Il-Qarrejja Tagħna Jistaqsu . . .
Jgħammar Alla f’Post Wieħed?
▪ Diversi reliġjonijiet jiddeskrivu lil Alla bħala li hu omnipreżenti, kelma li tagħti x’tifhem li Alla jinsab kullimkien fl-istess ħin. Pereżempju, enċiklopedija bl-Ingliż (New Catholic Encyclopedia) tirreferi għal Alla bħala l-wieħed “li hu attwalment preżenti f’kull post u ħaġa li teżisti.” Bl-istess mod, John Wesley, fundatur tal-Knisja Metodista, kiteb prietka intitolata “Dwar l-Omnipreżenza t’Alla” li fiha qal li “m’hemm l-ebda post fl-ispazju, kemm fil-limiti tal-ħolqien u kemm le, fejn Alla mhux qiegħed.”
Il-Bibbja x’tgħallem? Huwa Alla omnipreżenti, jiġifieri, jeżisti f’kull post fis-sema, fuq l-art, u anke fil-bnedmin fl-istess ħin?
Fil-fatt, il-Bibbja titkellem dwar Alla bħala li għandu post speċifiku fejn jgħammar—is-smewwiet. Fil-Bibbja hemm imniżżel talba tas-Sultan Salamun li fiha talab lil Alla: ‘Ismaʼ mis-smewwiet, il-post stabbilit fejn tgħammar.’ (1 Slaten 8:43) Meta Ġesù Kristu għallem lid-dixxipli tiegħu kif jitolbu, hu qalilhom jindirizzaw it-talb tagħhom lil “Missierna fis-smewwiet.” (Mattew 6:9) Wara l-irxoxt tiegħu, il-Bibbja tgħid li Kristu daħal “fis-sema stess, biex issa jidher għalina quddiem il-persuna t’Alla.”—Ebrej 9:24.
Dawn il-versi juru biċ-ċar li Alla Ġeħova ma jgħammarx kullimkien imma fis-smewwiet biss. M’għandniex xi ngħidu, “is-smewwiet” imsemmijin f’dawn il-versi ma jirreferux għall-atmosfera taʼ madwar id-dinja u lanqas ma jirreferu għall-kobor enormi tal-ispazju. Is-smewwiet fiżiċi ma jistgħux jesgħu lill-Ħallieq tal-univers. (1 Slaten 8:27) Il-Bibbja tgħidilna li “Alla hu Spirtu.” (Ġwanni 4:24) Hu jgħammar fis-smewwiet spiritwali, qasam indipendenti mill-univers fiżiku.—1 Korintin 15:44.
Imma, xi ngħidu għas-siltiet tal-Bibbja li donnhom jagħtu x’tifhem li Alla hu preżenti kullimkien? Pereżempju, bħalma hu mniżżel f’Salm 139:7-10, David jgħid dwar Alla: “Fejn nistaʼ mmur ’il bogħod mill-ispirtu tiegħek, u fejn nistaʼ naħrab minn quddiem wiċċek? Kieku kelli nitlaʼ fis-sema, hemmhekk tkun int; u kieku kelli nifrex soddti fil-Qabar, ara, int tkun hemmhekk. Kieku kelli nieħu ġwinħajn iż-żerniq, biex ngħammar fl-iktar baħar imbiegħed, hemmhekk, ukoll, idek tmexxini.” Jindikaw dawn il-versi li Alla fil-fatt hu omnipreżenti u jgħammar f’kull wieħed mill-postijiet imsemmijin?
Innota li David l-ewwel staqsa: “Fejn nistaʼ mmur ’il bogħod mill-ispirtu tiegħek?” a Permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu, Alla jistaʼ jara kwalunkwe ħaġa u jeżerċita l-qawwa tiegħu fi kwalunkwe post, mingħajr ma letteralment imur f’dak il-post jew jgħammar hemm. Biex nagħtu eżempju: Fi snin reċenti xjenzati setgħu jeżaminaw il-ħamrija fuq il-pjaneta Marte, miljuni taʼ kilometri ’l bogħod mill-Art. Kif? Mhux billi jivvjaġġaw hemm personalment imma billi jistudjaw ritratti dettaljati u informazzjoni oħra mibgħuta lura lejn l-Art minn vetturi spazjali għal esplorazzjoni li ntbagħtu fuq wiċċ Marte.
Bl-istess mod, Alla Ġeħova m’għandux għalfejn ikun preżenti kullimkien, jew ikun omnipreżenti, sabiex ikun jaf x’qed jiġri fi kwalunkwe post fl-univers. Il-Kelma t’Alla tgħid: “M’hemm l-ebda ħolqien li hu moħbi quddiemu.” (Ebrej 4:13) Iva, il-forza attiva b’saħħitha taʼ Ġeħova, jew l-ispirtu qaddis, tistaʼ tilħaq kullimkien, u b’hekk tħallih jara kollox u jwettaq l-iskop tiegħu minn post fiss, ‘il-post qaddis fejn jgħammar’ fis-smewwiet.—Dewteronomju 26:15.
[Nota taʼ taħt]
a Il-kelma Ebrajka li hawnhekk ġiet tradotta “spirtu” tirreferi għall-forza attiva t’Alla, il-qawwa li Alla juża biex iwettaq ir-rieda tiegħu.
[Sors tal-Istampa f’paġna 29]
IAC/RGO/David Malin Images