Ikkultivaw l-Ispiritwalità Bħala Koppja
Fatturi Essenzjali għall-Hena fil-Familja
Frederick a: “Għall-ewwel li żżewwiġna, kont ninsisti li jien u marti nistudjaw il-Bibbja flimkien. Kont determinat li hi tikkonċentra matul l-istudju tagħna. Imma Leanne donnha ma kellhiex kwiet. U meta kont nistaqsi mistoqsijiet, kienet twieġeb iva jew le biss. Il-mod kif kienet twieġeb ma kienx jaqbel mal-mod kif jien kont inħoss li għandu jsir studju tal-Bibbja.”
Leanne: “Kelli 18-il sena meta żżewwiġt lil Frederick. Konna nistudjaw il-Bibbja flimkien regolarment, imma Frederick kien juża kull studju bħala opportunità biex isemmi n-nuqqasijiet tiegħi kollha u fejn kelli bżonn nitjieb bħala mara miżżewġa. Kont inħossni skuraġġita u mweġġgħa ħafna!”
INT x’taħseb li kienet il-problema fir-relazzjoni taʼ Frederick u Leanne? L-intenzjonijiet tagħhom kienu tajbin. It-tnejn kienu jħobbu lil Alla. U t-tnejn raw il-bżonn li jistudjaw il-Bibbja flimkien. Imma l-istess ħaġa li setgħet tgħaqqadhom donnha kellha effett oppost. Avolja kienu qed jistudjaw flimkien, ma kinux qed jikkultivaw l-ispiritwalità bħala koppja.
X’inhi l-ispiritwalità? Koppji miżżewġin għala għandhom jistinkaw biex jikkultivawha? Liema sfidi għandhom mnejn jiffaċċjaw, u kif jistgħu jegħlbuhom?
X’Inhi l-Ispiritwalità?
Il-kelma “spiritwalità” kif tintuża fil-Bibbja tirreferi għal attitudni lejn il-ħajja. (Ġuda 18, 19) Pereżempju, Pawlu, wieħed mill-kittieba tal-Bibbja, jenfasizza d-differenza fl-attitudni bejn bniedem spiritwali u wieħed tal-laħam. Pawlu jindika li dawk b’tendenzi tal-laħam jiffokaw iktar fuqhom infushom milli fuq oħrajn. Jagħmlu dak li hu sewwa f’għajnejhom stess, minflok ma jipprovaw jgħixu fi qbil mal-livelli t’Alla.—1 Korintin 2:14; Galatin 5:19, 20.
B’kuntrast, dawk b’attitudni spiritwali jgħożżu l-livelli t’Alla. Iqisu lil Alla Ġeħova bħala l-Ħabib tagħhom u jistinkaw biex jimitaw il-personalità tiegħu. (Efesin 5:1) B’hekk, juru mħabba, qalb tajba, u ħlewwa meta jittrattaw m’oħrajn. (Eżodu 34:6) U jobdu lil Alla anki meta ma jkunx konvenjenti għalihom. (Salm 15:1, 4) “Fl-opinjoni tiegħi,” jgħid Darren, li jgħix il-Kanada u li ilu miżżewweġ 35 sena, “bniedem spiritwali dejjem jaħseb dwar kif il-kliem u l-azzjonijiet tiegħu se jeffettwaw il-ħbiberija tiegħu m’Alla.” Martu, Jane, iżżid tgħid: “Naħseb li mara spiritwali hi waħda li kuljum taħdem iebes biex tagħmel il-frott tal-ispirtu t’Alla parti mill-personalità tagħha.”—Galatin 5:22, 23.
Naturalment, individwu m’għandux għalfejn ikun miżżewweġ biex jiżviluppa attitudni spiritwali. Fil-fatt, il-Bibbja tgħallem li kull individwu għandu r-responsabbiltà li jitgħallem dwar Alla u jimitah.—Atti 17:26, 27.
Għala Għandkom Tikkultivaw l-Ispiritwalità Bħala Koppja?
Allura, imseħbin fiż-żwieġ għala għandhom jistinkaw biex jikkultivaw l-ispiritwalità bħala koppja? Ikkunsidra din it-tixbiha: Żewġ ġardinari għandhom biċċa art flimkien u jridu jkabbru l-ħxejjex. Wieħed jiddeċiedi li jiżraʼ f’ċertu żmien tas-sena, filwaqt li l-ieħor jaħseb li għandhom jiżirgħu iktar tard. Wieħed jixtieq juża tip taʼ fertilizzant partikulari, imma l-ieħor xejn ma jaqbel maʼ dan u jħoss li l-pjanti m’għandhomx bżonn fertilizzant. Wieħed irid jaħdem iebes fl-għalqa kuljum, filwaqt li l-ieħor kuntent joqgħod b’idejh fuq żaqqu u jħares, minflok ma jaħdem. F’sitwazzjoni bħal din, l-għalqa għandha mnejn tipproduċi xi ftit, imma mhix se tipproduċi daqskemm setgħet kieku ż-żewġ ġardinari kienu qablu fuq x’għandhom jagħmlu u mbagħad ħadmu flimkien biex jilħqu dawk il-miri.
Raġel u mara miżżewġin huma bħal dawn il-ġardinari. Jekk wieħed minnhom biss jikkultiva l-ispiritwalità, ir-relazzjoni għandha mnejn tmur għall-aħjar. (1 Pietru 3:1, 2) Però, kemm ikun aħjar meta t-tnejn li huma jaqblu li jgħixu fi qbil mal-livelli t’Alla u jirsistu biex jappoġġaw lil xulxin hekk kif jaqdu lil Alla! Is-sultan għaref Salamun kiteb: “Tnejn aħjar minn wieħed.” Għala? “Għax jiġu premjati tajjeb għax-xogħol iebes tagħhom. Għax jekk wieħed minnhom jaqaʼ, l-ieħor jistaʼ jqajjem lil sieħbu.”—Ekkleżjasti 4:9, 10.
Int x’aktarx li tixxennaq biex tikkultiva l-ispiritwalità mas-sieħeb, jew is-sieħba, tiegħek fiż-żwieġ. Imma bħal fil-każ tax-xogħol tal-ġardinar, ix-xewqa biss mhix se tipproduċi riżultati. Ikkunsidra żewġ sfidi li għandkom mnejn tiffaċċjaw u kif forsi tistgħu tegħlbuhom.
L-EWWEL SFIDA: M’għandniex ħin. “Żewġi jiġi għalija wara x-xogħol fis-sebgħa taʼ filgħaxija,” tgħid Sue, li m’ilhiex ħafna miżżewġa. “Xħin naslu d-dar, irridu nibdew il-faċendi. Hi ġlieda bejn moħħna u ġisimna; moħħna jgħidilna li rridu nqattgħu xi ħin flimkien nitgħallmu dwar Alla, imma ġisimna jixxennaq għal ftit mistrieħ.”
Xi ħaġa li tistaʼ tgħin: Kunu lesti li tadattaw ruħkom u tikkooperaw. Sue tgħid: “Jien u żewġi ddeċidejna li nqumu kmieni u naqraw u niddiskutu silta mill-Bibbja flimkien qabel ma mmorru x-xogħol. Hu jagħtini wkoll daqqa t’id fil-faċendi sabiex ikollna naqra ħin flimkien.” X’benefiċċji gawdew talli għamlu iktar sforz? Ir-raġel taʼ Sue, Ed, jgħid: “Sibt li meta jien u Sue niddiskutu regolarment affarijiet spiritwali flimkien, insibuh eħfef biex insolvu l-problemi li niffaċċjaw u nkunu nistgħu nnaqqsu l-ansjetà tagħna.”
Minbarra li titkellmu maʼ xulxin, huwa vitali li tqattgħu ftit minuti kuljum titolbu flimkien. Dan kif jistaʼ jgħin? “Ftit taż-żmien ilu,” jgħid Ryan, li ilu miżżewweġ 16-il sena, “jien u marti għaddejna minn żmien diffiċli ħafna fir-relazzjoni tagħna. Imma kull filgħaxija warrabna l-ħin biex nitolbu flimkien u niftħu qalbna m’Alla. Inħoss li t-talb għenna nirranġaw il-problemi tagħna u nerġgħu niksbu l-ferħ fiż-żwieġ tagħna.”
IPPROVA DAN: Fit-tmiem taʼ kull ġurnata, warrbu ftit minuti biex tiddiskutu kwalunkwe ħaġa tajba li ġratilkom bħala koppja, affarijiet li tistgħu tirringrazzjaw lil Alla għalihom. Ukoll, tkellmu dwar sfidi li tiffaċċjaw, speċjalment dawk li għandkom bżonn
l-għajnuna t’Alla biex tkampaw magħhom. Twissija: Tużax dan bħala opportunità biex tgħid lis-sieħeb, jew lis-sieħba, tiegħek dwar in-nuqqasijiet tiegħu. Minflok, meta titolbu flimkien, semmu biss dawk il-kwistjonijiet li tridu taħdmu fuqhom flimkien. L-għada, aġixxu fi qbil maʼ dak li għedtu fit-talba.IT-TIENI SFIDA: Għandna abbiltajiet differenti. “Qatt ma kont xi wieħed li jħobb jintefaʼ bilqiegħda jaqra,” jgħid Tony. Martu, Natalie, tgħid: “Jien inħobb naqra, u nħobb nitkellem dwar dak li nkun tgħallimt. Kultant naħseb li Tony iħossu ftit intimidat minni meta niddiskutu suġġetti mill-Bibbja.”
Xi ħaġa li tistaʼ tgħin: Kun t’appoġġ, mhux kompetittiv jew kritiku. Ikkumplimenta u inkuraġġixxi l-kwalitajiet tajbin fis-sieħeb, jew is-sieħba, tiegħek. “Kultant inħoss li ma nafx kif naqbad nirreaġixxi għall-entużjażmu taʼ marti biex tiddiskuti suġġetti Bibliċi,” jgħid Tony, “u fil-passat kont inżomm lura milli niddiskuti suġġetti spiritwali magħha. Madankollu, Natalie tappoġġani ħafna. Issa spiss niddiskutu kwistjonijiet spiritwali flimkien, u sirt naf li m’għandix minn xiex nibżaʼ. Nieħu gost nitkellem magħha dwar dawn is-suġġetti. Dan għenna nsiru iktar rilassati u fil-paċi bħala koppja.”
Ħafna koppji sabu li ż-żwieġ tagħhom imur għall-aħjar meta kull ġimgħa jwarrbu ħin speċifiku biex jaqraw u jistudjaw il-Bibbja flimkien. Però, tajjeb li tagħti kas din it-twissija: Meta taqra pariri Skritturali, iddiskuti kif int stess tistaʼ tapplikahom, u mhux kif jistaʼ japplikahom is-sieħeb, jew is-sieħba, tiegħek. (Galatin 6:4) Iddiskutu kwistjonijiet kontroversjali taż-żwieġ f’ħin ieħor, mhux matul l-istudju tagħkom. Għala?
Ikkunsidra dan: Kieku tkun qed tiekol mal-familja tiegħek, sejjer tnaddaf u tinfaxxa ferita mdemmija proprju dak il-ħin? Probabbilment li le. Kieku kulħadd jitlef l-aptit. Ġesù qabbel il-fatt li nitgħallmu dwar ir-rieda t’Alla u nagħmluha maʼ li nieklu. (Mattew 4:4; Ġwanni 4:34) Jekk titkellem dwar feriti emozzjonali kull darba li tiftaħ il-Bibbja, tistaʼ ġġiegħel lis-sieħeb, jew lis-sieħba, tiegħek jitlef l-aptit spiritwali tiegħu. Ċertament, il-problemi tridu tiddiskutuhom. Imma dawn il-kwistjonijiet ħudu ħsiebhom f’ħin imwarrab apposta għalihom.—Proverbji 10:19; 15:23.
IPPROVA DAN: Ikteb żewġ jew tliet kwalitajiet li tapprezza l-aktar fis-sieħeb, jew is-sieħba, tiegħek. Meta jkun imisskom tiddiskutu kwistjonijiet spiritwali li għandhom x’jaqsmu maʼ dawn il-kwalitajiet, għid lis-sieħeb, jew lis-sieħba, tiegħek kemm tapprezza l-mod kif jurihom.
Taħsad Dak li Tiżraʼ
Jekk tiżirgħu, jew tikkultivaw, l-ispiritwalità bħala koppja, eventwalment se taħsdu żwieġ iktar paċifiku u premjanti. Fil-fatt, il-Kelma t’Alla tiggarantixxi li “dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad.”—Galatin 6:7.
Frederick u Leanne, li kienu kwotati fil-bidu taʼ dan l-artiklu, tgħallmu kemm hu minnu dan il-prinċipju tal-Bibbja. Issa ilhom miżżewġin 45 sena u jafu li l-perseveranza ġġib is-suċċess. “Qabel kont inwaħħal f’marti għan-nuqqas taʼ komunikazzjoni,” jgħid Frederick. “Madankollu, maż-żmien, irrealizzajt li jien ukoll kelli nagħmel sforz.” Leanne tgħid: “Il-ħaġa li vera għenitna matul iż-żminijiet diffiċli kienet l-imħabba li t-tnejn kellna għal Alla Ġeħova. Matul is-snin, studjajna u tlabna regolarment flimkien. Hekk kif nara lil Frederick jagħmel sforz biex juri l-kwalitajiet Kristjani b’mod aħjar, jagħmilha iktar faċli għalija biex inħobbu.”
[Nota taʼ taħt]
a L-ismijiet ġew mibdulin.
STAQSI LILEK INNIFSEK . . .
▪ Meta kienet l-aħħar darba li tlabna flimkien bħala koppja?
▪ Jien x’nistaʼ nagħmel biex inħeġġeġ lis-sieħeb, jew lis-sieħba, tiegħi jkun iktar lest li jiddiskuti affarijiet spiritwali miegħi?