Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet

Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet

X’QANQAL lil wieħed raġel jerġaʼ lura għat-​trobbija reliġjuża li kien tbiegħed minnha? Żagħżugħ kif sab it-​tip taʼ missier li kien ixxennaq għalih ħajtu kollha? Aqra x’għandhom x’jgħidu dawn in-​nies.

“Kelli Bżonn Nerġaʼ Lura Lejn Ġeħova.”​—ELIE KHALIL

SENA TAT-​TWELID: 1976

POST TAT-​TWELID: ĊIPRU

STORJA: IBEN PRODIGU

IL-​PASSAT TIEGĦI: Twilidt Ċipru imma trabbejt l-​Awstralja. Il-​ġenituri tiegħi huma Xhieda taʼ Ġeħova, u għamlu l-​almu tagħhom biex inaqqxu fija mħabba għal Ġeħova u għall-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Però, meta kont adoloxxenti bdejt nirribella. Kont noħroġ mid-​dar inkiss inkiss bil-​lejl biex niltaqaʼ m’adoloxxenti oħrajn. Konna nisirqu l-​karozzi u nidħlu f’ħafna inkwiet.

Għall-​ewwel, dawn l-​affarijiet kont nagħmilhom bil-​moħbi għax kont nibżaʼ li nweġġaʼ lill-​ġenituri tiegħi. Imma bil-​mod il-​mod dan il-​biżaʼ sfaxxa fix-​xejn. Żviluppajt ħbiberiji maʼ nies ħafna akbar minni li ma kellhomx imħabba għal Ġeħova, u dawn kellhom influwenza negattiva fuqi. Fl-​aħħar, għedt lill-​ġenituri tiegħi li ma xtaqtx inkompli fir-​reliġjon tagħhom. Huma bil-​paċenzja pprovaw jgħinuni, imma rrifjutajt l-​isforzi kollha tagħhom. Il-​ġenituri tiegħi kellhom qalbhom maqsuma.

Wara li tlaqt mid-​dar, bdejt nesperimenta bid-​drogi, saħansitra kont inkabbar u nbigħ ammonti kbar taʼ marijuana. Kont ngħix ħajja immorali u qattajt ħafna ħin nixxala fid-​diskoteki. Beda wkoll jitlagħli malajr. Jekk xi ħadd kien jgħid jew jagħmel xi ħaġa li ma kinitx togħġobni, kont nimtela bir-​rabja, u spiss kont ngħajjat man-​nies u nsawwathom. Bażikament, għamilt dak kollu li ġejt mgħallem biex ma nagħmilx bħala Kristjan.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI: Sirt ħabib kbir taʼ ġuvni li wkoll kien jieħu d-​drogi u li kien tilef lil missieru f’età żgħira. Spiss konna nibqgħu mqajmin nitkellmu sa tard bil-​lejl. Kultant, f’dawk l-​iljieli, kien jiftaħ qalbu u jgħidli kemm kien jimmissja lil missieru. Peress li kont trabbejt bit-​tama tal-​irxoxt, ma domtx ma sibtni ngħidlu dwar Ġesù—li qajjem lill-​mejtin u li jwiegħed li jagħmel l-​istess fil-​futur. (Ġwanni 5:28, 29) “Immaġinak terġaʼ tara lil missierek,” kont ngħidlu. “Ilkoll nistgħu ngħixu għal dejjem f’Ġenna fuq l-​art.” Dawn il-​ħsibijiet lil sieħbi messewlu qalbu.

Drabi oħra, sieħbi kien iqajjem suġġetti bħall-​aħħar jiem jew id-​duttrina tat-​Trinità. Kont naqbad il-​Bibbja tiegħu u nurih diversi skritturi li jikxfu l-​verità dwar Alla Ġeħova, Ġesù, u l-​aħħar jiem. (Ġwanni 14:28; 2 Timotju 3:1-​5) Iktar ma tkellimt dwar Ġeħova maʼ sieħbi, iktar sibt ruħi naħseb dwar Ġeħova.

Bil-​mod il-​mod, iż-​żrieragħ tal-​verità tal-​Bibbja li kienu inattivi f’qalbi—żrieragħ li l-​ġenituri tiegħi kienu stinkaw biex jiżirgħu—bdew jikbru. Pereżempju, kultant meta kont inkun f’xi party nieħu d-​drogi maʼ sħabi, kont f’daqqa waħda nibda naħseb dwar Ġeħova. Ħafna minn sħabi qalu li kienu jħobbu lil Alla, imma bil-​kondotta tagħhom kienu juru mod ieħor. Peress li ma xtaqtx inkun hekk, indunajt x’kelli bżonn nagħmel. Kelli bżonn nerġaʼ lura lejn Ġeħova.

Naturalment, bejn li tkun taf x’għandek tagħmel u bejn li attwalment tagħmlu hemm baħar jaqsam. Xi bidliet kienu faċli biex nagħmilhom; ma sibthiex daqshekk diffiċli biex naqtaʼ d-​droga. Ukoll, ma bqajtx nissieħeb maʼ dawk taʼ qabel, u bdejt nistudja l-​Bibbja m’anzjan Kristjan.

Madankollu, bidliet oħrajn kienu ħafna iktar diffiċli. L-​iktar li sibtha diffiċli kien li nikkontrolla r-​rabja tiegħi. Kultant kont immur tajjeb għal xi żmien u mbagħad kont nerġaʼ naqaʼ. Wara kont inħossni ħati u diżappuntat. Skuraġġit, avviċinajt l-​anzjan li kien qed jistudja l-​Bibbja miegħi. Hu dejjem kien paċenzjuż u qalbu tajba, u kien sors veru taʼ inkuraġġiment. Darba minnhom, qalli biex naqra artiklu fit-​Torri tal-​Għassa dwar l-​importanza li ma naqtgħux qalbna. a Tkellimna dwar passi li stajt nieħu meta kont inħossni rrabjat. Ftit ftit, bl-​artiklu f’moħħi u b’ħafna talb lil Ġeħova, irnexxieli nikkontrolla t-​tempra. Fl-​aħħar, f’April tal-​2000, tgħammidt bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. M’għandniex xi ngħidu, ommi u missieri kienu ferħanin se jtiru.

KIF IBBENEFIKAJT: Issa għandi l-​paċi tal-​moħħ u kuxjenza nadifa, għax naf li m’għadnix inħammeġ ġismi bid-​drogi jew bl-​immoralità. Nagħmel x’nagħmel, kemm fuq ix-​xogħol, kemm fil-​laqgħat Kristjani, kif ukoll waqt xi tip taʼ rikreazzjoni, inħossni ħafna iktar ferħan. Għandi ħarsa pożittiva lejn il-​ħajja.

Nirringrazzja lil Ġeħova għall-​ġenituri tiegħi, li qatt ma qatgħu qalbhom minni. Naħseb ukoll fi kliem Ġesù li nsibu fi Ġwanni 6:44: “Ebda bniedem ma jistaʼ jiġi għandi jekk ma jiġbdux il-​Missier li bagħatni.” Il-​ħsieb li rnexxieli nerġaʼ lura lejn Ġeħova għax hu ġibidni lejh verament imissli qalbi.

“Ixxennaqt Għal Missier.”​—MARCO ANTONIO ALVAREZ SOTO

SENA TAT-​TWELID: 1977

POST TAT-​TWELID: IĊ-​ĊILI

STORJA: MEMBRU TAʼ GRUPP LI JDOQQ ID-​DEATH METAL

IL-​PASSAT TIEGĦI: Rabbietni ommi f’Punta Arenas, belt sabiħa fuq l-​Istrett taʼ Magellan ħdejn in-​Nofsinhar tal-​Amerika t’Isfel. Missieri u ommi sseparaw meta kelli ħames snin, u dan ġegħelni nħossni abbandunat. Ixxennaqt għal missier.

Ommi kienet tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova, u kienet tiħodni għal-​laqgħat Kristjani fis-​Sala tas-​Saltna. Però, jien kont nobgħod immur il-​laqgħat, u spiss kont inwerżaq u nsabbat saqajja aħna u sejrin. Meta kelli 13-​il sena, ma bqajtx nattendi.

Sa dak iż-​żmien, kont rawwimt imħabba għall-​mużika, u indunajt li kont ninqalaʼ fiha. Sakemm kelli 15-​il sena, kont qed indoqq il-​mużika heavy-​metal u death-​metal fil-​festi, fil-​ħwienet tax-​xorb, u f’parties privati. Is-​sħubija tiegħi maʼ mużiċisti bravi ħafna qanqlet fija interess fil-​mużika klassika. Bdejt nistudja l-​mużika fi skola lokali tal-​mużika. Meta kelli 20 sena mort noqgħod fil-​belt kapitali, Santiago, biex inkompli bl-​istudju tiegħi. Komplejt ukoll indoqq maʼ gruppi tal-​heavy-​metal u d-​death-​metal.

Tul dan iż-​żmien kollu kont inħossni ma niswa għal xejn. Biex nipprova ntaffi dawn is-​sentimenti, kont nisker u nieħu d-​drogi maʼ sħabi tal-​grupp, li kont inqishom familti. Kelli attitudni ribelluża, li kienet tidher ċara fid-​dehra tiegħi. Kont nilbes ħwejjeġ skuri, ħallejt id-​daqna, u tawwalt xagħri kważi sa qaddi.

Darba wara l-​oħra, minħabba l-​attitudni tiegħi spiċċajt niġġieled u fl-​inkwiet mal-​pulizija. Darba fost l-​oħrajn, taħt l-​influwenza tal-​alkoħol, attakkajt grupp taʼ traffikanti tad-​droga li kienu qed idejqu lili u lil sħabi. It-​traffikanti tad-​droga tant sawtuni li spiċċajt b’xedaq imkisser.

Madankollu, l-​akbar uġigħ tiegħi ġie minn dawk li kienu l-​eqreb tiegħi. Ġurnata minnhom, sirt naf li l-​għarusa tiegħi kienet ilha snin sħaħ taqlibhieli mal-​aqwa ħabib tiegħi, u sħabi kollha kienu ħbew dan minni. Ħassejtni mkisser emozzjonalment.

Erġajt mort noqgħod Punta Arenas, fejn bdejt ngħallem il-​mużika u naħdem bħala vjolinċellista. Komplejt ukoll indoqq u nirrekordja maʼ gruppi tal-​heavy-​metal u d-​death-​metal. Iltqajt maʼ tfajla gustuża jisimha Sussan, u bdejna ngħixu flimkien. Xi żmien wara, Sussan saret taf li ommha kienet temmen fid-​duttrina tat-​Trinità u li jien ma kontx nemmen fiha. “Allura, x’inhi l-​verità?” staqsietni. Wiġibtha li kont naf li d-​duttrina tat-​Trinità hi falza imma li ma stajtx nagħtiha prova mill-​Bibbja. Imma kont naf min setaʼ. Għedtilha li x-​Xhieda taʼ Ġeħova setgħu juruha l-​verità mill-​Bibbja. Imbagħad għamilt xi ħaġa li kont ilni snin sħaħ ma nagħmilha—tlabt lil Alla għall-​għajnuna tiegħu.

Ftit jiem wara, rajt raġel li deher familjari, u staqsejtu jekk kienx wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Għalkemm kien ovvju li ħassu xi ftit beżgħan minħabba d-​dehra tiegħi, b’qalb tajba wieġeb il-​mistoqsijiet li kelli rigward il-​laqgħat fis-​Sala tas-​Saltna. Kont konvint li dan li ġara kien it-​tweġiba għal talbi. Mort is-​Sala tas-​Saltna u qgħadt fl-​aħħar ringiela sabiex ħadd ma jinduna bija. Però, ħafna bdew jagħrfuni minn meta kont nattendi bħala tifel. Tant laqgħuni u ħaddnuni b’affezzjoni li ħassejt paċi kbira ferm. Ħassejtni bħallikieku kont irritornajt id-​dar. Meta rajt lir-​raġel li kien għallimni l-​Bibbja meta kont żgħir, staqsejtu biex jerġaʼ jistudja miegħi.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI: Ġurnata minnhom, qrajt Proverbji 27:11, li jgħid: “Ibni, kun għaref u ferraħli qalbi.” Bqajt impressjonat bil-​ħsieb li sempliċi bniedem setaʼ jferraħ lill-​Ħallieq tal-​univers. Irrealizzajt li Ġeħova kien il-​Missier li kont ilni ħajti kollha nfittex!

Ridt nogħġob lil Missieri tas-​sema u nagħmel ir-​rieda tiegħu, imma kont ilsir tad-​drogi u tal-​alkoħol għal bosta snin. Sirt nifhem it-​tagħlim taʼ Ġesù li jinsab f’​Mattew 6:24, li jgħid li “ħadd ma jistaʼ jkun ilsir taʼ żewġ sidien.” Hekk kif issilitt biex nagħmel bidliet, il-​prinċipju mniżżel fl-​1 Korintin 15:33 kellu effett profond fuqi: “Kumpanija ħażina tħassar id-​drawwiet siewja.” Indunajt li ma stajtx naqtaʼ l-​vizzji li kelli jekk ma kontx se nieqaf immur l-​istess postijiet u nissieħeb mal-​istess nies. Il-​parir tal-​Bibbja kien ċar: Kelli nagħmel passi drastiċi biex nitlaq l-​affarijiet li kienu qed iġegħluni nitfixkel.—Mattew 5:30.

L-​imħabba tiegħi għall-​mużika għamlet id-​deċiżjoni tiegħi biex ma nibqax indoqq jew nismaʼ l-​heavy-​metal l-​iktar deċiżjoni diffiċli li qatt kelli nieħu. Imma bl-​għajnuna taʼ sħabi fil-​kongregazzjoni, sa fl-​aħħar irnexxieli ninħeles minnha. Ma bqajtx nixrob iżżejjed u nieħu d-​drogi. Ukoll, qtajt xagħri, qaxxart id-​daqna, u ma bqajtx nilbes iswed biss. Meta għedt lil Sussan li ridt naqtaʼ xagħri, il-​kurżità għelbitha. Qalet, “Ħa niġi miegħek biex nara x’tagħmlu f’din is-​Sala tas-​Saltna!” Dak li rat għoġobha ħafna, u ma damitx ma bdiet tistudja l-​Bibbja hi wkoll. Eventwalment, jien u Sussan iżżewwiġna. Fl-​2008, tgħammidna bħala Xhieda taʼ Ġeħova. Aħna ferħanin li ngħaqadna m’ommi f’li naqdu lil Ġeħova.

KIF IBBENEFIKAJT: Ħrabt minn dinja taʼ ferħ falz u ħbieb qarrieqa. Għadni nħobb il-​mużika imma issa noqgħod attent x’nismaʼ. Nuża l-​esperjenzi tiegħi biex ngħin lil membri tal-​familja u oħrajn, speċjalment iż-​żgħażagħ. Irrid ngħinhom jaraw li ħafna minn dak li toffri din id-​dinja forsi jidher attraenti, imma fl-​aħħar mill-​aħħar hu biss “qabda skart.”—Filippin 3:8.

Sibt ħbieb leali fil-​kongregazzjoni Kristjana, fejn hemm imħabba u paċi vera. Fuq kollox, billi rsaqt qrib lejn Ġeħova, fl-​aħħar sibt lil Missieri.

[Nota ta’ taħt]

a L-​artiklu, intitolat “Suċċess Permezz tal-​Perseveranza,” deher fil-​ħarġa tal-​1 taʼ Frar, 2000, paġni 4-​6.

[Kumment f’paġna 13]

“Irnexxieli nerġaʼ lura lejn Ġeħova għax hu ġibidni lejh”