Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġesù Huwa Alla?

Ġesù Huwa Alla?

IX-​XHIEDA TAʼ ĠEĦOVA jieħdu pjaċir jiddiskutu l-​Bibbja mal-​ġirien tagħhom. Hemm xi suġġett partikulari dwar il-​Bibbja li ġieli ħsibt dwaru? Għandek kurżità dwar xi twemmin jew prattika reliġjuża tax-​Xhieda taʼ Ġeħova? Jekk iva, iżżommx lura milli tqajjem is-​suġġett meta terġaʼ tiġi f’kuntatt max-​Xhieda. Huma jieħdu pjaċir jiddiskutu xi mistoqsijiet bħal dawn miegħek.

Dan li ġej hu konversazzjoni tipika li Xhud taʼ Ġeħova jistaʼ jkollu maʼ ġar. Ħalli nimmaġinaw li Xhud jisimha Karen ħabbtet il-​bieb taʼ mara jisimha Samantha.

Veru li Intom Ma Temmnux f’Ġesù?

Samantha: Il-​qassis jgħid li x-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jemmnux f’Ġesù. Veru?

Karen: Nassigurak li aħna nemmnu f’Ġesù. Fil-​fatt, aħna nemmnu li l-​fidi f’Ġesù hija neċessarja għas-​salvazzjoni.

Samantha: Jien hekk nemmen ukoll.

Karen: Mela din hi xi ħaġa li għandna komuni bejnietna. Jien jisimni Karen, u int?

Samantha: Samantha. Għandi pjaċir.

Karen: Tant ieħor jien. Issa forsi tgħid, ‘Jekk ix-​Xhieda taʼ Ġeħova tassew jemmnu f’Ġesù, għala n-​nies jgħidu mod ieħor?’

Samantha: Kos veru, għaliex jgħidu hekk?

Karen: Fi ftit kliem, Samantha, għandna fidi kbira f’Ġesù, imma ma nemmnux kull ħaġa li n-​nies jgħidu dwaru.

Samantha: Tistaʼ tagħtini eżempju?

Karen: Mela le. Xi wħud jgħidu li Ġesù kien sempliċement raġel tajjeb. Imma aħna ma naqblux maʼ dan il-​ħsieb.

Samantha: Lanqas jien.

Karen: Mela din xi ħaġa oħra li għandna inkomuni. Eżempju ieħor huwa li x-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jaqblux maʼ tagħlim li jikkontradixxi dak li Ġesù stess qal dwar ir-​relazzjoni li għandu mal-​Missier.

Samantha: X’jiġifieri?

Karen: Ħafna reliġjonijiet jgħallmu li Ġesù hu Alla. Forsi int hekk ġejt mgħallma.

Samantha: Iva, hekk jgħid il-​qassis, li Alla u Ġesù huma ħaġa waħda.

Karen: Imma taqbel li l-​aqwa mod biex titgħallem il-​verità dwar Ġesù huwa billi teżamina x’qal dwaru nnifsu?

Samantha: Iva, naqbel miegħek.

X’Qal Ġesù?

Karen: Ejja nikkunsidraw vers mill-​Bibbja li jgħinna nifhmu dan. Jekk jogħġbok, innota x’jgħid Ġwanni 6:38. Ġesù qal: “Jien ma nżiltx mis-​sema biex nagħmel ir-​rieda tiegħi imma r-​rieda taʼ dak li bagħatni.” Issa kieku Ġesù kien Alla, ma taħsibx li jkun hemm xi ħaġa mhux f’lokha f’din l-​istqarrija?

Samantha: X’jiġifieri?

Karen: Innota li Ġesù ma qalx li niżel mis-​sema biex jagħmel ir-​rieda tiegħu stess.

Samantha: Veru, hu qal li ġie biex jagħmel ir-​rieda tal-​Wieħed li bagħtu.

Karen: Imma jekk Ġesù hu Alla, min bagħtu fuq l-​art? U Ġesù għala qagħad għar-​rieda taʼ dak il-​Wieħed?

Samantha: Qed nifhem x’int tgħid. Imma m’iniex ċerta li dan il-​vers wieħed juri li Ġesù mhuwiex Alla.

Karen: Iżda nnota x’qal Ġesù f’okkażjoni oħra. Hu għamel stqarrija simili fil-​kapitlu li jmiss taʼ Ġwanni. Tridx taqra Ġwanni 7:16?

Samantha: Iva, mela le. “Imbagħad, Ġesù wieġeb u qalilhom: ‘Dak li ngħallem m’huwiex tiegħi, imma taʼ dak li bagħatni.’”

Karen: Grazzi. Skont dan il-​vers, għallem Ġesù l-​ideat tiegħu stess?

Samantha: Le, hu qal li t-​tagħlim tiegħu huwa tal-​Wieħed li bagħtu.

Karen: Hekk hu. Mela għal darb’oħra nistgħu nerġgħu nistaqsu: ‘Min bagħat lil Ġesù? U min għallmu l-​veritajiet li għallem?’ Allura dan il-​Wieħed ma jkunx akbar minn Ġesù? Wara kollox, il-​Wieħed li jibgħat huwa superjuri għall-​wieħed li ntbagħat.

Samantha: Interessanti. Qatt ma kont qrajtha din is-​silta.

Karen: Ikkunsidra wkoll il-​kliem taʼ Ġesù mniżżel fi Ġwanni 14:28: “Smajtu li għedtilkom, Sejjer u nerġaʼ niġi għandkom. Kieku ħabbejtuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-​Missier, għax il-​Missier akbar minni.” Skont dan il-​vers, kif taħseb li Ġesù kien iqis lilu nnifsu meta mqabbel mal-​Missier?

Samantha: Hu qal li l-​Missier akbar minnu. Nissopponi li hu kien iħares lejn Alla bħala superjuri għalih.

Karen: Eżatt. Biex nagħtik eżempju ieħor, innota x’qal Ġesù lid-​dixxipli tiegħu kif imniżżel f’​Mattew 28:18. Dan il-​vers jgħid: “Lili ngħatat kull awtorità fis-​sema u fuq l-​art.” Allura, qal Ġesù li dejjem kellu kull awtorità?

Samantha: Le, hu qal li ngħatatlu.

Karen: Imma jekk Ġesù hu Alla, kif setaʼ jingħata iktar awtorità? U min tahielu?

Samantha: Taʼ min jaħseb fuqha din!

Lil Min Kien Qed Ikellem?

Karen: Jekk Ġesù huwa verament Alla, hemm xi ħaġa oħra li tistaʼ tfixkilna.

Samantha: Bħal xiex?

Karen: Minħabba dak li naqraw dwar il-​magħmudija taʼ Ġesù. Innota r-​rakkont imniżżel f’​Luqa 3:21, 22. Tixtieq taqrahom dawn il-​versi?

Samantha: “Issa, meta tgħammdu n-​nies kollha, Ġesù tgħammed ukoll u, waqt li kien qed jitlob, infetaħ is-​sema u niżel fuqu l-​ispirtu qaddis bħal sura taʼ ħamiema, u ġie leħen mis-​sema: ‘Int Ibni, il-​maħbub; jien approvajtek.’”

Karen: Innotajt x’kien qed jagħmel Ġesù waqt li kien qed jitgħammed?

Samantha: Kien qed jitlob.

Karen: Iva. Allura, għandna mnejn nistaqsu lilna nfusna, ‘Jekk Ġesù huwa Alla, lil min kien qed jitlob?’

Samantha: Mistoqsija tajba din! Nistaqsihielu lill-​qassis.

Karen: Hemm xi ħaġ’oħra li għandna naħsbu dwarha: innota li wara li Ġesù telaʼ mill-​ilma, xi ħadd tkellem mis-​sema. Rajt x’qal dan il-​Wieħed?

Samantha: Hu qal li Ġesù kien Ibnu, li kien iħobbu, u li kien japprovah.

Karen: Hekk hu. Imma jekk Ġesù hu Alla, min qal dawn l-​affarijiet mis-​sema?

Samantha: Qatt ma ħsibt dwarha b’dan il-​mod.

Għala “Missier” u “Iben”?

Karen: Ikkunsidra dan ukoll: Aħna qrajna li Ġesù tkellem dwar Alla bħala li hu Missieru tas-​sema. U meta Ġesù tgħammed, leħen mis-​sema rrefera għal Ġesù bħala Ibnu. Fil-​fatt, b’mod speċifiku Ġesù sejjaħ lilu nnifsu Iben Alla. Issa, kieku ridt tgħallimni li tnejn minn nies huma ndaqs, x’tip taʼ relazzjoni f’familja għandek mnejn tuża bħala tixbiha biex toħroġ il-​punt?

Samantha: Naħseb nuża dik taʼ żewġ aħwa.

Karen: Eżatt—forsi anki taʼ tewmin identiċi. Imma Ġesù rrefera għal Alla bħala l-​Missier u għalih innifsu bħala l-​Iben. Allura, x’messaġġ taħseb li ried iwassal Ġesù?

Samantha: Qed nifhem il-​punt tiegħek. Ġesù qed jiddeskrivi individwu bħala li hu akbar u li għandu aktar awtorità mill-​ieħor.

Karen: Eżatt. Aħseb dwar dan: Int stajt taħseb f’tixbiha tant adattata rigward l-​ugwaljanza, dik taʼ aħwa jew tewmin. Jekk Ġesù verament kien Alla, ma taħsibx li Ġesù, bħala l-​Għalliem il-​Kbir, setaʼ ħaseb fl-​istess paragun—jew saħansitra f’eżempju aktar ċar tal-​ugwaljanza?

Samantha: Hekk naħseb.

Karen: Imma, minflok, hu uża l-​kliem “Missier” u “Iben” biex jiddeskrivi r-​relazzjoni tiegħu m’Alla.

Samantha: Qajjimt punt interessanti.

Is-​Segwaċi tal-​Bidu taʼ Ġesù X’Qalu?

Karen: Qabel ma nitlaq, nixtieq nikkunsidra miegħek aspett ieħor dwar dan is-​suġġett, dejjem jekk għandek ċans.

Samantha: Iva, għandi ftit minuti.

Karen: Jekk Ġesù huwa verament Alla, ma taħsibx li d-​dixxipli taʼ Ġesù kienu se jgħidu dan b’mod ċar?

Samantha: Jagħmel sens.

Karen: Imma mkien fl-​Iskrittura ma naqraw li għallmu dan. Għall-​kuntrarju, innota x’kiteb wieħed mis-​segwaċi tal-​bidu taʼ Ġesù, l-​appostlu Pawlu. F’​Filippin 2:9, hu jiddeskrivi x’għamel Alla wara l-​mewt u l-​irxoxt taʼ Ġesù: “Alla eżaltah [lil Ġesù] għal pożizzjoni superjuri u b’qalb tajba tah l-​isem li hu fuq kull isem ieħor.” Mela skont dan il-​vers, Alla x’għamel għal Ġesù?

Samantha: Dan il-​vers jgħid li Alla eżaltah għal pożizzjoni superjuri.

Karen: Iva. Imma jekk Ġesù kien daqs Alla qabel ma miet u Alla mbagħad eżaltah għal pożizzjoni ogħla, ma jagħmilx dan lil Ġesù akbar minn Alla? Kif jistaʼ jkun li xi ħadd ikun superjuri għal Alla?

Samantha: Ma jistax ikun. Huwa impossibbli.

Karen: Naqbel. Mela, meta tikkunsidra din l-​evidenza kollha, taħseb li l-​Bibbja tgħallem li Ġesù huwa Alla?

Samantha: Le, ma jidhirx li hu hekk. Il-​Bibbja tgħid li hu Iben Alla.

Karen: Hekk hu. Imma ħalli nassigurak, Samantha, li x-​Xhieda taʼ Ġeħova jirrispettaw bil-​kbir lil Ġesù. Aħna nemmnu li l-​mewt tiegħu, bħala l-​Messija mwiegħed, fetħet it-​triq għas-​salvazzjoni tal-​bnedmin leali kollha.

Samantha: Hekk nemmen jien ukoll.

Karen: Mela, għandek mnejn taħseb, ‘Kif nistgħu nuru lil Ġesù li aħna napprezzaw il-​fatt li ta ħajtu għalina?’ a

Samantha: Ġieli ħsibt dwar dan.

Karen: Forsi nerġaʼ ngħaddilek u naqsam miegħek it-​tweġiba mill-​Bibbja. Tkun id-​dar dal-​ħin il-​ġimgħa d-​dieħla?

Samantha: Iva, hawn inkun.

Karen: Tajjeb, mela narak.

[Nota ta’ taħt]