Fejn il-Fruntieri Ma Jfissru Xejn
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jagħmlu l-almu tagħhom biex jegħlbu kulma joħloq firda bejn in-nies. Huma jsegwu l-prinċipju li hemm fil-kliem li Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom ilkoll aħwa.” (Mattew 23:8) Dan jidher sew f’żewġ postijiet tal-qima tax-Xhieda—wieħed fil-Portugall u l-ieħor fi Spanja.
IL-BELT taʼ Valença do Minho, li hi mdawra bis-swar u tinsab fit-Tramuntana tal-Portugall, inbniet matul perijodu perikoluż. Is-swar tagħha jagħtu għal fuq ix-Xmara Minho, il-fruntiera bejn Spanja u l-Portugall. Fuq in-naħa l-oħra tax-xmara hemm il-belt Spanjola taʼ Tui, b’katidral li jidher qisu fortizza. Is-swar ewlenin taʼ Tui u Valença nbnew fis-seklu 17 meta Spanja u l-Portugall kienu qed jiggwerraw.
Fl-1995, l-għases tal-fruntiera bejn dawn iż-żewġ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea saru xi ħaġa tal-passat. Imma hemm bżonn iktar milli tneħħi l-għases tal-fruntieri biex tgħaqqad lin-nies. Hemm bżonn bidla fl-imħuħ u l-qlub. F’Valença hemm bini żgħir u sabiħ li juri kif l-ostakli bejn in-nies jistgħu jingħelbu. Huwa post taʼ qima, Sala tas-Saltna tax-Xhieda taʼ Ġeħova, li jintuża minn żewġ kongregazzjonijiet, waħda Spanjola u oħra Portugiża.
Din l-istorja bdiet fl-2001, meta x-Xhieda f’Tui kellhom bżonn Sala tas-Saltna ġdida. Kellhom jitilqu mill-post li kienu jikru, u ma kellhomx biżżejjed flus biex jibnu sala ġdida. Lanqas ma kienu jaffordjaw jikru xi mkien ieħor, għax il-kongregazzjoni ma kinitx waħda kbira. Allura dawn ix-Xhieda Spanjoli staqsew lil ħuthom Portugiżi f’Valença jekk setgħux jużaw is-sala tagħhom, li kienet ftit kilometri ’l bogħod miċ-ċentru taʼ Tui.
Eduardo Vila, membru tal-kongregazzjoni taʼ Tui fi Spanja, jiftakar: “Iddiskutejna d-deċiżjoni f’laqgħa f’Diċembru, 2001. Meta tlaqt mil-laqgħa, irrealizzajt li Ġeħova kien mess il-qalb taʼ ħutna Portugiżi. Kienu għamlu
sagrifiċċji kbar biex jibnu Sala tas-Saltna sabiħa, u l-fidi tagħna ssaħħet meta rajna li kienu lesti jaqsmu magħna dak li kellhom.”Américo Almeida, Xhud Portugiż li kien preżenti fl-istess laqgħa, jgħid: “Tajna merħba lill-aħwa Spanjoli u lqajniehom fis-Sala tas-Saltna tagħna. Konna fiduċjużi li Ġeħova kien se jbierek dan l-arranġament, u d-deċiżjoni ttieħdet b’mod unanimu.” Ix-Xhieda miż-żewġ naħat tal-fruntiera jingwalawha flimkien. Paolo, Xhud minn Valença, jgħid: “Forsi tinstemaʼ stramba, imma lanqas biss nindunaw li aħna minn żewġ pajjiżi differenti. Sempliċement aħna aħwa spiritwali.”
Waħda mill-ewwel affarijiet li jinnotaw il-viżitaturi fis-Sala tas-Saltna hi ż-żewġ arloġġi identiċi fuq il-ħajt taʼ wara li għandhom ħinijiet differenti minn xulxin. Spanja qegħedha siegħa ’l quddiem mill-Portugall, imma din hi l-unika differenza li hemm bejn iż-żewġ kongregazzjonijiet. Meta l-bini kellu bżonn xi rinovazzjoni, Kumitat Reġjonali tal-Bini fi Spanja ħa ħsieb il-ħaddiema entużjasti miż-żewġ kongregazzjonijiet. Paolo jiftakar: “Ġew ħafna ħaddiema tas-sengħa minn Spanja biex jgħinuna. Xi wħud ġew minn 160 kilometru ’l bogħod. Il-proġett kompla jgħaqqadna u jkattar l-imħabba bejnietna.”
Ejja nikkunsidraw eżempju ieħor taʼ kif l-isfidi tal-fruntieri ġew megħlubin.
Unità f’Wied Maqsum
Puigcerdá hi belt Spanjola mal-fruntiera taʼ Franza. Tinsab f’qalb wied fertili mdawwar bil-qċaċet għoljin tal-muntanji Pirinej. Il-wied kollu, li hu magħruf bħala Cerdaña, darba kien jagħmel parti minn Spanja. Imma fl-1659, fi trattat taʼ paċi msejjaħ it-Trattat tal-Pirinej, Spanja tat nofs il-wied lil Franza.
Illum il-ġurnata, il-Franċiżi jmorru jixtru f’Puigcerdá, il-belt prinċipali tal-wied. U mill-1997, ix-Xhieda taʼ Ġeħova f’Puigcerdá wkoll fetħu l-bibien tas-Sala tas-Saltna tagħhom lil ħuthom Franċiżi. F’dik is-sena, ix-Xhieda Franċiżi kellhom jitilqu mill-post li kienu jikru. L-iktar Sala tas-Saltna fil-viċin fi Franza kienet siegħa ’l bogħod bil-karozza, u matul ix-xhur tax-xitwa t-triq li kellhom jgħaddu minnha, li kienet tgħaddi mill-muntanji għoljin, spiss tkun magħluqa minħabba l-borra.
Meta x-Xhieda Franċiżi spjegaw il-bżonn urġenti li kellhom għal post fejn jiltaqgħu, ix-Xhieda Spanjoli mill-ewwel offrew is-Sala tas-Saltna tagħhom stess. Prem, Xhud lokali, jiftakar: “L-aħwa Spanjoli kollha ħassewhom entużjasti dwar li jaqsmu s-sala magħhom. Ovvjament, dan l-ispirtu ġie mit-taħriġ Skritturali li konna rċivejna tul is-snin. Xi ħmistax wara, bdejna naqsmu s-Sala tas-Saltna tagħna magħhom, u ilna nagħmlu hekk għal dawn l-aħħar 13-il sena.”
“Puigcerdá kien il-post ideali għalina biex ikollna Sala tas-Saltna,” jispjega Eric, indokratur fil-kongregazzjoni Franċiża. “Għadni niftakar il-merħba mill-qalb li tatna l-kongregazzjoni Spanjola. Żejnu s-sala tagħhom b’bukkett fjuri kbir u b’tabella li kienet tgħid, ‘Nagħtukom merħba, għeżież aħwa.’”
Eric iżid jgħid: “In-nies ħasbu li l-fatt li għalaqna s-Sala tas-Saltna fi Franza kien ifisser li l-kongregazzjoni spiċċat. Imma malajr urejna li dan ma kienx minnu permezz tal-ippritkar regulari tagħna fl-inħawi, li kien jinkludi t-tqassim taʼ inviti stampati biex jattendu l-laqgħat tagħna fi Spanja. Nies interessati jieħdu pjaċir jiġu s-sala fi Spanja. Iktar minn hekk, il-fatt li naqsmu sala maʼ ħutna Spanjoli ressaqna eqreb lejn xulxin. Qabel, konna nafu li kien hemm kongregazzjoni Spanjola fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera, imma ma tantx kellna kuntatt magħha. Issa li naraw lil xulxin regolarment, ma nħossuniex daqstant maqtugħin għalina f’dan il-wied iżolat fil-muntanji.”
Kien hemm xi skumdità minħabba d-differenzi kulturali? “Meta sirt naf li l-laqgħat tagħna kienu se jinżammu n-naħa l-oħra tal-fruntiera fi Spanja, ħassejtni xi ftit inkwetata,” ammettiet Xhud Franċiża li għandha fuq it-80 sena. “Imma grazzi għall-merħba u l-attitudni dħulija tal-aħwa f’Puigcerdá, il-bidla ma ħalqet l-ebda inkwiet, xejn affattu. Anzi, kienet opportunità biex nuru l-unità internazzjonali tal-poplu taʼ Ġeħova.”
Il-Pedament Għal Iktar Unità
Il-fundaturi tal-Unjoni Ewropea stqarrew li l-pajjiżi membri kienu “determinati li jpoġġu l-pedamenti għal iktar u iktar unità fost in-nies tal-Ewropa.” L-għases tal-fruntieri tneħħew fis-snin 80 u 90 bl-iskop li jħaffu dan il-proċess. Imma hemm bżonn li jingħelbu l-ostakli li hemm fl-imħuħ ukoll.
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jaħdmu iebes biex iġibu fix-xejn il-preġudizzju u n-nuqqas taʼ fiduċja. Jifhmu li jkun taʼ benefiċċju li l-aħwa jkunu minn diversi sfondi u jifhmu li “Alla mhux parzjali.” (Atti 10:34) Fil-konvenzjonijiet internazzjonali u fis-Swali tas-Saltna tagħhom raw “kemm hu tajjeb u sabiħ li l-aħwa jgħammru flimkien f’unità!” (Salm 133:1) L-unità li ħadmu għaliha x-Xhieda minn Valença u Puigcerdá maʼ ħuthom mill-pajjiżi taʼ ħdejhom hi prova ħajja taʼ dan.
[Kumment f’paġna 23]
“Forsi tinstemaʼ stramba, imma lanqas biss nindunaw li aħna minn żewġ pajjiżi differenti. Sempliċement aħna aħwa spiritwali”
[Kumment f’paġna 24]
“Il-proġett kompla jgħaqqadna u jkattar l-imħabba bejnietna”
[Kumment f’paġna 25]
“Kemm hu tajjeb u sabiħ li l-aħwa jgħammru flimkien f’unità!” SALM 133:1
[Stampa f’paġna 23]
Veduta taʼ Tui u x-Xmara Minho mill-belt imdawra bis-swar taʼ Valença do Minho
[Stampa f’paġna 24]
Ir-rinovazzjoni tas-Sala tas-Saltna
[Stampa f’paġna 25]
Il-Pirinej u l-wied Cerdaña
[Stampa f’paġna 25]
Żewġ anzjani miż-żewġ kongregazzjonijiet, wieħed Spanjol u l-ieħor Franċiż, li jiltaqgħu fis-Sala tas-Saltna f’Puigcerdá