Ersaq Qrib Lejn Alla
Meta l-Anzjani Jerġgħu Jsiru Żgħażagħ
MIN minna jieħu pjaċir bl-effetti tax-xjuħija—ġilda mkemmxa, vista batuta, nuqqas taʼ smigħ, u saqajn mhux sodi? Forsi taħseb, ‘Alla għala ħalaqna bil-potenzjal li ngawdu s-saħħa taż-żgħożija biex imbagħad nispiċċaw nibżgħu mill-effetti tax-xjuħija?’ L-aħbar tajba hi li dan mhuwiex dak li Alla kellu f’moħħu għalina. Minflok, hu bi mħabba għandu l-iskop li jeħlisna mill-proċess tax-xjuħija! Innota l-kliem li ngħad lill-patrijarka Ġob, li jinsab f’Ġob 33:24, 25.
Ikkunsidra s-sitwazzjoni taʼ Ġob, raġel leali li Ġeħova kien iħobbu. Bla ma kien jaf Ġob, Satana sfida l-integrità taʼ Ġob, billi qal li kien jaqdi lil Alla għal raġunijiet egoistiċi biss. Ġeħova, b’fiduċja f’Ġob u billi kien jaf il-qawwa Tiegħu stess biex iħott il-ħsara, ħalla lil Satana jġarrab lil Ġob. Satana mbagħad “lil Ġob imlielu ġismu kollu msiemer li ma jfiqux minn qiegħ saqajh sal-qorriegħa taʼ rasu.” (Ġob 2:7) Il-ġisem taʼ Ġob inkesa bid-dud, u l-ġilda tiegħu rabbiet il-qxur, swiedet, u waqgħet minn fuqu. (Ġob 7:5; 30:17, 30) Tistaʼ timmaġina l-agunija tiegħu? Però, Ġob baqaʼ leali, u qal: “Sakemm nieħu l-aħħar nifs ma nwarrabx minni l-integrità tiegħi!”—Ġob 27:5.
Madankollu, Ġob għamel żball serju. Hekk kif kien riesaq lejn mewtu, sar konċernat iżżejjed f’li jivvindika lilu nnifsu, “iddikjara lil ruħu ġusta minflok lil Alla.” (Ġob 32:2) Il-kelliemi t’Alla, Eliħu, widdeb lil Ġob. Imma Eliħu ta lil Ġob ukoll messaġġ pożittiv mingħand Alla: “Eħilsu [lil Ġob] biex ma jinżilx fil-ħofra [il-qabar komuni]! Jien sibt fidwa! Ħa jsir laħmu iktar frisk milli fiż-żgħożija; ħa jmur lura lejn il-jiem mimlijin enerġija taż-żgħożija.” (Ġob 33:24, 25) Dan il-kliem żgur li lil Ġob imlieh bit-tama. Ma kellux jibqaʼ jbati sa mewtu. Jekk Ġob kien lest li jindem, Alla kien se jkun lest jaċċetta fidwa għan-nom taʼ Ġob u jeħilsu mill-gwajijiet tiegħu. a
Ġob bl-umiltà aċċetta l-korrezzjoni, u nidem. (Ġob 42:6) B’mod evidenti, Ġeħova aċċetta fidwa għan-nom taʼ Ġob, u ħallieha tgħatti l-iżball tiegħu u tiftaħ it-triq biex Alla jerġaʼ jagħtih is-saħħa u jippremjah. Ġeħova “bierek it-tmiem taʼ Ġob iktar mill-bidu tiegħu.” (Ġob 42:12-17) Immaġina s-serħan taʼ Ġob meta, fost barkiet oħrajn, ġie mfejjaq mill-marda tiegħu li tqażżek u laħmu, biex ngħidu hekk, sar “iktar frisk milli fiż-żgħożija”!
Il-fidwa li Alla aċċetta għan-nom taʼ Ġob kellha valur limitat, għax ir-raġel baqaʼ imperfett u iktar tard miet. Aħna għandna fidwa ħafna aħjar disponibbli għalina. Ġeħova bi mħabba ta lil Ibnu, Ġesù, bħala fidwa għalina. (Mattew 20:28; Ġwanni 3:16) Dawk kollha li jpoġġu l-fidi f’din il-fidwa għandhom il-prospett li jgħixu għal dejjem fuq art magħmula ġenna. F’din id-dinja l-ġdida li riesqa, Alla se jeħles lill-bnedmin leali mill-proċess tax-xjuħija. Għala ma titgħallimx iktar dwar kif tistaʼ tgħix biex tara ż-żmien meta l-anzjani se jaraw ‘laħamhom isir iktar frisk milli fiż-żgħożija’?
[Nota taʼ taħt]
a Bl-Ebrajk, il-kelma “fidwa” użata hawnhekk tfisser “għata.” Fil-każ taʼ Ġob, il-fidwa setgħet kienet sagrifiċċju t’annimal, li Alla kien se jaċċetta biex jgħatti l-iżball taʼ Ġob, jew ipatti għalih.—Ġob 1:5.