Tgħallem mill-Kelma t’Alla
X’Inhu l-Iskop t’Alla għall-Art?
Dan l-artiklu jqajjem mistoqsijiet li forsi ġieli staqsejt u juri fejn tistaʼ ssib it-tweġibiet fil-Bibbja tiegħek. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu pjaċir jiddiskutu dawn it-tweġibiet miegħek.
1. X’inhu l-iskop t’Alla għall-art?
L-art hi d-dar tal-bnedmin. Wara li ħalaq lill-anġli biex jgħixu fis-sema, Alla għamel lill-bniedem biex igawdi l-art. (Ġob 38:4, 7) B’hekk, Ġeħova ssetilja lill-ewwel raġel fi ġnien mill-isbaħ imsejjaħ Għeden, u ta lilu u lin-nisel futur tiegħu l-prospett li jgawdu ħajja taʼ dejjem fuq l-art.—Ġenesi 2:15-17; aqra Salm 115:16.
Il-ġnien tal-Għeden kien ikopri biss parti żgħira mill-art. L-ewwel koppja umana, Adam u Eva, kellhom ikollhom it-tfal. Hekk kif il-familja umana żdiedet, kellhom jikkultivaw l-art u jagħmluha ġenna. (Ġenesi 1:28) L-art qatt ma se tinqered.—Aqra Salm 104:5.
2. L-art għala mhijiex ġenna issa?
Adam u Eva m’obdewx lil Alla, u għalhekk tkeċċew mill-Għeden. Il-ġenna ntilfet, u ebda bniedem ma rnexxielu jirrestawraha. Il-Bibbja tgħid: “L-art f’idejn il-wieħed mill-agħar ngħatat.”—Ġob 9:24; aqra Ġenesi 3:23, 24.
Imma Ġeħova ma nesiex l-iskop oriġinali tiegħu għall-umanità, u Alla qatt ma jistaʼ jfalli. (Isaija 45:18) Hu se jġedded lir-razza umana għall-mod kif riedha tkun.—Aqra Salm 37:11.
3. Alla kif se jerġaʼ jġib il-paċi fuq l-art?
Biex l-umanità tgawdi l-paċi, Alla l-ewwel irid jelimina lin-nies mill-agħar. Fil-battalja t’Armageddon, l-anġli t’Alla se jeqirdu lil dawk kollha li jopponu lil Alla. Satana se jinżamm priġunier għal 1,000 sena, imma n-nies li jħobbu lil Alla se jsalvaw biex igawdu sistema ġdida fuq l-art.—Aqra Rivelazzjoni 16:14, 16; 20:1-3; 21:3, 4.
4. It-tbatija meta se tintemm?
Matul l-1,000 sena, Ġesù mis-sema se jaħkem fuq l-art u jirrestawraha għal ġenna. Ukoll, se jħassar id-dnubiet taʼ dawk li jħobbu lil Alla. B’hekk, Ġesù se jelimina l-mard, ix-xjuħija, u l-mewt.—Aqra Isaija 11:9; 25:8; 33:24; 35:1.
Alla meta se jeqred il-ħażen minn fuq l-art? Ġesù ta “sinjal” li kellu jindika meta t-tmiem ikun fil-qrib. Il-kundizzjonijiet preżenti tad-dinja jheddu l-eżistenza tal-bniedem u juru li issa qed ngħixu fil-“konklużjoni tas-sistema.”—Aqra Mattew 24:3, 7-14, 21, 22; 2 Timotju 3:1-5.
5. Min se jgħix fil-Ġenna tal-art futura?
Ġesù dderieġa lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu dixxipli u biex jgħallmuhom il-modi t’Alla li huma taʼ mħabba. (Mattew 28:19, 20) Madwar id-dinja, Ġeħova qed iħejji lil miljuni taʼ nies għal ħajja f’sistema ġdida fuq l-art. (Sofonija 2:3) Fi Swali tas-Saltna tax-Xhieda taʼ Ġeħova, in-nies jitgħallmu kif ikunu rġiel miżżewġin u missirijiet aħjar u kif ikunu nisa miżżewġin u ommijiet aħjar. It-tfal u l-ġenituri jitgħallmu flimkien dwar il-bażi biex jemmnu f’futur aħjar.—Aqra Mikea 4:1-4.
Fis-Sala tas-Saltna se tiltaqaʼ maʼ nies li jħobbu lil Alla u li jridu jitgħallmu kif jogħġbuh.—Aqra Ebrej 10:24, 25.
Għal iktar informazzjoni, ara kapitlu 3 taʼ dan il-ktieb,Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.