5 Alla Jaċċetta l-Qima Sinċiera Kollha—Huwa Minnu Dan?
Dak li għandek mnejn smajt: “Sewwasew bħalma ħafna mogħdijiet u toroq iwasslu għall-istess destinazzjoni, hemm ukoll ħafna toroq li jwassluk għal għand Alla. Kull individwu għandu jsib it-triq tiegħu stess li twasslu għal għand Alla.”
Dak li tgħallem il-Bibbja: Irridu nkunu sinċieri fil-qima tagħna, u nevitaw il-qerq u l-ipokrisija. Ġesù qal lill-mexxejja reliġjużi taʼ żmienu għala Alla kien ċaħadhom: “Sewwa pprofetizza dwarkom Isaija, ja ipokriti, bħalma hu miktub, ‘Dan il-poplu jonorani b’xofftejh, imma qalbu mbiegħda minni.’” (Marku 7:6) Iżda, is-sinċerità waħedha mhijiex garanzija li Alla se jaċċetta l-qima tagħna.
Ġesù għamel dan ċar billi kixef id-difett ewlieni fil-qima li kienu jagħtu dawn il-mexxejja reliġjużi u s-segwaċi tagħhom. Hu rrefera għalihom bil-kliem t’Alla: “Għalxejn jagħtuni qima, għax jgħallmu bħala duttrini l-kmandi tal-bnedmin.” (Marku 7:7) Il-qima tagħhom kienet “għalxejn” għax kienu jaħsbu li kien iktar importanti li jsegwu t-tradizzjonijiet reliġjużi tagħhom milli jkunu ċerti li qed jagħmlu dak li Alla jeħtieġ minnhom.
Minflok ma tappoġġa t-twemmin li hemm ħafna toroq aċċettabbli biex nersqu lejn Alla, il-Bibbja tgħallem li hemm waħda biss. Mattew 7:13, 14 jgħid: “Idħlu mill-bieb id-dejjaq; għax wiesgħa u spazjuża hi t-triq li tieħu għall-qerda, u ħafna jgħaddu minnha; filwaqt li dejjaq hu l-bieb u mħarbta hi t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma dawk li jsibuha.”
Kif jgħinek il-fatt li tkun taf il-verità: Immaġina kif kont tħossok li kieku tħarriġt xhur sħaħ biex tiġri maratona u spiċċajt it-tellieqa fl-ewwel post, imma mbagħad ġejt skwalifikat għax mingħajr ma kont taf ksirt waħda mir-regoli. Forsi tħoss li l-isforz tiegħek kien kollu għalxejn. Tistaʼ tiġri xi ħaġa bħal din fil-qima tagħna lil Alla?
Billi qabbel il-qima tagħna maʼ kompetizzjoni atletika, l-appostlu Pawlu kiteb: “Anki jekk xi ħadd jitqabad fil-logħob, ma jiġix inkurunat jekk ma jkunx tqabad skond ir-regoli.” (2 Timotju 2:5) Aħna niksbu l-favur t’Alla billi nqimuh “skond ir-regoli,” jiġifieri, bil-mod li japprova hu. Ma nistgħux nagħżlu t-triq tagħna li twassal għal għand Alla, sewwasew bħalma ġerrej ma jistax jiġri fejn irid u xorta waħda jistenna li jkun ir-rebbieħ tat-tellieqa.
Biex nogħġbu lil Alla, l-ebda gideb dwaru m’għandu jinstab fil-qima tagħna. Ġesù qal: “L-aduraturi veri jqimu lill-Missier bl-ispirtu u l-verità.” (Ġwanni 4:23) Nitgħallmu t-triq vera li twassal għal għand Alla mill-Kelma tiegħu, il-Bibbja.—Ġwanni 17:17. a
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni dwar il-qima li Alla japprova, ara kapitlu 15 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
[Kumment f’paġna 8]
Ir-reliġjonijiet kollha jgħallmu lin-nies biex iqimu lil Alla bil-mod li japprova hu?