Il-Kristjani Għala Jitgħammdu?
Tgħallem mill-Kelma t’Alla
Dan l-artiklu jqajjem mistoqsijiet li forsi ġieli ħsibt dwarhom u juri fejn tistaʼ ssib it-tweġibiet fil-Bibbja tiegħek. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu pjaċir jiddiskutu dawn it-tweġibiet miegħek.
1. Xi tfisser il-magħmudija Kristjana?
Il-magħmudija hija mod kif titlob lil Alla biex ikollok relazzjoni tajba miegħu. Allura, Kristjan m’għandux jitgħammed meta jkun tarbija, imma meta jkun kiber biżżejjed biex jitgħallem dwar Alla u jsir dixxiplu taʼ Ġesù. (Atti 8:12; 1 Pietru 3:21) Insiru dixxipli taʼ Ġesù meta nitgħallmu u nagħmlu l-affarijiet li ordnalna.—Aqra Mattew 28:19, 20.
Fi żmien l-appostli taʼ Ġesù, ħafna wħud ħadu azzjoni mingħajr dewmien sabiex jitgħallmu dwar Alla u Ġesù. Pereżempju, meta raġel tgħallem li l-mewt taʼ Ġesù kienet fetħet it-triq għas-salvazzjoni, hu mill-ewwel sar dixxiplu. Illum, ħafna wħud sinċieri għażlu li jsiru segwaċi taʼ Ġesù.—Aqra Atti 8:26-31, 35-38.
2. Ġesù għala tgħammed?
Ġesù kellu xi 30 sena meta Ġwanni l-Għammied għaddsu fl-ilma tax-Xmara Ġordan. Il-magħmudija taʼ Ġesù rrappreżentat id-deċiżjoni tiegħu li jagħmel ir-rieda t’Alla għalih. (Ebrej 10:7) Dan kellu jinkludi li jagħti ruħu bħala sagrifiċċju għad-dnubiet tal-umanità. Anki qabel ma niżel mis-sema biex jgħix fuq l-art, Ġesù dejjem ħabb u obda lil Missieru, Ġeħova.—Aqra Marku 1:9-11; Ġwanni 8:29; 17:5.
3. Kristjan għala għandu jitgħammed?
Is-sitwazzjoni tagħna hi differenti minn dik taʼ Ġesù—aħna nitwieldu midinbin. Imma l-mewt taʼ Ġesù bħala sagrifiċċju tagħmilha possibbli għalina biex ikollna relazzjoni tajba m’Alla. (Rumani 5:10, 12; 12:1, 2) Fil-fatt, huwa possibbli għalina li nappartjenu lilu bħala parti mill-familja tiegħu. (2 Korintin 6:18) Kif nistgħu niksbu dan il-privileġġ? F’talb privat, aħna niddedikaw lilna nfusna lil Ġeħova, billi nwiegħdu li nagħmlu r-rieda tiegħu għall-kumplament taʼ ħajjitna. Wara li nagħmlu dedikazzjoni bħal din, nissimbolizzawha fil-pubbliku billi nitgħammdu.—Aqra Mattew 16:24; 1 Pietru 4:2.
4. Int kif tistaʼ tipprepara ruħek għall-magħmudija?
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jistudjaw il-Bibbja maʼ kull min irid jersaq qrib lejn Alla. L-istudju tal-Bibbja u l-attendenza għal-laqgħat Kristjani se jsaħħu l-imħabba tiegħek għal Alla u l-fidi tiegħek fih. Se jgħinuk ukoll trawwem attitudnijiet u drawwiet tajbin. Billi tiżviluppa l-imħabba, il-fidi, u kwalitajiet divini oħrajn se tiġi megħjun biex tgħix fi qbil mal-wegħda tiegħek li taqdi lil Ġeħova għal dejjem.—Aqra Ġwanni 17:3; Ebrej 10:24, 25.
Għal iktar informazzjoni, ara kapitlu 18 taʼ dan il-ktieb, Il-Bibbja X’tgħallem Verament?, li hu ppubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.