Il-Familja Tiegħek Kif Tistaʼ Tkun Hienja?
Tgħallem mill-Kelma t’Alla
Dan l-artiklu jqajjem mistoqsijiet li forsi ġieli staqsejt u juri fejn tistaʼ ssib it-tweġibiet fil-Bibbja tiegħek. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu pjaċir jiddiskutu dawn it-tweġibiet miegħek.
1. Iż-żwieġ għala hu vitali biex ikun hemm l-hena fil-familja?
Ġeħova, l-Alla l-hieni, oriġina ż-żwieġ. Dan hu vitali għall-hena fil-familja għax ma jipprovdix biss sħubija imma wkoll ambjent sigur li fih jitrabbew it-tfal. Alla kif iħares lejn iż-żwieġ? Hu jrid li jkun unjoni reġistrata permanenti u legali bejn raġel u mara. (Luqa 2:1-5) Alla jrid li l-irġiel u n-nisa miżżewġin ikunu leali lejn xulxin. (Ebrej 13:4) Ġeħova jippermetti li l-Kristjani jiddivorzjaw u jerġgħu jiżżewġu biss jekk il-parti l-oħra tikkommetti adulterju.—Aqra Mattew 19:3-6, 9.
2. Raġel u martu kif għandhom jittrattaw lil xulxin?
Ġeħova ħalaq lill-irġiel u lin-nisa biex jaħdmu flimkien id f’id. (Ġenesi 2:18) Bħala l-kap tal-familja, ir-raġel għandu jieħu t-tmexxija f’li jipprovdi materjalment għal familtu u f’li jgħallimhom dwar Alla. Għandu jkollu mħabba mhix egoistika għal martu. L-irġiel u n-nisa miżżewġin għandhom iħobbu u jirrispettaw lil xulxin. Ladarba l-irġiel u n-nisa kollha huma imperfetti, li jitgħallmu jaħfru hu fundamentali għall-hena fiż-żwieġ.—Aqra Efesin 4:31, 32; 5:22-25, 33; 1 Pietru 3:7.
3. Għandek tabbanduna żwieġ li mhuwiex hieni?
Jekk int u l-parti l-oħra tesperjenzaw id-diffikultajiet, irsistu biex tittrattaw lil xulxin bi mħabba. (1 Korintin 13:4, 5) Il-Kelma t’Alla ma tirrikkmandax is-separazzjoni bħala mod kif jissolvew il-problemi fiż-żwieġ. Madankollu, f’sitwazzjonijiet estremi, Kristjan ikollu jiddeċiedi jekk huwiex sewwa li jissepara jew le.—Aqra l-1 Korintin 7:10-13.
4. Tfal, Alla xi jrid għalikom?
Ġeħova jridkom tkunu henjin. Hu jagħtikom l-aħjar pariri dwar kif tgawdu ż-żgħożija tagħkom. Iridkom tibbenefikaw mill-għerf u mill-esperjenza tal-ġenituri tagħkom. (Kolossin 3:20) Ġeħova japprezza kulma tagħmlu biex tfaħħruh.—Aqra Ekkleżjasti 11:9–12:1; Mattew 19:13-15; 21:15, 16.
5. Ġenituri, uliedkom kif jistgħu jsibu l-hena?
Għandkom taħdmu iebes biex tipprovdu l-ikel, il-kenn, u l-ilbies għal uliedkom. (1 Timotju 5:8) Imma sabiex uliedkom isibu l-hena, għandkom bżonn ukoll tgħallmuhom iħobbu lil Alla u jitgħallmu minnu. (Efesin 6:4) L-eżempju tagħkom f’li turu mħabba lejn Alla jistaʼ jinfluwenza profondament qalb uliedkom. Meta tkun ibbażata fuq il-Kelma t’Alla, l-istruzzjoni tagħkom tistaʼ ssawwar il-ħsib taʼ wliedkom b’mod pożittiv.—Aqra Dewteronomju 6:4-7; Proverbji 22:6.
It-tfal jibbenefikaw meta tinkuraġġuhom u tfaħħruhom. Jeħtieġu wkoll il-korrezzjoni u d-dixxiplina. Taħriġ bħal dan jipproteġihom minn kondotta li tistaʼ tisirqilhom l-hena. (Proverbji 22:15) Madankollu, id-dixxiplina qatt m’għandha tkun ħarxa jew krudila.—Aqra Kolossin 3:21.
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jippubblikaw diversi kotba li huma miktubin speċjalment biex jgħinu lill-ġenituri u lit-tfal. Dawn il-kotba huma bbażati fuq il-Bibbja.—Aqra Salm 19:7, 11.
Għal iktar informazzjoni, ara kapitlu 14 taʼ dan il-ktieb, Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.