m’aħniex daqshekk egoisti, u sirna nħobbu u nifhmu iktar lil xulxin.” Dawn it-​tipi taʼ bidliet ċertament li huma taʼ min jixtieqhom fi żwieġ.

a L-​ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

b Ħafna ommijiet isofru minn attakki ħfief tad-​dipressjoni fil-​ġimgħat taʼ wara li jildu. Xi wħud jesperjenzaw kundizzjoni iktar serja magħrufa bħala d-​dipressjoni postpartum. Għal informazzjoni dwar kif tidentifika u tkampa maʼ din l-​isfida, ara l-​artikli “Id-​Dipressjoni Wara t-​Twelid taʼ Tarbija—Kif Irnexxieli Negħlibha,” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-​8 t’Awwissu, 2002, u “Nifhmu d-​Dipressjoni wara t-​Twelid taʼ Tarbija,” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-​8 t’Awwissu, 2003, pubblikati mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Dawn l-​artikli jistgħu jinqraw bl-​Ingliż fuq is-​sit www.watchtower.org.

c Skont xogħol taʼ studju, il-​verb Ebrajk tradott “jingħaqad” f’Ġenesi 2:24 jistaʼ ‘jagħti s-​sens taʼ li wieħed jintrabat maʼ xi ħadd bl-​affezzjoni u bil-​lealtà.’

STAQSI LILEK INNIFSEK . . .

  • Matul il-​ġimgħa li għaddiet, jien x’għamilt biex nuri lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tiegħi li napprezza dak li tagħmel għall-​familja?

  • Meta kienet l-​aħħar darba li għamilt il-​ħin biex ikolli konversazzjoni mill-​qalb mas-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħi li ma kinitx ċentrata fuq it-​trobbija tat-​tfal?