Tgħallem mill-Kelma t’Alla
Min Hu Ġesù Kristu?
Dan l-artiklu jqajjem mistoqsijiet li forsi ġieli staqsejt u juri fejn tistaʼ ssib it-tweġibiet fil-Bibbja tiegħek. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu pjaċir jiddiskutu dawn it-tweġibiet miegħek.
1. Min hu Ġesù Kristu?
Għall-kuntrarju taʼ kwalunkwe uman ieħor, Ġesù għex fis-sema bħala persuna spirtu qabel ma twieled fuq l-art. (Ġwanni 8:23) Hu kien l-ewwel ħolqien t’Alla, u għen fil-ħolqien tal-affarijiet l-oħrajn kollha. Hu l-uniku wieħed maħluq direttament minn Ġeħova, u b’hekk jissejjaħ l-Iben “uniġenitu” t’Alla. Ġesù qeda bħala l-Kelliemi t’Alla, u għalhekk hu jissejjaħ ukoll “il-Kelma.”—Ġwanni 1:1-3, 14; aqra Proverbji 8:22, 23, 30; Kolossin 1:15, 16.
2. Ġesù għala ġie fuq l-art?
Alla bagħat lil Ibnu fuq l-art billi ttrasferixxa lil ħajtu mis-sema għal ġol-ġuf taʼ verġni Lhudija jisimha Marija. Għalhekk, Ġesù ma kellux missier uman. (Luqa 1:30-35) Ġesù ġie fuq l-art (1) biex jgħallem il-verità dwar Alla, (2) biex iħalli eżempju f’li jagħmel ir-rieda t’Alla, u (3) biex jagħti l-ħajja perfetta tiegħu bħala “fidwa.”—Aqra Mattew 20:28; Ġwanni 18:37.
3. Għala għandna bżonn fidwa?
Fidwa hi prezz imħallas biex jeħles persuna mill-jasar. Il-mewt u x-xjuħija ma kinux parti mill-iskop oriġinali t’Alla għall-umanità. Kif nafuh dan? Alla qal lill-ewwel bniedem, Adam, li jekk hu jagħmel dak li l-Bibbja ssejjaħlu dnub, kien se jmut. Kieku Adam ma dinibx, qatt ma kien imut. Avolja l-ħajja t’Adam ma spiċċatx sa sekli wara, hu beda jmut minn dakinhar li m’obdiex lil Alla. (Ġenesi 2:16, 17; 5:5) Adam għadda lid-dixxendenti tiegħu kollha d-dnub u l-piena tiegħu, il-mewt. B’hekk, id-dnub “daħal” fid-dinja tal-umanità permezz t’Adam. Din hi r-raġuni għala għandna bżonn fidwa.—Aqra Rumani 5:12; 6:23.
4. Ġesù għala miet?
Min setaʼ jħallas il-fidwa biex jeħlisna mill-mewt? Meta mmutu, inħallsu biss il-piena tad-dnubiet tagħna stess. Ebda bniedem imperfett ma jistaʼ jħallas għad-dnubiet t’oħrajn.—Aqra Salm 49:7-9.
Peress li Ġesù ma kellux missier uman ma wiritx l-imperfezzjoni, u għalhekk ma mietx minħabba d-dnubiet tiegħu stess imma minħabba d-dnubiet t’oħrajn. Alla bagħat lil Ibnu biex imut għalina bħala espressjoni tal-imħabba straordinarja Tiegħu għall-umanità. Anki Ġesù wera mħabba għalina billi obda lil Missieru u ta ħajtu għad-dnubiet tagħna.—Aqra Ġwanni 3:16; Rumani 5:18, 19.
5. Ġesù x’qiegħed jagħmel issa?
Billi fejjaq lill-morda, irxoxta lill-mejtin, u salva lil nies li kienu fil-periklu, Ġesù wera dak li eventwalment se jagħmel għall-umanità ubbidjenti kollha. (Luqa 18:35-42; Ġwanni 5:28, 29) Wara li Ġesù miet, Alla rxoxtah bħala persuna spirtu. (1 Pietru 3:18) Ġesù mbagħad stenna fuq il-leminija t’Alla sakemm Ġeħova tah il-qawwa biex jaħkem bħala Sultan fuq l-art kollha. (Ebrej 10:12, 13) Ġesù issa qed jaħkem bħala Sultan fis-sema, u s-segwaċi tiegħu fuq l-art qed iħabbru l-aħbar tajba mad-dinja kollha.—Aqra Danjel 7:13, 14; Mattew 24:14.
Ġesù dalwaqt se juża l-qawwa tiegħu bħala Sultan biex itemm is-sofferenza kollha u lil dawk li jikkaġunawha. Miljuni li jeżerċitaw il-fidi f’Ġesù u jobduh se jgawdu ħajja f’Ġenna fuq l-art.—Aqra Salm 37:9-11.