“Il-Ħajja taʼ Dejjem Tfisser Dan”
“Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.”—ĠWANNI 17:3.
L-GĦARFIEN jistaʼ jsalva l-ħajja. Meta marad Nouhou, tifel taʼ għaxar xhur, ommu—impjegata fil-qasam tal-kura tas-saħħa fin-Niġer—kienet taf x’kellha tagħmel. Hi ppreparat għal binha xarba b’taħlita taʼ melħ, zokkor, u ilma nadif sabiex jiġu sostitwiti l-fluwidi li tilef minn ġismu. Skont l-UNICEF, minħabba li “aġixxiet fil-pront u kellha aċċess għall-kura medika fil-komunità, binha setaʼ jirkupra malajr.”
Anki l-għarfien mill-Bibbja jistaʼ jsalva l-ħajja. Mosè, l-ewwel kittieb tal-Bibbja, qal: “M’hijiex kelma bla siwi għalikom, imma tfisser ħajjitkom, u b’din il-kelma ttawlu jiemkom.” (Dewteronomju 32:47) Tistaʼ l-Bibbja verament ittawlilna jiemna? B’liema mod tfisser ħajjitna?
Il-ħames artikli taʼ qabel f’din is-serje wrew li l-Bibbja hi ktieb li ma jitqabbel maʼ xejn f’dak li għandu x’jaqsam maʼ profeziji taʼ min joqgħod fuqhom, eżattezza storika u xjentifika, armonija fiha nfisha, u gwida prattika. Dan kollu juri li l-Bibbja hi unika. B’hekk, meta din tistqarr li tistaʼ ttawwal il-ħajja, jiġifieri ħajja taʼ dejjem, ma jkunx xieraq li tagħtiha attenzjoni bir-reqqa?
Inħeġġuk issir taf kif l-għarfien eżatt tal-Bibbja jistaʼ jgħinek tikseb il-paċi tal-moħħ issa u hena fil-futur. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu pjaċir juruk kif tistaʼ tikseb dan l-għarfien.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 9]
Il-Bibbja hija unika wkoll għax hi biss tagħti tweġibiet sodisfaċenti għall-mistoqsijiet fundamentali li nistaqsu:
• Għala qegħdin hawnhekk?
• Għala hawn daqstant tbatija?
• Hemm xi tama għall-maħbubin mejtin tiegħi?
Int tistaʼ ssib it-tweġibiet li tagħti l-Bibbja f’dan il-ktieb, Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.