Għandek Tafda l-Ewwel Impressjoni li Tieħu taʼ Xi Ħadd?
WAQT li kien bilqiegħda komdu fis-salott, tabib kien qed jara programm taʼ diskussjoni fuq it-televixin li fih kien hemm ministru tal-gvern Irlandiż. It-tabib osserva bir-reqqa wiċċ il-ministru u nnota xi ħaġa li ħaseb li tat indikazzjoni li kellu tumur. Ta lill-ministru l-parir li jmur jara tabib mill-ewwel.
Sabu li dak li kien ħaseb it-tabib kien eżattament minnu. Dan it-tabib kellu l-abbiltà li jkun jaf x’għandu l-pazjent sempliċement billi jħares lejh. Imma xi wħud jaħsbu li jistgħu jagħmlu l-istess meta jiġu biex jiġġudikaw il-karattru u l-personalità taʼ xi ħadd, jew jekk hux taʼ min jafdah.
Matul is-sekli, xi riċerkaturi pprovaw jiżviluppaw metodu xjentifiku biex isiru jafu x’inhu l-karattru taʼ persuna mid-dehra fiżika tagħha. Dan il-metodu jissejjaħ fiżjonomija, li d-dizzjunarju taʼ Joseph Aquilina jispjega li hi “s-sengħa li biha wieħed jagħraf il-karattru tal-bniedem mill-fiżjonomija [jiġifieri, id-dehra] tiegħu.” Fis-seklu 19, antropoloġi, bħal Francis Galton, kuġin taʼ Charles Darwin, u kriminologi, bħal Cesare Lombroso mill-Italja, ħarġu b’teoriji u metodi simili li issa fil-maġġorparti ntesew.
Xorta waħda, ħafna nies jemmnu li huwa possibbli li tasal għal konklużjoni tajba dwar individwu sempliċement billi tosserva l-apparenza taʼ barra. L-ewwel impressjonijiet bħal dawn huma taʼ min jafdahom?
Tiġġudika mill-Apparenza
Fil-ktieb Bibliku tal-Ewwel Samwel insibu eżempju tipiku taʼ ġudikar, jew taʼ wieħed li ġġudika b’mod żbaljat, fuq l-ewwel impressjoni. Alla Ġeħova qal lill-profeta Samwel biex jaħtar membru mid-dar taʼ Ġesse bħala s-sultan futur t’Iżrael. Naqraw: “U ġara li, hekk kif [ulied Ġesse] daħlu u hu lemaħ lil Eljab, hu qal minnufih: ‘Żgur li l-midluk taʼ Ġeħova qiegħed quddiemu.’ Imma Ġeħova qal lil Samwel: ‘Tħarisx lejn id-dehra tiegħu u lejn it-tul taʼ l-istatura tiegħu, għax jien warrabtu. Għax mhux bħalma jara l-bniedem jara Alla, għaliex il-bniedem jara dak li jidher f’għajnejh; imma Ġeħova jara l-qalb.’” L-istess ħaġa rripetiet ruħha maʼ sitta oħra minn ulied Ġesse. Fl-aħħar, kuntrarju għal dak li ħasbu l-profeta u Ġesse, Alla għażel bħala s-sultan futur lit-tmien iben, David, ġuvnott li ħadd lanqas biss għaddielu minn moħħu li jġibu quddiem Samwel.—1 Samwel 16:6-12.
Ma tantx huma differenti l-affarijiet illum. Ftit snin ilu, fil-Ġermanja, professur tal-kriminoloġija għamel esperiment li kien jinvolvi 500 student tal-liġi. Kien hemm 12-il “mistieden” li ħadd ma kien jaf min huma. Dawn inkludew il-kmandant tal-pulizija lokali u l-prosekutur pubbliku, it-teżorier tal-università u l-uffiċjal tar-relazzjonijiet pubbliċi, xi avukati u uffiċjali tal-qorti, u tliet kriminali li nstabu ħatjin. L-istudenti kellhom jaqtgħu x’kien ix-xogħol taʼ kull mistieden, kif ukoll min mill-mistidnin kien qattaʼ xi żmien il-ħabs u għala. U dan kollu kellhom jagħmluh billi jibbażaw biss fuq l-apparenza tagħhom u l-passatempi li qalu li kellhom.
X’kienu r-riżultati? Madwar 75 fil-mija mill-istudenti rnexxielhom jaqtgħu min kienu tassew it-tliet kriminali. Imma medja taʼ 60 fil-mija mill-istudenti identifikaw ukoll lid-disaʼ mistidnin l-oħrajn bħala wħud li kisru l-liġi, għalkemm ma kellhomx rekord kriminali. Wieħed minn kull sebgħa mill-istudenti ħaseb li l-prosekutur pubbliku setaʼ kien wieħed
li jittraffika d-drogi, u wieħed minn kull tlieta ħaseb li l-kmandant tal-pulizija kien ħalliel! Konklużjonijiet ibbażati fuq l-impressjonijiet jistgħu jkunu żbaljati għall-aħħar. Għala?L-Apparenza Tistaʼ Tqarraq
Meta niltaqgħu maʼ xi ħadd għall-ewwel darba, għandna t-tendenza li nifformaw opinjonijiet dwar il-persuna bbażati fuq l-esperjenza tal-passat tagħna. Għandna ħabta niġġeneralizzaw u naslu għal konklużjonijiet mill-idea ġenerali li nkunu ħadna tal-persuna. Minbarra l-apparenza fiżika, nistgħu nevalwaw jew niġġudikaw persuna fuq il-bażi tan-nazzjonalità, l-etniċità, il-qagħda soċjali, jew ir-reliġjon tagħha.
Jekk l-opinjoni li nkunu fformajna dwar din il-persuna tinzerta li tkun korretta, nibdew infaħħru lilna nfusna talli nafu naqtgħu x’karattru għandha, u b’hekk jissaħħaħ it-twemmin tagħna li nistgħu nafdaw l-ewwel impressjoni li jkollna. Iżda, meta nirrealizzaw li konna wasalna għal konklużjoni kompletament żbaljata, kif nirreaġixxu? Jekk aħna onesti, għandna ninsew l-opinjoni li kellna qabel u nfittxu għal fatti. Jekk ma nagħmlux hekk, inkunu qed nonqsu jew nagħmlu ħsara lil oħrajn, dan kollu minħabba l-kburija tagħna, għax naħsbu li tant ninqalgħu f’li niġġudikaw lin-nies.
Li naslu għal konklużjoni dwar xi ħadd mill-apparenza jistaʼ jkun taʼ ħsara mhux biss għal dak li qed jiġi ġudikat imma wkoll għalina. Pereżempju, fl-ewwel seklu, ħafna Lhud irrifjutaw li jikkunsidraw il-possibbiltà li Ġesù kien il-Messija mwiegħed. Għala? Għax ibbażaw l-opinjonijiet tagħhom fuq l-apparenza taʼ barra u kulma raw kien l-iben taʼ sempliċi mastrudaxxa. Għalkemm kienu impressjonati bil-kliem għaref taʼ Ġesù u bl-għemejjel setgħanin, huma rrifjutaw li jemmnu li setaʼ jkun iktar minn dak li kienu ddeċidew diġà minn fuq l-ideat preġudikati tagħhom. L-attitudni tagħhom ġiegħlet lil Ġesù jmur jipprietka xi mkien ieħor. Hu qal: “Profeta jiġi onorat kullimkien minbarra f’pajjiżu u f’daru stess.”—Mattew 13:54-58.
Dawn il-Lhud kienu membri taʼ ġens li kien ilu jistenna l-Messija għal sekli sħaħ. Il-fatt li ħallew l-ewwel impressjoni tagħhom iżżommhom lura milli jagħrfu l-Messija meta fl-aħħar wasal, irriżulta f’li jitilfu l-approvazzjoni t’Alla. (Mattew 23:37-39) Kien hemm preġudizzju simili kontra s-segwaċi taʼ Ġesù. Ħafna nies sempliċement ma setgħux jemmnu li grupp żgħir taʼ sajjieda insinifikanti, li kien mistmerr minn nies edukati u l-mexxejja tar-reliġjon dominanti, kellu xi ħaġa importanti x’jgħid. Dawk li baqgħu jafdaw fl-ewwel impressjoni li kellhom tilfu l-opportunità tal-għaġeb li jsiru segwaċi tal-Iben t’Alla.—Ġwanni 1:10-12.
Xi Wħud Biddlu Fehmithom
Kien hemm xi wħud fi żmien Ġesù li kienu umli biżżejjed biex ibiddlu fehmithom meta raw b’għajnejhom stess dak li għamel Ġesù. (Ġwanni 7:45-52) Fost dawn kien hemm diversi membri mill-familja taʼ Ġesù, li għall-ewwel ma kinux ħadu bis-serjetà l-possibbiltà li xi ħadd mill-qraba tagħhom setaʼ kien il-Messija. (Ġwanni 7:5) Kienu taʼ min ifaħħarhom għax maż-żmien biddlu fehmithom u poġġew il-fidi fih. (Atti 1:14; 1 Korintin 9:5; Galatin 1:19) B’mod simili, snin wara f’Ruma, xi rappreżentanti tal-komunità Lhudija kienu lesti jisimgħu lill-appostlu Pawlu wiċċ imb wiċċ minflok ma taw kas l-għajdut li kien qed jinxtered minn għedewwa tal-Kristjanità. Wara li taw widen, xi wħud minnhom bdew jemmnu.—Atti 28:22-24.
Illum, ħafna nies għandhom ħarsa negattiva lejn ix-Xhieda taʼ Ġeħova. Għala? Ħafna drabi mhijiex għax eżaminaw il-fatti jew għax taw prova li t-twemmin u l-prattiki tax-Xhieda mhumiex Skritturali. Minflok, sempliċement ma jistgħux jemmnu li x-Xhieda taʼ Ġeħova jistaʼ jkollhom il-verità fil-qasam reliġjuż. Kif tistaʼ tiftakar, din kienet eżatt l-istess ħarsa li kellhom ħafna nies fl-ewwel seklu dwar il-Kristjani tal-bidu.
M’għandniex niħduha bi kbira li jingħadu affarijiet mhux favorevoli jew taʼ tmaqdir fuq dawk li jagħmlu l-almu tagħhom biex jimitaw l-eżempju taʼ Ġesù. Għala le? Għax Ġesù wissa lis-segwaċi veri tiegħu meta qal: “Intom tkunu mibgħudin minn kulħadd minħabba ismi.” Imma ħeġġiġhom bil-kliem: “Min jissaporti sat-tmiem jiġi salvat.”—Mattew 10:22.
B’ubbidjenza lejn il-kmand taʼ Ġesù, ix-Xhieda taʼ Ġeħova llum jaħdmu iebes biex iwasslu l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla lin-nies madwar id-dinja kollha. (Mattew 28:19, 20) Dawk li għalkollox jirrifjutaw li jisimgħu qed jissograw li jitilfu l-opportunità li jaqbdu t-triq li tagħti għall-ħajja taʼ dejjem. (Ġwanni 17:3) Xi ngħidu għalik? Se tħalli lilek innifsek tkun gwidat minn sempliċement l-ewwel impressjoni u ideat preġudikati, jew se teżamina l-fatti b’moħħ miftuħ? Tinsiex: L-apparenza tistaʼ tqarraq, u l-impressjonijiet jistgħu jkunu ħżiena; imma tistaʼ tkun sorpriż bir-riżultat meta teżamina l-fatti mingħajr preġudizzju.—Atti 17:10-12.
[Stampa f’paġna 11]
L-ewwel impressjoni tagħhom wasslet lil ħafna Lhud biex jiċħdu lil Ġesù bħala l-Messija
[Stampa f’paġna 12]
L-opinjoni tiegħek dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova hi bbażata fuq l-impressjonijiet jew fuq il-fatti?