Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont Taf?

Kont Taf?

X’kien l-​artal lil “Alla Mhux Magħruf” li ra l-​appostlu Pawlu meta kien Ateni?—Atti 17:23.

Għadd taʼ kittieba Griegi tal-​qedem irreferew għal artali bħal dawn. Pereżempju, Pawsanja, storjografu u ġeografu tat-​tieni seklu W.K., qal li f’Olimpja kien hemm “artal tal-​allat Mhux Magħrufin.” U l-​oratur u l-​filosfu Filostratu qal li f’Ateni nbnew “artali saħansitra f’ġieħ l-​allat mhux magħrufin.”

Dijoġene Lertju, kittieb tat-​tielet seklu W.K., jirrakkonta tradizzjoni li tispjega l-​oriġini tal-​“artali bla isem.” Din l-​istorja, li tmur lura sas-​sitt jew sas-​seba’ seklu Q.K., tgħid kif ċertu Epimenides ħeles lil Ateni minn pesta. Dijoġene jikteb: “Hu [Epimenides] qabad xi nagħaġ . . . u ħadhom fl-​Arjopagu; u hemmhekk ħalliehom jimirħu fejn riedu. Ta istruzzjonijiet lil dawk li marru warajhom biex jaraw fejn timtedd kull nagħġa u hemmhekk joffru sagrifiċċju għad-​divinità lokali. U b’dan il-​mod jingħad li l-​pesta spiċċat. Għaldaqstant, saħansitra sal-​lum il-​ġurnata jistgħu jinstabu artali f’partijiet differenti tal-​Attika li ma għandhom ebda isem minqux fuqhom.”

Dizzjunarju dwar il-​Bibbja (The Anchor Bible Dictionary) jgħid li raġuni oħra għala nbnew artali lil allat mhux magħrufin setgħet kienet “il-​biżaʼ li jittraskuraw il-​qima lejn xi alla raġel jew xi alla mara mhix magħrufa, u b’hekk jew ma jirċivux il-​barka tad-​divinità jew iġibu fuqhom il-​korla tiegħu jew tagħha.”

Il-​Lhud tal-​ewwel seklu għala kienu jistmerru lill-​kolletturi tat-​taxxa?

Il-​kolletturi tat-​taxxa qatt ma kienu daqshekk maħbubin min-​nies. Madankollu, f’Iżrael tal-​ewwel seklu kienu meqjusin fost l-​iktar nies mistmerrin u korrotti.

L-​awtoritajiet Rumani li kienu jaħkmu f’dak iż-​żmien kienu jesiġu taxxi għoljin ħafna mingħand in-​nies. Uffiċjali Rumani kienu jiġbru t-​taxxa fuq il-​proprjetà u fuq kull ras, imma x-​xogħol tal-​ġbir tad-​dazju fuq affarijiet importati, esportati, u merkanzija li tgħaddi mill-​pajjiż, tawh lill-​individwu li kien lest li joffrilhom l-​iktar flus. B’hekk, negozjanti lokali xtraw id-​dritt li jiġbru t-​taxxi f’ċerti nħawi. Ladarba kienu lesti li jaħdmu għar-​Rumani mibgħudin, dawn l-​individwi kienu mistmerrin profondament minn Lhud oħrajn. Enċiklopedija tgħid li kienu jqisuhom bħala “tradituri u apostati, imniġġsin bil-​kuntatt li spiss kien ikollhom mal-​pagani.”—M’Clintock and Strong’s Cyclopædia.

Il-​kolletturi tat-​taxxa kienu magħrufin sew li kienu diżonesti, u stagħnew minn fuq dahar in-​nies taʼ pajjiżhom. Xi wħud esaġeraw il-​valur tal-​merkanzija li kellha tiġi intaxxata u daħħlu l-​profitt fil-​but, waqt li oħrajn użaw akkużi foloz biex b’qerq jieħdu l-​flus mingħand il-​foqra. (Luqa 3:13; 19:8) Minħabba f’hekk, il-​Lhud kienu jqiegħdu lill-​kolletturi tat-​taxxa fl-​istess keffa mal-​midinbin. Enċiklopedija (The Jewish Encyclopedia) tgħid li “ma kinux kwalifikati biex jaqdu bħala mħallfin jew saħansitra bħala xhieda.”—Mattew 9:10, 11.

[Stampa f’paġna 26]

Artal lil alla mhux magħruf, fdalijiet taʼ pergamu, it-​Turkija

[Stampa f’paġna 26]

Skultura rumana li turi kollettur tat-​taxxa, it-​2 jew it-​3 seklu W.K.

[Sors]

Erich Lessing/Art Resource, NY