“Baqaʼ Mqabbad maʼ Ġeħova”
Għallem lil Uliedek
ĠIELI qalulek biex tibqaʼ mqabbad maʼ xi ħaġa jew biex tirsisti għal xi ħaġa?— a Kemm il-ġenituri kif ukoll l-għalliema għandhom mnejn jgħidu lit-tfal biex jibqgħu jirsistu fl-istudju tagħhom. Dan ifisser li għandhom iqisuh bħala xi ħaġa importanti. Aħna se nitkellmu dwar raġel li fil-Bibbja hu msemmi bħala wieħed li “baqaʼ mqabbad maʼ Ġeħova,” l-Alla l-veru. Dan ir-raġel jismu Ħeżekija. Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju tiegħu.
Ħeżekija ma kellux tfulija pjaċevoli. Missieru, Aħaż, is-sultan taʼ Ġuda, ma baqax jaqdi lil Ġeħova. Aħaż kien minn taʼ quddiem biex iqim lill-allat foloz meta Ħeżekija kien għadu tifel. Hu saħansitra qatel minn tal-inqas lil wieħed minn uliedu, jiġifieri, lil ħu Ħeżekija stess, billi offrieh bħala sagrifiċċju lil wieħed mill-allat li kien iqim!
Minkejja li Aħaż kompla jagħmel affarijiet ħżiena, Ħeżekija baqaʼ jobdi lil Ġeħova. Taħseb li din kienet xi ħaġa diffiċli għalih?— X’aktarx li kienet. Iżda Ħeżekija ma qatax qalbu! Ejja naraw kif irnexxielu jibqaʼ mqabbad maʼ Ġeħova u kif aħna nistgħu nagħmlu l-istess.
Ħeżekija tgħallem dwar persuni oħrajn li baqgħu mqabbdin maʼ Ġeħova. David kien wieħed minnhom. Għalkemm David għex mijiet taʼ snin qabel, Ħeżekija setaʼ jitgħallem dwaru mill-Iskrittura. David kiteb: “Kieku missieri u ommi stess jitilquni, Ġeħova jilqagħni għandu.”
Qed tinnota x’kien li għen lil David jobdi lil
Ġeħova?— Il-fidi tiegħu! David kien ċert li jekk jobdi lil Ġeħova, hu se jgħinu. David ma kellux l-iċken dubju dwar dan! Meta Ħeżekija qagħad jaħseb dwar David, żgur li dan għenu jibqaʼ mqabbad maʼ Ġeħova billi jkun ubbidjenti lejh. Int ukoll tistaʼ tibqaʼ ċert li Ġeħova se jgħinek jekk tibqaʼ mqabbad miegħu billi tkun ubbidjenti lejh.Iżda, xi ngħidu jekk ommok jew missierek stess ma jqimx lil Ġeħova?— Alla jgħid li t-tfal għandhom jobdu lill-ġenituri tagħhom. Għalhekk, int għandek tobdi lill-ġenituri tiegħek. Madankollu, jekk il-ġenituri tiegħek jgħidulek biex tagħmel xi ħaġa li Alla jgħidlek biex ma tagħmilhiex, int tistaʼ tagħti raġuni għala ma tistax tagħmilha. M’għandekx tigdeb, tisraq, jew tagħmel kwalunkwe ħaġa ħażina oħra li Alla jgħid li hi ħażina, ikun min ikun li jgħidlek tagħmilha. Tagħmel sew jekk tobdi lil Alla!
Għandna ħafna eżempji tajbin li nistgħu nimitaw. Ħeżekija ma kellux biss l-eżempju taʼ David imma wkoll taʼ nannuh stess, Ġotam. Ġotam miet qabel ma twieled Ħeżekija. Imma Ħeżekija xorta waħda setaʼ jitgħallem dwar Ġotam. U aħna llum nistgħu nagħmlu l-istess permezz tal-Bibbja. Tistaʼ taħseb dwar xi eżempji tajbin oħrajn li nistgħu nimitaw?—
Huwa minnu li fil-Bibbja tistaʼ ssir taf dwar xi żbalji li għamlu Ħeżekija, David, Ġotam, u nies imperfetti oħrajn. Imma dawn in-nies kienu jħobbu lil Ġeħova, ammettew l-iżbalji tagħhom, u pprovaw jagħmlu dak li kien sewwa. Ftakar li l-Iben t’Alla biss, Ġesù, kien perfett. Mela ejja nitgħallmu iktar dwaru u nagħmlu ħilitna biex insegwu l-eżempju tiegħu.
Aqra mill-Bibbja tiegħek
2 Slaten 18:6; 2 Kronaki 28:1-3
Salm 27:10; Efesin 6:1; Kolossin 3:20
2 Kronaki 27:1, 2; 1 Pietru 2:21
[Nota ta’ taħt]
a Jekk qed taqra mat-tfal, is-sinjal qiegħed hemm biex ifakkrek li għandek tieqaf u tinkuraġġixxi lit-tfal jesprimu ruħhom.