Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont Taf?

Kont Taf?

X’ried ifisser Ġesù meta qal biex wieħed jimxi t-​tieni kilometru?

Fil-​Prietka famuża tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù ta l-​parir: “Jekk xi ħadd fl-​awtorità jġiegħlek timxi miegħu kilometru, mur miegħu tnejn.” (Mattew 5:41) X’aktarx li s-​semmiegħa taʼ Ġesù fehmu li dik l-​istqarrija kienet tirreferi għas-​servizz obbligatorju, li xi awtorità setgħet titlob mingħand iċ-​ċittadini.

Fl-​ewwel seklu E.K., Iżrael kien taħt ir-​Rumani. Dawn ma kinux jaħsbuha darbtejn biex jisforzaw lin-​nies jew lill-​annimali biex jaħdmu għalihom jew biex jaħtfu kwalunkwe ħaġa li kienu jqisuha meħtieġa sabiex iħaffu negozju uffiċjali. Pereżempju, is-​suldati Rumani kkmandaw lil Xmun minn Ċirene biex iġorr l-​għuda tat-​tortura taʼ Ġesù sal-​post tal-​mewt tiegħu. (Mattew 27:32) Tagħbijiet bħal dawn kienu oppressivi, xejn popolari, u mibgħudin immensament mil-​Lhud.

Id-​distanza li ċ-​ċittadini setgħu jkunu mġegħlin iġorru tagħbija mhijiex magħrufa. Madankollu, huwa diffiċli biex timmaġina li huma kienu lesti jmorru iżjed ’il bogħod minn kemm kien mitlub minnhom b’mod strett. B’hekk, meta Ġesù ħeġġeġ lis-​semmiegħa tiegħu jmorru t-​tieni kilometru, biex ngħidu hekk, hu kien qed jgħidilhom biex mingħajr stmerrija jagħmlu dawk is-​servizzi mitlubin minnhom bi dritt mill-​awtoritajiet.—Marku 12:17.

Min kien Anna, imsemmi fir-​rakkonti tal-​Evanġelju?

▪ Fi żmien il-​ġuri taʼ Ġesù, Anna (Ananu) ġie deskritt bħala “qassis ewlieni.” (Luqa 3:2; Ġwanni 18:13; Atti 4:6) Fil-​fatt, hu kien ħaten il-​qassis il-​kbir taʼ Iżrael, Kajfa, u hu stess kien qeda bħala qassis il-​kbir minn madwar is-​sena 6 jew 7 E.K. sa madwar is-​sena 15 E.K., meta tneħħa mill-​kariga mill-​prokuratur Ruman Valerju Gratu. Minkejja dan, bħala wieħed li qabel kien qassis il-​kbir, Anna kompla jkun setgħan f’Iżrael. Ħamsa minn uliedu subien u r-​raġel taʼ bintu kellhom il-​kariga taʼ qassis il-​kbir.

Dment li Iżrael baqaʼ ġens indipendenti, il-​qassis il-​kbir baqaʼ fil-​kariga tiegħu għal għomru. (Numri 35:25) Madankollu, taħt il-​ħakma Rumana fuq Iżrael, il-​qassis il-​kbir qeda bl-​approvazzjoni tal-​gvernaturi Rumani u s-​slaten maħturin minn Ruma, u huma setgħu jneħħuh mill-​kariga. L-​istorjografu Ġużeppi Flavju jirrapporta li Kirinu, il-​gvernatur Ruman tas-​Sirja, neħħa lil ċertu wieħed jismu Joazar mill-​kariga taʼ qassis il-​kbir f’madwar is-​sena 6 jew 7 E.K. u ħatar lil Anna minfloku. Madankollu, jidher li dawn il-​ħakkiema pagani ħadu ħsieb li jagħżlu lill-​maħturin il-​ġodda minn fost il-​qassisin.

Il-​familja taʼ Anna kienu magħrufin minn kulħadd għar-​regħba tagħhom u għall-​ġid kbir li kellhom. Milli jidher huma akkwistaw l-​għana minħabba li kkontrollaw il-​bejgħ taʼ oġġetti meħtieġa għas-​sagrifiċċji fil-​limiti tat-​tempju, bħal ħamiem, nagħaġ, żejt, u nbid. Ġużeppi Flavju jgħid li Ananu (Ananija), bin Anna, kellu “qaddejja li kienu brikkuni ħafna u li [kienu] jieħdu b’forza l-​għexur tal-​qassisin; lanqas ma żammew lura milli jsawtu lil dawk li rrifjutaw li jagħtu.”