“L-Affarijiet taʼ Qabel Ma Jitfakkrux”
Ersaq Qrib Lejn Alla
IL-MEMORJI jistgħu jkunu barka. Meta tħares lura u toqgħod tirrifletti fuq iż-żminijiet sbieħ li qattajt mal-għeżież tiegħek, tistaʼ tħoss qalbek timtela bil-ferħ. Imma f’każi oħrajn, il-memorji jistgħu jkunu iktar bħal saħta. Qiegħed int tiġi tturmentat minn memorji koroh minħabba xi esperjenzi taʼ wġigħ li għaddejt minnhom fil-passat? Jekk iva, għandek mnejn taħseb bejnek u bejn ruħek, ‘Imma, dawn il-memorji koroh u taʼ dwejjaq, qatt se ninsiehom?’ Fil-kliem tal-profeta Isaija nistgħu nsibu tweġiba li tassew hija taʼ serħan il-moħħ.—Aqra Isaija 65:17.
L-iskop taʼ Ġeħova hu li jelimina kull ħaġa li tikkaġuna memorji taʼ wġigħ. Kif se jagħmel dan? Billi jneħħi din id-dinja mill-agħar bis-sofferenzi kollha tagħha u minflokha jġib xi ħaġa bil-wisq aħjar. Permezz taʼ Isaija, Ġeħova jwiegħed: “Ara, qed noħloq smewwiet ġodda u art ġdida.” Fehma ċara taʼ din il-wegħda tistaʼ timlielna qalbna bit-tama.
X’inhuma s-smewwiet ġodda? Il-Bibbja tagħtina xi ħjiel li jistaʼ jgħinna. L-ewwel, l-idea taʼ smewwiet ġodda tissemma minn żewġ kittieba oħra tal-Bibbja, u fiż-żewġ każijiet il-kliem hu assoċjat maʼ bidliet sinifikanti li se jseħħu fuq din l-art. (2 Pietru 3:13; Rivelazzjoni 21:1-4) It-tieni, il-kelma “smewwiet” fil-Bibbja tistaʼ tirrappreżenta ħakma, jew gvern. (Isaija 14:4, 12; Danjel 4:25, 26) Għalhekk, is-smewwiet ġodda huma gvern ġdid—gvern li kapaċi jġib kundizzjonijiet ġusti fuq l-art. Hemm ħakma waħda biss li kapaċi twettaq dan kollu—is-Saltna t’Alla, il-gvern fis-sema li Ġesù għallimna kif nitolbu għalih. Din is-Saltna se tagħmel possibbli li r-rieda ġusta t’Alla ssir fuq l-art kollha.—Mattew 6:9, 10.
X’inhi l-art ġdida? Ejja nikkunsidraw żewġ fatti Skritturali li se jgħinuna naslu għall-konklużjoni t-tajba. L-ewwel, il-kelma “art” fil-Bibbja xi kultant tirreferi għan-nies u mhux għad-dinja nfisha. (Salm 96:1) It-tieni, il-Bibbja bassret li taħt il-ħakma t’Alla, in-nies leali se jitgħallmu s-sewwa, u dan se jinfirex mad-dinja kollha. (Isaija 26:9) Għalhekk, l-art ġdida tirreferi għal soċjetà taʼ nies li se jissottomettu ruħhom għall-ħakma t’Alla u jgħixu mal-livelli ġusti tiegħu.
Tistaʼ tara kif Ġeħova se jelimina kull ħaġa li tikkaġuna memorji taʼ wġigħ? Ġeħova dalwaqt se jwettaq bis-sħiħ il-wegħda tiegħu taʼ smewwiet ġodda u art ġdida, billi jistabbilixxi dinja ġdida li se tkun ġusta. a F’din id-dinja l-ġdida, dak kollu li jikkaġuna memorji koroh—uġigħ fiżiku, mentali, u emozzjonali—se jkun xi ħaġa tal-passat. In-nies leali se jgawdu l-ħajja bis-sħiħ u se jgħożżu l-memorji sbieħ taʼ kull ġurnata li tgħaddi.
Iżda, xi ngħidu għall-uġigħ li bħalissa għandu mnejn qed itaqqlilna qalbna? Il-wegħda taʼ Ġeħova permezz taʼ Isaija tkompli tgħid: “L-affarijiet taʼ qabel ma jitfakkrux, u lanqas ma jweġġgħu l-qalb.” Kull uġigħ li qatt esperjenzajna f’din id-dinja li se tispiċċa, maż-żmien se jintesa. Iħajrek dan il-prospett? Jekk iva, mela għala ma ssirx taf kif tistaʼ tersaq eqreb lejn l-Alla li jwiegħed futur mill-isbaħ bħal dan?
[Nota ta’ taħt]
a Għal iktar informazzjoni dwar is-Saltna t’Alla u dak li dalwaqt se twettaq, ara kapitli 3, 8, u 9 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kumment f’paġna 27]
L-iskop taʼ Ġeħova hu li jelimina kull ħaġa li tikkaġuna memorji taʼ wġigħ