Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

4 Alla Hu Inġust—Huwa Minnu Dan?

4 Alla Hu Inġust—Huwa Minnu Dan?

Dak li għandek mnejn smajt: “Din id-​dinja hi f’idejn Alla, u kollox iseħħ bir-​rieda tiegħu. Ladarba d-​dinja hi mimlija diskriminazzjoni, inġustizzja, u moħqrija, bilfors li Alla jikkaġunahom.”

Dak li tgħallem il-​Bibbja: Alla mhuwiex is-​sors tal-​inġustizzja tad-​dinja. Rigward Ġeħova, il-​Bibbja tgħid: “Perfett għemilu, għax triqatu kollha huma ġustizzja.”—Dewteronomju 32:4.

Alla hu ġeneruż maʼ kulħadd, inkluż maʼ dawk li jidher li ma ħaqqhomx. Pereżempju, “hu jtellaʼ x-​xemx tiegħu fuq il-​ħżiena u fuq it-​tajbin u jniżżel ix-​xita fuq in-​nies sewwa u fuq dawk li m’humiex.” (Mattew 5:45) Hu jittratta lin-​nies taʼ kull razza u kultura b’ġustizzja, bħalma juri Atti 10:34, 35: “Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-​sewwa hu aċċettat minnu.”

Mela, x’inhu s-​sors tal-​inġustizzja? Ħafna nies jagħżlu li jaġixxu b’inġustizzja, u ma jsegwux l-​eżempju taʼ ġustizzja t’Alla. (Dewteronomju 32:5) Ukoll, il-​Bibbja turi li Alla qed jippermetti lill-​għadu tiegħu, ix-​Xitan, ikollu kontroll fuq id-​dinja. a (1 Ġwanni 5:19) Madankollu, Alla dalwaqt se jneħħi l-​awtorità tax-​Xitan minn fuq id-​dinja. Alla diġà stabbilixxa l-​mezz tiegħu biex “ikisser l-​għemejjel tax-​Xitan.”—1 Ġwanni 3:8.

Kif jgħinek il-​fatt li tkun taf il-​verità: Għandek mnejn tibqaʼ konfuż bir-​rapporti taʼ korruzzjoni, moħqrija, u inġustizzja li donnhom ma jispiċċaw qatt. Li tkun taf il-​kaġun tal-​inkwiet se jgħinek tifhem għala l-​kundizzjonijiet huma daqstant ħżiena u għala l-​aħjar sforzi tal-​bniedem biex jagħmel id-​dinja post aħjar dejjem ifallu. (Salm 146:3) Minflok ma tiddedika l-​ħin u l-​enerġija tiegħek biex tagħmel bidliet li jistgħu jirnexxu għal ftit jew lanqas biss jirnexxu, int jistaʼ jkollok tama soda għall-​futur ibbażata fuq il-​fiduċja fil-​wegħdi t’Alla.—Rivelazzjoni 21:3, 4.

Il-​fatt li nifhmu s-​sors veru tal-​inġustizzja jistaʼ jgħinna speċjalment meta t-​tbatijiet jolqtuna personalment. Meta niġu trattati b’mod inġust, għandna mnejn ngħajtu għall-​għajnuna bħalma għamel il-​qaddej t’Alla, Ħabakkuk: “Il-​liġi tmewtet, u l-​ġustizzja ma toħroġ qatt.” (Ħabakkuk 1:4) Alla ma ċanfarx lil Ħabakkuk talli qal dan. Minflok, Alla assigura lill-​qaddej Tiegħu li Hu kien stabbilixxa żmien li fih kien se jirranġa l-​kwistjonijiet u għen lil Ħabakkuk isib il-​ferħ minkejja l-​inkwiet. (Ħabakkuk 2:2-​4; 3:17, 18) B’mod simili, li tafda fil-​wegħda t’Alla biex ineħħi l-​inġustizzja jistaʼ jgħinek issib is-​serenità u l-​paċi tal-​moħħ f’dinja inġusta.

[Nota taʼ taħt]

a Biex issir taf kif beda jeżisti x-​Xitan, ara kapitlu 3 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament?

[Kumment f’paġna 7]

Huwa verament Alla li jikkaġuna t-​tbatija u l-​inġustizzja?

[Sors tal-Istampa f’paġna 7]

© Sven Torfinn/Panos Pictures